sabato 26 giugno 2021

George Orwell

 


Spiss nara ċerta ħwejjeġ jiġru, spiss nisma’ stejjer ta’ inġustizzja jew kultant forsi nirċievi jiena atti ta’ inġustizzja u dlonk tiġi f’moħħi frażi qasira mill-ktieb ta’ George Orwell “Animal Farm”. F’dan il-ktieb, li huwa wkoll maqlub bil-Malti minn Ġorġ Borg u jġib l-isem “Ir-Razzett tal-Bhejjem” 
(li sfotunatament f’edizzjoni aktar riċenti sar jismu: “Il-farm tal-annimali”), fost bosta battuti oħra li jolqtu lil dak li jkun fil-laħam il-ħaj hemm il-kmandament: “L-annimali kollha huma ndaqs” liema kmandament biż-żmien żdied miegħu il-kliem: “imma ċerta annimali huma ndaqs aktar!”  Ċertament lill-Orwell kienet l-inġustizzja li kien jara sseħħ quddiem għajnejh li waslitu biex jikteb dan ir-rumanz li b’mod metaforiku fisser dak li jseħħ madwar id-dinja, fil-politika u f’kull post li hemm xi forma ta’ tmexxija, fejn kollox jibda sewwa u sabiħ imma ma jdumx wisq ma l-ħolm u s-sabiħ imwiegħed jintemm fix-xejn. L-awtur ta’ dan ir-rumanz soċjali jgħid li l-ħnieżer, li fir-rumanz kienu saru l-mexxejja tar-razzett u tal-bhejjem kollha, tant tħalltu mal-bnedmin, wara li kienu keċċewhom mir-razzett li kien iġib l-isem “Manor”, li bilkemm wieħed kien jagħraf liema kienu l-ħnieżer u liema kienu l-bnedmin għaliex kollha kienu jixorbu l-wiski u jiġu jaqgħu u jqumu minn dawk li hemm taħthom.

Stejjer bħal din smajniehom kemm-il darba. L-istorja tal-bniedem mhux nieqsa minn atti fejn ta’ fuq jikkalpesta lil dak ta’ taħtu, fejn reġim tela’ fil-poter bl-aktar mod demokratiku u spiċċa f’reġim totalitarju. Imma ejjew naraw xi ħaġa dwar l-awtur ta’ dan il-ktieb.

Eric Arthur Blair 

Jekk insemmu dan l-isem forsi ftit ikunu dawk li jafu min hu. Dan ma huwa ħadd għajr George Orwell. Goerge Orwell huwa l-isem li bih kien jippubblika il-kitbiet tiegħu dak li fil-verità kien jismu Eric Arthur Blair.

Orwell twieled f’Motihari, Bihar, l-Indja, fil-25 ta’ Ġunju, 1903 minn familja ta’ dixxendenza Skoċċiża, li tappartjeni għall-klassi medja, jew aħjar kif kienet tissejjaħ lower-upper-middle class. Irridu nżommu ġewwa moħħna d-diversi kasti u klassijiet li kienu u għadhom jeżistu fl-Indja. Ma ninsewx ukoll li fiż-żmien li qed insemmu, l-Indja kienet għadha taħt l-Imperu Brittaniku.  Missier Orwell kien ta’ oriġini Anglo-Indjani u kien uffiċjal tal-amministrazzjoni Ingliża fl-Indja. Fl-1904 ċ-ċkejken Orwell ma’ ommu Ida fir-Renju Unit. Miegħu marru wkoll iż-żewġ ħutu bniet,  Marjorie Frances u Avril Nora. Mal-wasla tagħhom fl-Ingilterra kienu joqogħdu f’Henley-on-Thames, Oxfordshire, fejn aktar il quddiem it-tfajjel daħal jistudja  fil-kulleġġ San Ċiprijanu ta’ Eastbourne. Huwa telaq minn dak il-kulleġġ Kattoliku b’kumpless qawwi ta’ inferjorità  minħabba l-umiljazzjonijiet u s-snobbiżmu li sofra matul is-snin minn sħabu l-istudenti. Huwa tilef ukoll il-fidi u kif ikkonferma aktar il quddiem huwa spiċċa ateu minkejja li studja fi skola tal-Knisja! Huwa jirrakkonta fit-tul dak li għadda minnu fl-awtobijografija tiegħu li ġġib l-isem “Such, Such Were the Joys” li huwa ppubblika fl-1947.

