sabato 27 marzo 2021

Relikwi tal-Passjoni

 

Din is-sena l-imxija tal-Covid-19 qed iċċaħħadna mhux biss mil-liturġija u l-purċissjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira li tant huma għal qalb bosta Maltin, imma wkoll minn bosta wirjiet marbutin mal-istess jiem. Biex bħal nikkompensa ftit li dawn id-dilettanti ħsibt li nikteb xi ħaġa marbuta direttament mad-devozzjoni kif ukoll mad-delizju ta’ bosta. Ser insemmi xi relikwi li għandhom x’jaqsmu mal-Passjoni ta’ Ġesù. Tant hawn li mhux possibbli li wieħed jitrattahom kollha f’artiklu qasir bħal dan!

Liżar

Bla dubju ta’ xejn l-aktar relikwa popolari marbuta mal-passjoni ta’ Kristu huwa l-liżar jew kefen li bosta jemmnu li fih kien imkeffen Ġesù hekk kif tniżżel mis-salib u kien midfun. Dan jinsab fil-Katidral jew Duomo ta’ Turin l-Italja imma mhux minn dejjem kien hemm. Dan huwa liżar tal-għażel li fuqu tidher ix-xbieha ta’ raġel li fuq ġismu jidhru sinjali u daqqiet li juru trattament ħażin u tortura li jaqblu ma’ dawk deskritti fil-Passjoni ta’ Ġesù. L-ewwel kitba serja dwar dan il-liżar illum tinsab f’Turin u tmur lura għall-1353. Il-kavallier Goffredo ta’ Charny bena knisja fil-belt ta’ Lirey fi Franza biex fiha jitpoġġa dan il-kefen. Madankollu, huwa ma jgħidx kif dan il-liżar spiċċa għandu. Minn Lirey ittieħed Chambéry fi Franza stess. Dan kien sar propjetà tal-familja Savoia li din ħaditu ġewwa Turin fl-1578 fejn għadu miużmum sal-lum. Minn żmien għal żmien dan il-kefen ikun għall-wiri tal-pubbliku.

Il-Veru Linju

Ir-relikwa tas-Salib ta’ Kristu hija magħrufa magħna bħala l-Veru Linju. Ir-relikwa nstabet f’Ġerusalemm fis-sena 327-328 minn omm l-imperatur Ruman Kostantinu I, Flavia Giulia Elena, magħrufa bħala Santa Liena. Skont it-tradizzjoni Nisranija, is-Salib kien miżmum biċċa minnu f’Ġerusalemm, biċċa f’Kostantinopli u biċċa f’Ruma. Ir-relikwa ta’ Ġerusalemm baqgħet hemm sal-1187, meta t-traċċi tagħha ntilfu wara li Saladin rebaħ din il-Belt Imqaddsa.

Matul is-sekli ħafna frak ta’ daqsijiet differenti kienu ttieħdu minnu u llum jinsabu f’diversi postijiet. Uħud mill-akbar relikwi tas-Salib jinsabu f’Liébana (Spanja), f’Ruma u f’Pariġi. Il-biċċiet iżgħar huma numerużi ħafna: fis-seklu sittax ix-xiżmatiku Kalvinu, ironikament kien iddikjara li kieku wieħed kellu jiġbor ir-relikwi kollha tas-Salib ta; Kristu ikun jista’ jibni bastiment bihom. Madankollu, din kienet esaġerazzjoni.

Imsiemer

Kristu kien imsammar mas-salib u għalhekk insibu wkoll relikwi ta’ dawn l-imsiemer li żammew lil Ġesù msallab. Fil-bażilika ta’ Santa Croce in Gerusalemme f’Ruma hemm ras ta’ musmar li kienet ittieħed hemm direttament minn Santa Liena flimkien ma’ biċċa mis-salib u parti mill-titulus crucis, l-iskrizzjoni bil-kitba tas-sentenza tal-mewt.

Fil-Katidral ta’ Milan insibu musmar li baqa’ hemm wara l-mewt ta’ l-Imperatur Ruman Teodosju fis-sena 395. L-ewwel dokumentazzjoni dwaru hija tal-Medju Evu. Matul is-sena dan ikun miżmum f’niċċa fin-naħa ta’ fuq tal-abside, madwar 42 metru ’l fuq mill-art. Dan ikun esebit lill-fidili darba fis-sena.

