venerdì 27 novembre 2020

Ċelest u roża

 

Minbarra li huma l-ismijiet ta’ raġel u mara, Ċelest u Roża huma wkoll żewġ ilwien li konna, u forsi għadna wkoll, nassaċċjawhom mas-subien u l-bniet. “Ċelest tal-boys u roża tal-girls” kienu jgħidulna. Anke l-uniformijiet tal-iskola fi ċkuniti kienu marbutin ma’ dawn il-kuluri; il-bniet bi blouse roża u dublett blu u aħna bi qmis ċelesta, qalziet u ngravata blu. Irridu niftakru li fl-iskejjel dak iż-żmien kienu jifirduna, bniet għalihom u subien għalihom, l-ewwel sentejn tal-primarja nkunu flimkien u ma nerġgħux niltaqgħu qabel is-sixth form, min jagħmilha! Kienet dinja oħra li llum bosta minna nħossu nostalġija għaliha.

F’żgħożiti l-affarijiet bdew jinbidlu. Kienet daħlet il-moda li r-roża jintlibes anke mill-ġuvintur. Biex ngħidu d-dritt, il-lewn roża jaqta’ ħafna mal-ġriż. Konna bdejna naraw żgħażagħ lebsin xi qmis roża taħt gakketta jew ġlekk iswed jew ġriż. Bdew jidħru anke kalzetti roża minkejja li kien hawn min kien iħares xi ftit b’inċertezza dwar dawk l-irġiel li kienu jitfgħu fuqhom xi biċċa lbies roża. Kollox jindara u kollox jinbidel. Kienet ħajja oħra. Mill-banda l-oħra t-tfajliet qatt ma kellhom problema biex jilbsu xi lbies li jkun fih il-lewn ċelest. Għalihom minn dejjem kienet ħaġa normali li jxiddu ħwejjeġ ċelesti. Għandek tgħid aħna l-bnedmin kemm għandna ħmerijiet, anke fuq kulur ta’ lbies nafu ninfirdu!

Dawn iż-żewġ kuluri ma humiex biss marbutim mal-bniet u s-subien. Araw  naqra x’ġie f’moħħi dal-lejl u qomt niktbu.

Il-belt ir-roża

Fl-Indja, sewwasew fir-Rajasthan insibu belt jisimha Jaipur. Din hija magħrufa ħafna għax hija l-kapitali tal-istat ta’ Rajasthan u hija l-akbar belt f’dan l-istat tas-subkontinenet Indjan. Parti minn din il-belt hija magħrufa bħala l-belt ir-roża minħabba li l-bini fiha huma magħmul minn ġebel. Din il-parti hija magħluqa bis-swar u ġewwa dawn is-swar ma tara xejn ħlief bini roża. Biex tinżamm din il-karatteristika hemm liġi li tipprojbixxi li l-ħitan tad-djar u l-bini kollu ta’ din iż-żona jinżebgħu b’xi kulur ieħor.

Kollox beda taħt il-Maharaja Sawai Ram Singh. FL-1876 ir-raġel tal-Reġina Vittorja, il-Prinċep Albert kien sejjer iżur l-Indja. Il-Maharaja, jew is-sultan, Ram Singh xtaq li meta dan il-prinċep iżur ir-Rajasthan jibqa’ jiftakar iż-żjara tiegħu. Għalhekk ordna li l-parti tal-belt ta’ Jaipur fi ħdan l-iswar tiġi miżbugħha kollha kemm hu lewn il-fuħħar, kulur it-terrakotta li nistgħu ngħidu li hu roża. Storikament fl-Indja dan il-lewn ifisser sinjal ta’ merħba. Dan il-kulur inzerta wkoll il-kulur favorit ta’ waħda minn nisa tal-Maharaja, anzi tal-aktar mara favorita tiegħu. Din insistiet ma’ żewġha li għandu jgħaddi liġi li f’dik il-parti tal-belt il-bini għandu jkun kollu tal-istess lewn, roża. Ir-raġel ma kisirx ix-xewqa ta’ qalb il-maħbuba tiegħu u għadda l-liġi, li għadha teżisti u tinżamm sal-lum, aktar minn mija u erbgħin sena wara. Din il-belt kienet iddikjarata bħala wirt tal-umanità mill-Unesco fl-2019.