Kittieb

Eric, jew aħjar George Orwell għadda xi żmien jgħix f’Pariġi. Huwa ppubblika l-ewwel artiklu tiegħu b’suċċess fil-ġurnal Le Monde fl-1928. Is-sena ta’ wara huwa mar joqgħod Southwold, Suffolk fejn beda jaħdem bħala reviżur għall-ġurnali Adelphy u n-New Statesman and Nation. F’April tas-sena 1932 mar joqgħod Middlesex, fejn beda jaħdem bħala għalliem fl-iskejjel elementari privati, xogħol li mbagħad kellu jabbanduna minħabba problemi ta’ saħħa. F’Marzu tas-sena ta’ wara, huwa ppubblika “The Clergyman’s Daughter”. F’dan ir-rumanz Orwell ilaqqa’ lill-qarrej ma’ Dorothy, bint saċerdot Anglikan, li kienet taħdem daqs kelb biex taqla x’tiekol. Wara Orwell beda jaħdem part-time f’ħanut tal-kotba u kif ukoll kritiku ġdid għan-New English Weekly.

1984



Żgur li ma tistax isemmi lil George Orwell u tħalli barra r-rumaz tiegħu “Nineteen Eighty-Four”. F’dan il-ktieb, tas-sena 1949 l-awtur jgħid li fl-1984 id-Dinja hija maqsuma fi tliet poteri totalitarji kbar: l-Oċeanja, l-Ewrasja u l-Estasja, li jinsabu fi gwerra dejjiema bejniethom, gwerra li l-għan ewlieni tagħha huwa li żżomm kontroll totali fuq is-soċjetà fejn il-poter huwa f’idejn persuna waħda, jew aħajr f’idejn partit wieħed. Hawn Orwell jgħid li: “L-Ortodossija tikkonsisti f’li ma taħsibx - li ma jkollokx bżonn taħseb.” L-Ortodossija hija l-konformità, l-aċċettazzjoni mal-prinċipji ta’ reliġjon jew ta’ sistema politika, li d-duttrina tagħha hija aċċettata b’mod sħiħ u mingħajr riservi, bla ebda mistoqsija. L-ortodossija f’dan il-kuntest tfisser li tħalli moħħok jiġi kkontrollat, immanipulat u mmexxi minn ħaddieħor, minn dak li huwa fuqek u inti tkun sempliċiment pupu li la toġġezzjona, la tistaqsi u lanqas tipprova taħseb. L-ortodossija hawn hija l-kuntrarju tal-eterodossija. Jekk noqgħodu naħsbu ftit, anzi ftit ħafna, dlonk nindunaw li din hija storja attwalissima fejn bosta jħallu moħħhom jiġi mmexxi minn ħaddieħor għax ikun eħfef hekk. Ta’ min jgħid li dan il-ktieb huwa meqjus fost l-aqwa għoxrin ktieb li qatt inkitbu madwar id-dinja kollha.

Orwell miet f’Londra fil-21 ta’ Jannar, 1950 fl-għmor ta’ 46 sena, biss kitbietu ma jmutu qatt, anzi aktar ma jgħaddi żmien aktar jieħdu l-ħajja.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon, 26 ta' Ġunju 2021










sabato 19 giugno 2021

L-età hija biss numru

 

Issa huwa l-waqt li tkun kuntent

Waħda mill- veritajiet assoluti li jgħallmuna mit-tfulija hija li hemm età tajba għal kollox. Dan huwa mod kif nirraġunaw u nifhmu l-ħajja li aħna naċċettaw passivament u nieħdu bħala fatt, mingħajr ma nistaqsu lilna nfusna ruxmatta mistoqsijiet.

Jgħidulna li tista’ tkun bla ħsieb, jew aħjar moħħ ir-riħ, biss sakemm tkun għadek tfal  għax sa ma tagħlaq l-20 sena trid tistudja, sakemm ikollok 30 aktarx ikollok it-tfal, fl-erbgħinijiet trid taħdem biex tfittex tħallas is-self kollu li tkun issellift għad-dar, meta taqbeż il-50 sena tibda toħlom li tirtira, mas-60 tnaqqas il-veloċità u wara li tmiss is-70 trid tibda tgawdi l-ħajja. Mat-80 sena, jekk tasal hemm, tkun xiħ wisq biex tagħmel xi ħaġa li tkun ilha tberren f’moħħok.

Dan il-mod ta’ ħsieb huwa frott ix-xewqa tagħna li nikkategorizzaw kollox u lil kulħadd. Insibuha iktar faċli biex ngħixu jekk inkunu nafu eżattament dak li għandna nagħmlu. Donnha l-ħajja tgħidilna: “Għidli liema età għandek u jien ngħidlek x’għandek tagħmel b’ħajtek.”


Qatt ħlomt b’ħajja differenti?

Dan il-metodu li semmejt hawn fuq jista’ jpoġġina f’gaġġa u nispiċċaw vittmi tas-sistema li ilha tmexxi lill-bniedem bosta snin. Illum il-bniedem sar jgħix ħajja itwal minn qabel u għalhekk ma għandux jintrabat ma’ sistemi li jorbtulu idejh u ma jħalluhx ħieles jagħmel dak li jixtieq minkejja li jkun għadu jiflaħ jagħmlu. Ħalli niċċaraw dan il-kliem għax lanqas irrid li ninftiehem ħażin. Da ma jfissirx li jekk bniedem ta’ sittin sena għadu jħossu fiżikament tajjeb għandu jmur Paceville fi tmiem il-ġimgħa u jiffrekwenta postijiet fejn l-età ta’ dawk li jkun hemm tkun dik terz tiegħu. F’każi bħal dawn żgur li dak li jkun ma jħossux komdu u għandu mnejn isib min jipprova jgħaddih biż-żmien għax jarah bħala bniedem li mhux postu hemm. Billi dan ma jkunx postu f’post mimli żgħażagħ lanqas ikun ifisser li postu huwa f’xi mużew tal-antikitajiet. Hawn bosta postijiet li huma maħsubin propju għal nies ta’ din l-età.