Fil-Katidral ta’ Monza, l-Italja, tinżamm il-Kuruna tal-Ħadid li kienet iċ-ċirku ta’ isfel tal-elmu ta’ Kostantinu. Tradizzjonalment huwa maħsub li d-dawra tal-metall kien fiha musmar mis-salib ta’ Kristu. Madankollu, analiżi riċenti sabu li din il-pjanċa hija kollha tal-fidda għalhekk ma jistax ikun li fiha musmar tat-tislib għax dawn ma kinux tal fidda żgur.

Musmar ieħor kien jiddaħħal fil-Lanza Mqaddsa użata mill-Imperaturi Rumani li issa tinsab fi Vjenna. It-tradizzjoni tgħid li din hija l-lanza li biha Longinus nifed il-kustat ta’ Ġesù. Din tinsab fit-teżor imperjali tal-kapitali Awstrijaka.

Il-kolonna u l-kuruna

Il-kolonna użata mis-suldati Rumani biex fuq il-kmand ta’ Pilatu Ġesù kien flaġellat, llum insibuha f’Ruma, fil-Bażilika ta’ Santa Prassede. Din kienet miġjuba direttament minn Ġerusalemm fis-seklu tlettax mill-Kardinal Giovanni Colonna.

Il-kuruna tax-xewk inżammet f’Kostantinopli sakemm fis-seklu tlettax ir-Re Lwiġi IX ta’ Franza xtraha u poġġieha fis-Sainte-Chapelle li kien bena f’Pariġi għal din ir-relikwi. Illum ma għadx fiha xewk għax matul is-sekli kollha nqatgħu u ġew mogħtija lill-knejjes jew nies importanti.

Il-velu tal-Veronika

Il-maktur tal-għażel li t-tradizzjoni tgħid li kienet użat waħda mara biex tixxotta wiċċ Ġesù waqt it-tlugħ sal-Kalvarju u li fuqu kien stampat il-wiċċ ta’ Kristu jinsab merfugħ fil-Bażilika ta’ San Pietru fil-Vatikan. Ikollna ngħidu li din mhix ir-relikwa waħdanija li jingħad li kienet il-velu ta’ din il-mara li qatt ma nsibu riferiment għaliha fl-Evanġelji.

Il-libsa ta’ Ġesù

Din hija relikwa li nsibu fil-katidral ta’ Trier fil-Ġermanja li tikkonsisti f’biċċa drapp, mingħajr ħjata, li huwa maħsub li kienet parti mit-tunika li Kristu libes qabel it-tislib tiegħu u li skont l-Evanġelju ta’ San Ġwann is- suldati Rumani li kienu fuq il-Golgota tefgħu x-xorti għaliha. It-tradizzjoni tgħid li kienet Santa Liena stess li tat din il-libsa lil San Agrizju, isqof ta’ Trier.

Dan ma humiex l-uniċi relikwi marbuta mal-passjoni ta’ Kristu. Dawn lanqas huma xi dommi ta’ fidi jiġifieri wieħed jista’ jemmen jew ma jemminx l-awtentiċità tagħhom. L-importanti li jressquna lejn dak li jridu jirrapreżentaw.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 27 ta' Marzu 2021



sabato 20 marzo 2021

Duluri

 

Waħda mill-akbar devozzjonijiet reliġjużi popolari ta’ pajjiżna hija mċrbuta mal-Ġimgħa l-kbira u tiġi ċċelebrata sewwasew ġimgħa qabel il-Ġimgħa l-Kbira. Qed nirreferi għad-Duluri. Minkejja li anke pajjiżna, bħall-kumplament tad-dinja, l-aktar fl-Ewropa, għaddej minn żmien ta’ sekularizazzjoni, xorta l-pelleġrinaġġi li jsiru fil-parroċċi kollha bl-istatwa ta’ Marija Addolorata jiġbdu lejhom folol kbar ta’ nies. Biex ngħid d-dritt, il-Knisja Kattolika tiċċelebra t-tifkira ta’ Marija Addolorata nhar il-15 ta’ Settembru imma l-pelleġrinaġġi jsiru fir-Randan.