Il-belt ċelesta

Fil-Marokk insibu l-belt ta’ Chefchaouen li hija magħrufa bħala l-belt il-blu. Sewwasew il-lewn li jispikka f’din il-belt mhux blu imma ċelest. Din il-belt jingħad li twaqqfet minn wieħed mid-dixxendenti tal-Profeta Mohammed. Inbniet bħala fortizza biex tilqa’ kontra l-ħbit tal-Portuġiżi. Meta wieħed jimxi fil-Medina ta’ din il-belt turistika bla ma jrid jinduna bil-bosta sfumaturi ta’ ċelest li jara l-ħitan miżbugħin bih. Hemm aktar minn teorija waħda għal din il-ħaġa. Hemm min jgħid li l-ħitan jinżebgħu ikal ċar għax dan il-lulur ibiegħed in-nemus. Ma nafx kemm hi vera din it-teorija. Xi wħud oħrajn isostnu li l-ħitan bdew jinżebgħu ċelesti fi żmien it-tieni gwerra dinjija, mil-Lhud li ħarbu mill-qilla tan-Nażisti u Hitler u sabu kenn hemmhekk. Billi ċ-ċelest huwa lewn is-sema, u allura anke l-ġenna, il-Lhud bdew jiżbgħu l-ħitan ta’ djarhom b’dan il-kulur biex jiftakru li ħarbu mill-mewt tal-gwerra u sabu l-ġenna hemmhekk. Oħrajn isostnu li din id-drawwa bdiet fis-snin sebgħin tas-seklu li għadda sempliċiment biex tattira t-turisti lejn il-belt. Biex ngħidu d-dritt din hija ħaġa karatteristika tal-belt imma hemm ħafna aktar x’jiġbed lit-turist lejn Chefchaouen, fosthom il-ħafna ħwejjeġ artiġjanali li ssib tixtri mis-suq, jew aħjar mit-toroq kollha tal-Medina. Ħaġa oħra li forsi tattira t-turisti hija li hawnhekk l-użu tal-ħaxixa (Kannabis) mhux illegali anzi hawnhekk insibu l-akbar produtturi tagħha.

Roża u ċelest. Kienu marbutin mat-tfal subien u bniet, imma hemm ħafna x’wieħed jgħid dwar dawn l-ilwien. Ir-roża: assoċjat mal-femminil, mal-karezzi, mas-sbuħija u l-qalb ħanina. Iċ-ċelest: assoċċjat mal-maskil, mas-sema bnazzi, mas-sliem. Żewġ kuluri ċari imma li nistgħu nsibu fihom aktar minn sinifikat wieħed. L-istejjer tal-ibliet li semmet illum juruna biċ-ċar dan li qed ngħid.

Fr Reno Muscat


Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 28 ta' Novembru 2020




venerdì 20 novembre 2020

Il-Boqxiex

 

Boqxiex
Illum ftit li xejn għadna naraw mastrudaxxi għax ħafna mill-għamara tad-djar tagħna qed tiġi lesta minn barra l-pajjiż. Biss dan ma kienx il-każ sa ftit għexieren ta’ snin ilu. Il-mastrudaxxa kien element importanti fil-ħajja tar-raħal jew belt mhux biss f’Malta imma madwar id-dinja kollha. Mal-għejbien tal-mastrudaxxa għebet ukoll l-għodda tiegħu u llum uliedna lanqas biss jafu xi tfisser jekk isemmilhom xi għodda antika tal-mastrudaxxa. Insomma qed ngħid għall-mastrudaxxa, imma fil-verità s-snajja kollha kważi spiċċaw minn fostna. Illum kollox isir bil-produzzjoni u l-makkinarju modern u għalhekk intilef mhux biss l-imgħallem imma wkoll is-sengħa tiegħu.