Il-Belt Valletta

Duluri - Belt Valletta
Ma naħsibx li nkun qed niżbalja jekk ngħid li l-akbar purċissjoni bl-istatwa tad-Duluri issir fil-Belt Valletta. Din toħroġ mill-knisja tal-Patrijiet Franġiskani Minuri magħrufin aktar bħala “ta’ Ġieżu”, fejn hemm sett vari tal-Ġimgħa l-Kbira. Kontra rħula u bliet oħra, fil-Belt toħroġ purċissjoni waħda bl-istatwa tad-Duluri, mhux bħalma jsir pereżempju f’Tas-Sliema, Ħal Qormi, Birkirkara, Raħal Ġdid jew il-Marsa. Barra l-Beltin fil-purċissjoni tad-Duluri tal-Belt ikun hemm bosta u bosta nies mhux Beltin. Normalment imexxi dan il-pellegrinaġġ  l-Arċisqof ta’ Malta.

L-istatwa tad-Duluri tal-Belt inħadmet mill-artist Salvu Laferla fl-1740, biss sar bosta tibdil fiha. Sa ftit għexieren ta’ snin ilu r-restawr ma kienx isir bħal-lum. Illum restawr jipprova jġib opra tal-arti kemm jista’ jkun qrib l-istat oriġinali tagħha, qabel min jirrestawra kien jibdel u jżid u jnaqqas kif jidhirlu hu u hekk seħħ fuq l-istatwa tad-Duluri tal-Belt Valletta. L-istatwarju Laferla huwa artist importanti fl-istorja tal-arti ta’ Malta għaliex aktarx kien hu l-ewwel wieħed li ħadem il-kartapesta. Minbarra li għandu statwi oħra fil-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira tal-Belt, huwa ħadem ukoll statwi għall-parroċċi ta’ Ħaż-Żebbuġ u tan-Naxxar.

Irħula Maltin

Il-Kappella tad-Duluri - Tal-Pietà
Malta għandna raħal li jismu għad-Duluri. Tal-Pietà ħa ismu mill-kappella antika li nsibu f’dan ir-raħal. Il-Knisja tad-Duluri nbniet fl-1590 fil-post fejn kien hemm ċimiterju tal-mejtin bil-pesta. Fl-1617 ħdejn din il-knisja ġie mibni kunvent żgħir tal-Patrijiet Agostinjani li marru joqogħdu fih fl-1652, iżda ma damux wisq hemm. Fl-1721 il-knisja saret viċi-parroċċa ta’ San Pawl tal-Belt għan-nies li kienu joqogħdu fix-xatt tal-Pietà, illum magħruf aktar bħal Sa Maison jew ala Maltija Sammiżun,  iżda ma baqgħetx aktar viċi-parroċċa fl-1740 meta viċi-parroċċa saret il-knisja ta’ San Publiju fil-Furjana. Mis-sena 1974 is-Sorijiet Franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesù ħadu f’idejhom il-kunvent u bdew jieħdu ħsieb il-knisja. Minn Jannar 2005, b’Digriet ta’ Mons. Arċisqof, Ġużeppi Mercieca, il-Kappella tad-Duluri u l-kunvent ġew fdati f’idejn iċ-Cenacolo Community għall-pastorali taż-żgħażagħ. Min din il-kappella antika ħa ismu r-raħal Tal-Pietà għax wara kollox il-kelma Pietà hija l-kelma Taljana għad-Duluri, flimkien mal-kelma Addolorata.

Minkejja li ma għandux isem id-Duluri, San Pawl il-Baħar għandu l-parroċċa ddedikata lil Madonna taħt it-titlu tad-Duluri u Sultana tal-Martri. San Pawl il-Baħar kien minn dejjem post ta’ villeġġjatura, iżda fil-bidu tas-seklu għoxrin tant kiber li s-santwarju ta’ San Pawl tal-Ħġejjeġ ma baqax kbir biżżejjed, u għalhekk il-Markiża Anna Bugeja, b’tifkira tas-Sena Mqaddsa tal-1900, bniet knisja ddedikata lid-Duluri u tatha lill-patrijiet Franġiskani Konventwali. Il-knisja saret parroċċa fl-1905 u wara ġiet imkabbra kif inhi llum bejn l-1968 u l-1979. Din il-parroċċa hija waħda matriċi għax minnha ħarġu l-parroċċa ta’ Burmarrad fl-1971 u dik tal-Qawra fl-2004. Sa ftit snin ilu l-istatwa titulari tad-Duluri kienet toħroġ kemm fil-festa titulari kif ukoll fir-Randan, biss illum fir-Randan toħroġ statwa oħra u b’hekk titnaqqas il-ħsara li tista’ ssir lill-istatwa titulari.

L-aktar pittura antika
tad-Duluri f'Malta
Minbarra dawn iż-żewġ irħula nsibu għadd ta’ kappelli madwar Malta li huma ddedikati lil Madonna tad-Duluri. Nibdew billi nsemmi dik ta’ Birżebbuġa li fl-1913 saret il-knisja parrokkjali mat-twaqqif ta’ din il-parroċċa u serviet dan ir-rwol għal ħamsa u għoxrin sena. Insibu kappelli oħra ddedikati lid-Duluri fl-Imqabba, Ħaż-Żebbuġ, il-Ħamrun u Ħal Qormi. Il-kappella taċ-ċimiterju taż-Żebbuġ Għawdex hija ddedikata lid-Duluri wkoll u ċ-ċimiterju nazzjonali ta’ Malta, f’Raħal Ġdid huwa wkoll imsemmin għall-Addolorata.

Tajjeb ngħidu li l-aktar kwadru antik tad-Duluri f’pajjiżna jinsab fil-Kolleġġjata ta’ San Ġorġ ta’ Ħal Qormi. Dan il-kwadru medjevali kien parti minn trittiku li kien il-kwadru titulari tal-knisja Qormija minn nofs is-seklu XV sal-1632.

Doppji

Żejtun- Depożizzjoni 
Fost il-purċissjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira f’Malta, insibu tnejn li li fihom vara tad-depożizzjoni jew it-tlettax-il stazzjon. Xi Maltin isejħu din l-istatwa bħala “d-Duluri l-kbira” għax fl-istess purċissjoni hemm statwi tad-duluri tradizzjonali. Dawn insibuhom fil-purċissjoni ta’ Ħal Qormi u f’dik taż-Żejtun. Il-vara ta’ Ħal Qormi saret fl-1965 minn Salvatore Bruno minn Lecce imma kien jaħdem Bari. Dik taż-Żejtun saret fl-istess sena minn Angelo Capoccia ta’ Lecce u hija kopja tal-famuża Pietà ta’ Michelangelo bil-figuri ta’ Ġużeppi ta’ Arimatea u Nikodemu. Dik tal-Qriema hija aktar iffullata għax minbarra Marija u biha Ġesù mejjet fi ħdanha, Gużeppi u Nikodemu naraw ukoll lil San Ġwann u lil Marija Madalena.

Illum rajna xi ftit tagħrif dwar ix-xbieha tad-Duluri, xbieha li f’dawn il-jiem li qegħdin fihom narawha spiss, niltaqgħu magħha kullimkien, fid-djar, fit-toroq tagħna, fuq il-postijiet tax-xogħol u fuq kollox fil-knejjes tagħna.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 20 ta' Marzu 2021 






venerdì 12 marzo 2021

Il-profezija ta’ San Malakija

 

Mhux darba jew tnejn smajna bil-profezija ta’ ċertu Malakija li tiġbor fiha xi tbassir dwar mija u tnax-il papa. Xi wħud jgħidu li l-elezzjoni ta’ Papa Franġisku tfisser it-tmiem tad-dinja. Hija l-viżjoni ta’ qaddis tas-seklu XII jew ix-xogħol ta’ profeta falz?