Fost il-ħafna għodda tal-mastrudaxxa konna nsibu il-boqxiex, forma ta’ ċana b’ żewġ pumi fil-ġnub li kien jintuża biex jillixxa xi njama fit-tond. Kien jintuża ħafna minn dak li kien jagħmel ir-roti tal-karettuni. U biex ngħidu d-dritt, illum min għadu jordna xi karettun? Mhux bilfors jgħib bil-mastrudaxxa u miegħu tgħib l-għodda li kien jaħdem biha?

Boqxiex ieħor

Iżda l-kelma boqxiex nużawha għal aktar minn oġġett wieħed. Nużawha għall-għodda u nużawha wkoll għall-flus. Il-flus ġieli smajna min isejħilhom boqxiex. Min jaf kif originat din il-ħaġa? Forsi minħabba l-ammont ta’ ċana li kien jagħmel il-boqxiex meta jkun użat, li xi ħadd kien jimmaġina dik iċ-ċana bħala karti tal-liri? Ma nafx!

Flus

X’ taqbad tikteb dwar il-flus? Il-problema mhux għax ma hemmx x’ tikteb imma li hemm bosta x’wieħed jikteb dwarhom. Hemm bosta proverbi relatati mal-flus: bla flus la tgħannaq u lanqas tbus, bil-flus tista’ tagħmel triq fil-baħar, il-flus huma l-għerq ta’ kull ħażen. Jekk bniedem ikun tat-tajjeb ngħidu li għandu flus kemm jesa’ ġildu imma ngħidu wkoll li l-flus imorru u jiġu.

Dan l-aħħar rajt kitba li tassew laqtitni. Din tirrigwarda l-flus u l-ħajja tagħna. Xi tgħid din il-kitba? Ħwejjeġ sempliċi li bil-ħajja mgħaġġla li ngħixu jaħarbulna.

Bil-flus tista’ tixtri dar imma mhux familja

Tassew li dar tinxtara bil-flus, imma x’jiswa li jkollok dar bla familja? Dar hija tal-ġebel, familja hija tad-demm u l-laħam. L-Ingliżi jiddistingwu minn house għal home, waħda tal-ġebel l-oħra hija l-bejta tal-familja.

Bil-flus tista’ tixtri arloġġ imma mhux il-ħin

Time is money jgħidu l-Ingliżi. Bil-flus ma tixtrix kollox, il-ħin ma jinxtarax, ma tistax twaqqfu, ma tistax tgħidlu jistenna. Tagħmel x’tagħmel il-ħin jibqa’ għaddej u ma kull tektika tal-arloġġ li nkunu xtrajna bil-flus, niftakru li huwa pass inqas mill-mixja tagħna f’din id-dinja.

Bil-flus tista’ tixtri l-kotba iżda mhux l-għerf


Tassew li l-għerf jiġi mil-qari u mill-istudju, biss jekk ikollok librerija mimlija u tkun hemm sempliċiment biex timla l-ixkafef ma jkunu jiswew għal xejn. Socrate kien jgħid li l-kitba hija bħall-pittura, tkellimha u ma twieġbekx. Kien għalhekk li dan il-filosfu kbir qatt ma kiteb xejn u dejjem għallem b’mod orali. Biss imagħad imnalla kitbu dawk ta’ warajh dak li għallem hu għax kieku konna nitilfu t-tagħlim tiegħu kollu.

Bil-flus tħallas lit-tabib imma ma tixtrix is-saħħa

Ma hemmx ħtieġa ta’ bosta kliem biex nifhmu din il-frażi, bil-flus tixtri bosta affarijiet imma s-saħħa bħall-ħin, ma tinxtarax.

Bil-flus tista’ tixtri d-demm imma mhux il-ħajja

Din il-frażi hija simili għal dik ta’ qabilha. Kien hemm żmien li t-tobba kienu jemmu li l-ħajja tal-bniedem hija fid-demm. Ix-xjenza wriet li dan il-ħsieb kien żbaljat. Id-demm importanti imma jista’ jinbidel, biss il-ħajja hija waħda u la tispiċċa tkun spiċċat għal kollox.