Min kitibha

Malakija kien qaddis Irlandiż u Arċisqof ta’ Armagh, li lilu ġew attribwiti diversi mirakli. Wara żmien twil ta’ studji hu ġie ordnat saċerdot fl-1119. Huwa twieled f'Armagh fl-1094. San Bernard jgħid li Malakija kien imwieled minn familja nobbli.  Fil-ktieb Life of Saint Malachy, il-bijografu tiegħu San Bernard ta’ Clairvaux jgħid li Malakija kien magħruf għall-ħeġġa, l-umiltà, l-ubbidjenza, il-pudur, u d-diliġenza vera fl-istudji tiegħu. San Karlu Borromeo faħħar lil San Malakija talli dejjem għen lil min kien fil-bżonn, ġab li s-sagramenti mqaddsa  jingħataw għal kulħadd bl-istess mod u kabbar il-ħrara tal-poplu meta jirċevihom. Kien abbati ta’ diversi abatiji Benedittini fosthom dak ta’ Bangor. Fl-1124 inħatar Isqof ta’ Down u fl-1132 wara li miet l-Arċisqof Ċelasju ta’ Armagh, kien magħżul hu biex imexxi din id-djoċesi wkoll. Ħalla influwenza kbira fid-djoċesijiet tiegħu tant li ġieli jitqabbel ma’ San Bonifaċju u dak li wettaq fil-Ġermanja. Huwa rtira minn arċisqof fl-1136 jew sena wara. Fl-1148 żar Ruma għat-tieni darba u fi triqtu lura għadda Clairvaux, fi Franza. Hemmhekk huwa marad u miet f’idejn San Bernard fit-2 ta’ Novembru ta’ dik is-sena. Huwa ndifen hemmhekk. Il-festa tiegħu tiġi ċċelebrata l-għada għax jum il-mewt tiegħu jaħbat l-Għid tal-Imwiet.

Il-profeziji

L-allegati profeziji tiegħu madankollu, ma konniex nafu bihom sal-ħabta tal-1590. Hemm leġġenda li tgħid li Malakija kellu viżjoni li fiha ġie mogħti dehra lejn il-papiet tal-passat, tal-preżent u tal-futur, u li hu kiteb kollox dwar din il-viżjoni bħala serje ta’ versi kriptiċi. Il-profeziji kienu pjuttost preċiżi sa madwar l-1590, iż-żmien  li fih instabu, iżda mbagħad saru pjuttost vagi, u ħafna bdew jaħsbu ħażin dwarhom u kien hemm min qal li kienu profeziji foloz. Ix-xettiċiżmu dwar din il-kitba għadha fostna sal-lum.

Il-previżjonijiet ta’ dan Malakija  jinsabu miġburin f’lista ta’ 112-il frażi simbolika li suppost jirrappreżentaw lista ta’ 112-il Papa wara xulxin. X’aktarx li l-profeziji nħolqu bħala tentattiv biex jinfluwenzaw l-elezzjoni papali tal-1590 favur il-Kardinal Girolamo Simoncelli billi l-profezija ta’ San Malakija tidentifikah bħala l-papa li kien jmiss. Iżda Simoncelli ma ġiex elett, u minfloku kien magħżul Niccolò Sfondrati, li ħa l-isem ta’ Girgor XIV.

L-aħħar papa


Ejjew ninsew mija u għaxar papaiet mil-lista ta’ Malkija u nsemmu l-aħħar tnejn. Malakija jagħti isem kriptiku, imħawwad jew moħbi lil kull papa. Il mija u ħdax-il wieħed kien msejjaħ bħala “Glorja taż-Żebbuġ,” u ta’ warajh, li jaħbat l-aħħar wieħed fil-lista jissejjaħ “Pietru Ruman.” Skont il-kronoloġija, dawn huma l-Papa Benedettu XVI u l-Papa Franġisku.

Dawk li jsegwu din il-profezija qalu li Benedettu Sittax huwa l-“Glorja taż-Żebbuġ” minħabba li l-Benedittini għandhom fergħa msejħa l-Olivetani, (taż-żebbug, minn Olive bit-Taljan jew Olives bl-Ingliż) għalkemm Benedittu nnifsu mhux Benedittin u allura lanqas Olivetan.

Hekk kif il-papa l-ġdid ħabbar ismu; Franġisku xi “esperti tal-profezija,”  jew dawk li jipretendu li huma esperti tagħha, qalu li l-papa l-ġdid huwa “Pietru r-Ruman”, u għalhekk seħħet il-profezija ta’ San Malakija u b’hekk dan ser ikun l-aħħar papa u warajh ser jasal it-tmiem tad-dinja.

Minkejja li l-Papa attwali huwa Kardinal Arġentin li għażel Franġisku bħala l-isem papali tiegħu, dawk li jemmnu fil-profezija bdew jgħidu u jargumentaw li Jorge Mario Bergoglio għandu l-isem Pietru xi mkien fl-isem tat-twelid tiegħu u li l-Papa Franġisku huwa verament Ruman, peress li l-ġenituri tiegħu huma Immigranti Taljani li marru jgħixu l-Arġentina. Mur merihom!