Bil-flus tista’ tixtri s-sess imma mhux l-imħabba

Is-sess bħala tpartit mal-flus hija purament prostituzzjoni. Il-prostituzzjoni hija att sesswali għall-flus fejn l-imħabba ma tidħol fl-ebda parti tal-att. Allura att bħal dan huwa att artifiċjali għax is-sess għandu  jkun frott tal-imħabba. Tonqos l-imħabba mill-att u jispiċċa biss att ta’ qliegħ ta’ flus u xejn aktar.

Bil-flus tista’ tixtri l-ward imma mhux ir-rebbiegħa

Minkejja li bil-flus tista’ tirranġa u tixtri ħwejjeġ li bla flus lanqas biss timmaġina, xorta dawn jistgħu jkunu artifiċjali. Bħal fil-każ tal-fjuri, tista tixtri ward meta trid biss ma jfissirx li tkun ir-rebbiegħa, il-ward jikber fis-serra s-sena kollha, ir-rebbiegħa terġa’  tiġi wara li jgħaddu t-tliet staġuni l-oħra.

Bil-flus tista’ tixtri li trid imma mhux l-hena

Diġà rajna li mhux tassew tista’ tixtri li trid. Kulħadd irid ikollu aktar ħin, kulħadd jixtieq ikun b’saħħtu iżda dawn il-ħwejjeġ ma jinxtrawx fil-flus. U ma dawn hemm ukoll l-hena tal-bniedem. Mhux il-flus jagħmlu l-bniedem kuntent imma l-paċi inter ta’ dak li jkun. L-hena tista’ tinkiseb bla ma tħallas sold għaliha. Biżżejjed kumpanija tajba.

Boqxiex! Kemm ħsibijiet minn daqxejn ta’ kelma! Minn biċċa għoda tal-mastrudaxxa spiċċajna nduru dawra magħna nfusna u ma ħajjitna!

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon -  21 ta' Novembru 2020




venerdì 13 novembre 2020

Simbolu


Fil-ħajja tagħna l-bnedmin nużaw jew niltaqgħu ma’ għadd ta’ simboli li jifhimhom kulħadd mingħajr ħtieġa ta’ spejga. Simbolu mhux biss sinjal imma huwa wkoll disinn jew oġġett li bla ma trid, xħin tarah moħħok jiftakar f’xi ħaġa jew f’xi ħadd.

Etimoloġija

Tajjeb qabel xejn naraw minn fejn ġejja l-kelma Simbolu u x’tifsira għandhom il-kliem li ġejja minnhom. Il-Latin juża l-kelma “simbŏlum”, u din ġejja mill- Grieg “σύμβολον” (simbolon) li hija kelma ffurmata minn żewġ kelmiet, “Sin”, li tfisser “flimkien” u “Bollon” li tfisser “tpoġġi” jew “titfa’ “. Għalhekk Simbolon u l-kliem kollu li joħroġ minnha, tfisser tpoġġi flimkien jew inkella tgħaqqad. Fil-fatt simbolu jgħaqqad grupp ta’ nies flimkien. Per eżempju partit politiku għandu l-arma tiegħu li l-membri tiegħu jaċċettaw bħala s-simbolu komuni li jgħaqqadhom flimkien. L-istess ngħidu għal għaqdiet oħra, soċjetajiet ta’ kull tip, mużikali, kulturali jew reliġjużi għandhom xi simbolu li jgħaqqadhom.

Sinjali

Simbolu li kulħadd jifhem

Is-simbolu mhux sinjal għalkemm jista’ jkun hemm xi sinjali li jinftehmu minn kulħadd bla ebda sforz. Nieħdu s-sinjali tat-traffiku. Dawn jinftehmu minn kull min isuq, jew tal-anqas hekk suppost. Jekk tara tabella tonda ta’ lewn aħmar b’faxx orizzontali abjad f’nofsha, f’moħħok mill-ewwel jiġi l-ħsieb li minn dik it-triq ma tistax tgħaddi bil-karozza. Dan is-sinjal huwa xi ħaġa internazzjoanli, tkun fejn tkun fid-dinja dan is-sinjal jindika l-istess ħaġa. U bħal din it-tabella huma s-sinjali tat-traffiku kollha.

L-istess nistgħu ngħidu għal xi sinjali oħra bħal dawk li jindikaw xi post għall-ikel, jew il-kamra tal-banju. Bħalissa billi għaddejjin minn żmien tal-pandemija qed naraw għadd ta’ sinjali bħal dawk biex naħslu jdejna, nagħmlu s-sanitizer, inżommu d-distanza soċjali jew biex ma nieħdux b’idejn xulxin. Dawn is-sinjali kulħadd jaf xi jfissru bla ebda ħtieġa ta’ spjegazzjoni.

Id-differenza bejn simbolu u sinjal hu li ħadd ma jħossu li jappartjeni għal xi sinjal filwaqt li simbolu bosta drabi huwa mod ta’ għaqda.

Simboli reliġjużi

Bħalma diġà għidt, jeżistu wkoll simboli reliġjużi L-istilla ta’ David, stilla kaħla b’sitt ponot hija simbolu tal-poplu Lhudi u fil-fatt insibuha fuq il-bandiera tal-istat ta’ Israel. Is-salib huwa s-sinjal tal-Kristjani, mhux biss dawk ta’ Rit Ruma jew Ortodoss imma ta’ kull min jemmen fi Kristu b’ eċċezzjoni ta’ xi setta li ma taċċettax is-salib bħala simbolu tal-fidi tagħha. L-istess il-qamar u l-istilla b’ħames ponot, dan huwa s-simbolu tal-fidi Musulmana. Kemm is-salib kif ukoll il-qamar u l-istilla nsibuhom fuq xi bnadar ta’ xi nazzjonijiet. Fost oħrajn anke l-bandiera ta’ pajjiżna fiha simbolu tas-salib fuqha għalkemm ma huwiex marbut mal-fidi Nisranija. Bnadar bis-salib, li wkoll ma għadhomx rabta mal-fidi, hemm bosta. Ħaġa li dejjem saħħritni hi li n-naħa tal-Iskandinavja hemm il-bnadar kollha li fihom is-salib; Danimarka, Svezja, Norveġja, Finlandja u l-żlanda. Issa li bdejna bil-bandar tajjeb insemmu wkoll li f’xi pajjiżi Musulmani nsibu l-bandiera bil-qamar u l-istilla bħalma huma dawk tat-Tuneżija, l-Alġerija u t-Turkija fost oħrajn. Wara kollox anke bandiera hija simbolu ta’ poplu.

Simboli reliġjużi

F’reliġjonijiet Orjentali nsibu simboli reliġjużi wkoll. Il-Yin-yang huwa simbolu ta’ reliġjon antika Ċiniża li llum jintuża wkoll f’xi arti marzjali. Fil-Buddiżmu, l-Induiżmu u reliġjonijiet Indjani oħra nsibu d-Dharmachakra li tixbaħ ir-rota li ddawwar it-tmun tax-xwieni. Dawn ma humiex is-simboli waħdanin f’dawn ir-reliġjonijiet bħalma għall-Insara mhux is-salib biss huwa simbolu tal-fidi, imma aktarx huma l-aktar popolari.

Simboli li lkoll nużaw huma dawk li jindikaw il-munita ta’ xi pajjiż. Dawk il-Maltin li resqin jew qalbu l-ħamsin sena jiftakru li konna nużaw tliet simbolu għall-munita tagħna: £, Lm u issa €. Simbolu mill-aktar famuż fil-qasam monetarju huwa dak li jindika d-dollaru: $.

Persuna bħala Simbolu

Che Guevara
Ġieli nsibu persuni li saru simbolu. Mahatma Ghandi huwa s-simbolu tal-ħelsien għall-Indja bħalma Nelson Mandela huwa għall-Afrika ta’ Isfel. Martin Luther King huwa s-simbolu tal-ugwaljanza għall-persuni b’ġilda skura fl-Amerika. Dawn huma persuni li tabilħaqq huma simbolu għall-popli li ġawdew minn ħidmiethom imma huma wkoll ikoni magħrufin madwar id-dinja kollha. Persuna simbolu wkoll hija l-figura kontraversjali ta’ Che Guevara, l-Arġentin li sar simbnolu tal-bniedem revoluzzjonarju.