Il-profezija tkompli tgħid dwar il-Papa suppost finali: “Fil-persekuzzjoni finali tal-Knisja Mqaddsa Rumana, hemm ipoġġu  lil Pietru r-Ruman, li se jirgħa n-nagħaġ tiegħu f’ħafna tribulazzjonijiet, u meta dawn il-ħwejjeġ jintemmu, il-belt ta’ seba ’ għoljiet (riferenza għal Ruma) se tinqered, u l-imħallef terribbli se jiġġudika n-nies tiegħu.”

Nemmen jew le?

Kemm nistgħu noqgħodu fuqha din il-profezija? Hemm lok li wieħed jallarma ruħu u jaħseb li waslet l-aħħar tad-dinja? Il-Knisja ma torbotx fuq din il-propfezija, din żgur li ma hijiex xi domma ta’ fidi. Wara kollox meta kien hemm min staqsa lil Ġesù meta ser tispiċċa d-dinja, dan wieġeb li din lanqas l-Iben, jiġifieri Hu stess ma kien jafha għax hija xi ħaġa tal-Missier biss. Allura jiena ngħodd ma dawk ix-xettiċi li jaħsbu li din il-kitba kienet tassew parti mill-kampanja elettorali għall-elezzjoni tal-Papa fl-1590. U allura jekk inhu tassew hekk, din ma hija profezija ta’ San Malakija xejn.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 13 ta' Marzu 2021



venerdì 5 marzo 2021

Malta Brittanika

 

L-isem ta’ dan l-artiklu għandu mnejn inaffar jew ifantas li xi wħud mill-qarreja għax li tgħid li Malta hija Brittanika wara aktar minn nofs seklu ta’ Indipendenza u aktar minn erbgħin sena Repubblika hija ħaġa li tmur kontra kull raġunament. Biss il-ħsieb tiegħi llum huwa dwar kemm pajjiżna għad għandu rabtiet maż-żmien li Malta kienet kolonja tal-Kuruna Brittanika.

“Fejn hu l-Big Ben?”

Xi snin ilu kien ġie ħabib tiegħi Taljan għal żjara f’pajjiżna. Kienet l-ewwel żjara tiegħu fostna. Bħala ħbieb u eks kollegi tal-Università mort għalih l-ajurport biex nilqgħu. Wara t-tislima tas-soltu, urejtu l-karozza tiegħi u għidtlu jirkeb. Ħasibni sejjer niftaħlu l-bieba xħin rani nersaq lejn in-naħa tal-lemin tal-karozza. Hu segwieni b’ħarsa suspettuża għax billi aħna ħbieb kbar qatt ma stenna li ser niftaħlu l-bieba tal-karozza biex jirkeb fiha, iżda s-suspett malajr inbidel f’daħqa meta ftaħt il-bieba tal-karozza u offrejtlu ċ-ċwievet biex isuq, tbaxxa u ra l-isteering. Mill-ewwel induna li kien hu li għażel in-naħa l-ħażina tal-karozza. Din hija l-ewwel rabta kif ukoll tifkira li għad għandna ma’ żmien l-Imperu Brittaniku f’Malta.

Ftit wara li tlaqna dan sieħbi dar fuqi u qalli: “Il-Big Ben fejn hu?” Ħarist lejh jien issa b’ħarsa suspettuża u dan qalli: “Hawn donnu l-Ingilterra, issuqu fuq ix-xellug tat-triq u kull darba nistħajjel il-karozzi ta’ faċċarta ġejjin għal fuqna. Għalhekk qed nistaqsik fejn hu l-Big Ben!”