Attenti

Tajjeb li noqgħodu attenti u ma nagħmlu xejn li jweġġa’ s-sentimenti ta’ ħaddieħor. Jekk naraw simbolu li għalina ma jfisser xejn għal ħaddieħor għandu mnejn ikun ifisser ħafna. Huwa għalhekk li liġi li tipprojbixxi simboli reliġjużi hija ħażina għax simbolu huwa xi ħaġa intima ta’ grupp jew entità partikolari, ta’ moġġoranza jew ta’ minoranza. F’soċjetà li tiftaħar b’ugwaljanza u aċċettazzjoni anke ta’ individwi ma tistax taċċetta li tneħħi simbolu li forsi jkun ilu mijiet jew eluf ta’ snin jirrapreżenta poplu.

Tajjeb li nibżgħu għall-minoranza imma bla ma nikkalpestaw lill-maġġoranza.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 14 ta' Novembru 2020




 

 

venerdì 6 novembre 2020

Ċimiterju

 

Ix-xahar ta’ Novembru fil-Knisja Kattolika huwa assoċjat mal-persuni li ma għadhomx magħna, mal-mejtin. Matul dan ix-xahar tara aktar attività fiċ-ċimiterji tagħna, bosta jmorru jżuru lill-qraba tagħhom midfunin u jżejnu l-oqbra fil-fjuri u jixgħelu x-xemgħat. Tiskanta kif kollox għandu ħinu waqtu anke post fejn normalment norbtuh man-niket u l-firda! Fuq kollox tiskanta kemm hemm kurżitajiet dwar dawn il-postijiet għeżież għalina għax ifakkruna f’dawk li telqu mid-dinja qabilna.

Nekropoli u ċimiterju

Sa qabel iż-żmien tal-Kristjaneżmu, il-post fejn kien isir id-dfin kien jissejjaħ Nekropoli. Forsi tgħidu x’differenza jagħmel isem? Iżda dalwaqt sejrin naraw. Il-kelma “Nekropli” ġejja minn żewġ kelmiet Griegi; nekros li tfisser mejjet u polis li tfisser belt. Mela Nekropoli tfisser il-belt tal-mejtin. Billi l-Insara daħħlu l-idea li l-mewt hija sempliċiment stat fejn isseħħ bidla, u għalhekk ma hijiex it-tmiem ta’ kollox, inbidel ukoll l-isem tal-post tad-dfin. Il-kelma “Ċimiterju! Wkoll ġejja mill-Grieg;  koimeterion li tfisser post fejn wieħed jistrieħ u minn dan in-nom joħroġ il-verb koiman li jfisser traqqad, għalhekk dan il-post ma baqax aktar il-belt tal-mejtin imma sar il-post tal-mistrieħ, dormitorju fejn dawk li temmew il-vjaġġ tal-ħajja jitpoġġew biex jistrieħu. Bil-Latin din il-kelma saret coemeterium li minnha ħarġu l-ismijiet ta’ dan il-post f’għadd ta’ ilsna oħra fosthom il-Malti.

Ftit storja

Id-dfin mhux minn dejjem kein isir kif naruh illum. Dawk li kienu għonja kienu jibnu xi post għalihom li jissejjaħ Mawsolew. Il-bniedem komuni kien jindifen f’xi post il barra mill-belt. L-ewwel Insara bdew jidfnu lill-mejtin fil-katakombi. Aħna l-Maltin nistgħu ngħidu li wara Ruma għandna l-akbar eżempji ta’ dawn iċ-ċimiterji ta’ taħt l-art. Aktar tard id-dfin beda jsir fil-knejjes iżda għal raġunijiet sanitarji dan twaqqaf. Anke fil-mewt tidħol il-klassi. L-għonja, in-nobbli u l-benestanti kien ikollhom qabar f’xi knisja prominenti u fuq il-qabar kienet titpoġġa lapida ta’ rħam b’disinn mill-isbaħ. Qabar fejn qabar, l-art tal-knisja kienet timtela b’lapidi waħda isbaħ mill-oħra biex flimkien jgħattu ċ-ċangatura kollha tal-art. Eżempji ta’ din il-ħaġa narawha fil-Katidral tal-Imdina u fil-Konkatidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta li hawn min iqis l-art tiegħu bħala l-isbaħ art ta’ knisja fid-dinja.

Sa żmien ir-Revoluzzjoni Franċiża l-membri tas-soċjetà għolja kien ikollhom post distint fejn jindifnu filwaqt li l-kumplament kienu jindifnu f’oqbra komuni. Dan kien isir kullimkien għajr f’Palermo fi Sqallija. Hemmhekk kien hemm iċ-ċimiterju ta’ Sant Ursula, mibni fl-1783 fuq xewqa tal-Viċire Domenico Carrocciolo, li fih kien jista’ jindifen kulħadd, fqir jew sinjur. Sa dak iż-żmien kienu jeżistu postijiet ta’ dfin komuni f’każi ta’ xi epidemija bħall-kolera jew mard infettiv ieħor. Fil-fatt dan il-post kien jissejjaħ “Infetti” jiġifieri l-post fejn jindifnu l-infettati. Birkirkara kien hemm post minn dawn li llum ma għadux jintuża għad-dfin u Ħal Qormi l-infetti nbidel f’ċimiterju bħalma nbidlu bosta nfettijiet oħra. Ċimiterju minn dawn li għadu popolari huwa dak magħruf bħala ta’ Wied Għammieq, in-naħa ta’ Rinella, il-Kalkara.

Napuljun Bonaparti

Kien fl-1804 li Napuljun Bonaparti ħareġ dak li jissejjaħ l-Editt ta’ Saint Cloud. Jissejjaħ hekk mhux għall-qaddis iżda għall-post li fih kien maħruġ l-editt, post fi Franza li jismu Saint Cloud. Dan l-editt kien jobbliga li d-dfin għandu jsir f’ċimiterji li jkollu l-oqbra kollha xorta għax il-mewt hija l-istess għal kulħadd, iżda n-nobbli setgħu jkollhom lapida fuq qabarhom. Kien hemm kumitat li kien irid japprova x’jinkiteb fuq il-lapida, jiġifieri ħadd ma seta’ jagħmel li jrid. L-ugwaljanza li kienet waħda mill-pilastri tar-Revoluzzjoni Franċiża daħlet ukoll fost il-mejtin.

F’Malta

Iċ-Ċimiterju ta' Santa Marija Addolorata, li nsibu bejn Raħal Ġdid, il-Marsa u Santa Luċija huwa ċ-ċimiterju nazzjonali ta’ pajjiżna. Dan beda jinbena fl- 1862, iżda dan il-post kien jintuża għad-dfin sa minn żminijiet preistoriċi. L-ewwel difna fih saret fl-1872. Minkejja li fih eluf ta’ oqbra, xorta ma huwiex kbir biżżejjed. Fil-fatt bħalissa qed jitkabbar u ser jiżdiedu fih eluf ta’ oqbra.

Huma bosta dawk l-irħula li l-parroċċi tagħhom għandha ċ-ċimiterju tagħha. Ħaġa li tgħaġġibni hija li fil-Parroċċa tal-Madonna ta’ Fatima Tal-Pietà, hemm żewġ ċimiterji imma ma hemm lanqas qabar wieħed li jappartjeni lill-parroċċa. Dan għall-fatt li dawn huma ċimiterji Militari, bħal dawk li nsibu fl-Imtarfa u l-Kalkara. Sitwazzjoni li tixxiebaħ insibuha fil-Kalkara.


Malta għandha wkoll iċ-ċimiterju msejjaħ tat-Torok, fil-Marsa, li huwa binja mill-isbaħ. Dan ukoll huwa ċimiterju militari li nbena flok ċimiterju eqdem, li dejjem kien iservi għad-dfin tal-Musulmani. Illum qrib il-moskea ta’ Kordin insibu ċimiterju għall-Musulmani u għalhekk dan ma għadux jintuża.

Il-mewt, id-dfin u ċ-ċimiterji żgur ma humiex xi ħaġa sabiħa li titkellem dwarhom, iżda tiskanta kemm hemm ħwejjeġ interessanti dwarhom li forsi ftit jafuhom.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 7 ta' Novembru 2020

Aggiungi didascalia