Sewqan

La semmejna s-sewqan fuq in-naħa tax-xellug tat-triq tajjeb ngħidu li fl-Ewropa aħna u r-Renju Unit u l-Irlanda biss insuqu fuq din in-naħa tat-triq. Ġibiltà li hija territorju Brittaniku wkoll qalbu n-naħa tat-triq fejn jidħol sewqan billi din hija fruntiera ma’ Spanja u s-sewqan b’mod Brittaniku kien qed joħloq inkonvenjent u periklu. Eks kolonji oħrajn bħalna wkoll isuqu bħalna. L-Indja u l-Awstarlja per eżempju jużaw l-istess naħa tat-triq li nużaw aħna biex insuqu. Il-Ġappun għad li qatt ma kien kolonja Brittanika isuqu bħalna, jew aħjar isuqu fuq in-naħa tagħna għax jekk ngħid li jsuqu bħala jkun hawn min jaħseb li l-Ġappuniżi la jużaw indicator, la għandhom sabar jistennew wara ta’ quddiemhom u nsomma, dak kollu li naraw fis-sewqan Malti!

Bid-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Eweropea, bdejna naraw bosta persuni ta’ nazzjonalità barranija jiġu fostna, jew b’vaganza jew biex jgħixu u jaħdmu hawnhekk. Xi wħud minnhom iġibu l-karozzi tagħhom magħhom u jużawhom fit-toroq tagħna. Huwa diffiċli ssuq karozza left hand drive fit-toroq mibnija għal karozzi right hand drive u għalhekk jikbru r-riskji ta’ inċidenti stradali, l-aktar meta wieħed jiġi biex jaqla’ l-karozzi ta’ quddiemu.

Tgħid wasal il-waqt li l-Unjoni Ewropea tipprova bil-mod il-mod tbiddel in-naħa tas-sewqan tagħna? Mhux ħaġa ħafifa għax hawn mijiet ta’ eluf ta’ karozzi imma bħalma għamlu Ġibiltà, hekk nistgħu nagħmlu aħna wkoll.

Aktar rabtiet

Ejjew nerġgħu lura u naraw x’hawn aktar ifakkarna fi żmien it-tmexxija Brittanika f’pajjiżna. Forsi lanqas nindunaw b’żewġ ħaġiet oħra li huma Brittaniċi daqs ir-Reġina u għadhom magħna llum ukoll.

Il-kaxxi tal-ittri li naraw madwar pajjiżna għadhom fil-biċċa l-kbira minnhom ta’ żmien l-Ingliżi. Billi kienu huma li f’Malta organizzaw il-posta  kif nafuha llum, kienu waħħlu għadd ta’ kaxxi tal-ittri bl-arma tal-monarka Brittanika fuqhom. Dan huwa wirt tal-era kolonjali iżda billi llum kollox sirna nibgħatu bil-mezzi ta’ komunikazzjoni moderni li għandna, forsi jgħaddu xhur jekk mhux ukoll snin bla ma ninpustaw ittra. Iżda l-kaxxi tal-ittri hemm għadhom.

Rabta oħra ta’ dak iż-żmien li għadna naraw huma l-kaxxi tat-telefon. Illum kulħadd bil-mowbajl fil-but u lanqas tgħaddilek minn rasek li tmur tuża kabina minn dawn biex iċċempel, biss dawn kienu meħtieġa meta missirijietna mhux biss ma kellhom mowbajl imma lanqas telefon id-dar ma kellhom . Xi wħud minn dawn il-kabini kellhom jitneħħew għax biddlu l-iskop tagħhom u minn kabini tat-telefon saru latrini. Ħasra u għarukaża! Tajjeb li jkun hawn kunsilli lokali li jieħdu ħsieb jerġgħu nwaħħlu dawn il-kabini u jekk hemm bżonn ikollhom kamera fuqhom biex ma jiġrix dan li nsemmejt. Mhux sewwa li ikona storika jkollha titneħħa minħabba l-injoranza u n-ħmieġ ta’ xi wħud.

Tajna ħarsa ħafifa kemm pajjiżna fadallu rabtiet mal-era kolonjali. Ma semmejtx il-bini ta’ djar fuq stil Brittaniku li fadlina xi ftit minnhom ukoll, għad li ħafna minnhom illum inbidlu ma kaxxi tal-konkos imsejħin “Djar Moderni”.

Tejjeb li nibżgħu għal dak li fadlilna minn din l-epoka storika ta’ pajjiżna, mhux wisq imbegħda imma għada pitgħada ħadd ma jibqa’ jiftakarha. Mhux sewwa li għax hija storja moderna inwarrbuha jew ma nibżgħux għaliha għax ta’ warajna għad jirrabbajw għalina,

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 6 ta' Marzu 2021