L-idea tan-normalità għandha mnejn tillimita lil dak li jkun. Biss wieħed jew waħda li għandhom ċerta età u għadhom iħossuhom utli, ma għandhomx jaqtgħu qalbhom mill-avventura. Naf gruppi ta’ nies indaħħlin fiż-żmien li sa qabel il-pandemija kienu jorganizzaw ħarġiet kulturali, edukattivi u rikreazzjonali. L-Università tat-tielet età toffri l-possibiltà li dak li jkun ikompli jkabbar l-għerf li jkun kiseb matul il-ħajja.

Din qed ngħidha għal nies ta’ età avvanzata għax ma nafx kemm taħdem bil-kontra. Mhux ser nissuġġerixxi liż-żgħażagħ jippruvaw jgħixu ħajja ta’ nies kbar fl-età. Għad huma wkoll jaslu għal dik il-fażi tal-ħajja.

L-ivvjaġġar jgħallmek li l-età hija biss numru

Huwa preċiżament billi nivvjaġġa li rrealizzajt kif l-età hija biss numru, limitu immaġinarju, ostaklu mingħajr sustanza. Għax billi tivvjaġġa titbiegħed mill-gaġġa tal-ħajja ta’ kuljum li għandha mnejn tkun spiċċat dejjem  tirrepeti l-istess azzjonijiet. Tajjeb li tifhem li m’hemmx mod ta’ ħajja wieħed. L-alternattivi qegħdin hemm u huma mill-isbaħ.

Mod kif bniedem ta’ ċerta età jibqa’ attiv huwa s-safar. Tassew li llum kulħadd isiefer ’l hemm u ’l hawn imma hemm safar li jgħodd għal nies ta’ età matura. Iż-żgħażagħ jaqbdu u jsiefru u fejn laqat laqat u fejn ħabat ħabat, iżda l-adulti mod ieħor. U din il-ħaġa tifhimha għax iż-żagħżugħ jorqod fejn isib, jiekol fejn ifettillu u ma għandux ħtiġijiet speċjali. Dak ta’ ċerta età jkollu bżonn ċerti kumditajiet jew aħjar neċessitajiet. Minħabba f’hekk naraw li aktar ikun hemm adulti u anzjani ma’ gruppi ta’ safar li jkunu organizzati minn xi agenzija. Bis-saħħa tas-safar dak li jkun jista’ jitgħallem aktar mhux biss għax iżur il-post imma għax qabel ikun jista’ jfittex fuqu u jaqra xi ħaġa dwaru. Jalla ma ndumux ma nibdew ngħixu ħajja normali u l-pandemija tkun ħaġa kerha tal-imgħoddi ħalli kulħadd ikun jista’ jerġa jibda jsiefer liberament.



Kuntentezza

L-aktar ħaġa importanti fil-ħajja tal-bniedem hi li dak li jkun jgħix ħajja fis-sliem u jkun kuntent b’ħajtu. Tabilħaqq li s-snin jibdluna u jpoġġu fuqna ħtiġijiet li ftit inkunu bsara li se naslu għalihom. Imma r-rieda hija aqwa mill-aċċettazzjoni tas-sitwazzjoni. Fir-realtà, meta tirrifletti fuqha, tirrealizza li l-età mhi xejn ħlief nassa biex taqbadna fit-twemmin moralment illeġittimu, bħal kull tikketta oħra li n-nies iwaħħlulna biex jikkategorizzawna. Jekk ser nibqgħu mwaħħlin ma’ sistemi bħal dawn ser nispiċċaw biex ikollna elf impediment għax-xewqa tagħna li nkunu dak li aħna u li nagħmlu dak li nixtiequ.

L-età hija biss numru. L-ewwel eħles lilek innifsek mill-aspettattivi assurdi li n-nies jassoċjaw mas-snin u wara tibda t-triq tiegħek għall-kuntentizza. Dik it-triq fejn mhix l-età turi min int u x’int imma t-tbissima ta’ fuq wiċċek. U t-tbissima hija l-effett tal-hena tal-qalb u mhux effett tal-età.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 19 ta' Ġunju 2021






sabato 12 giugno 2021

L-istatwa tal-libertà

 

Wieħed mill-aktar monumenti magħrufin fid-dinja kollha bla dubju huwa l-istatwa tal-libertà li nsibu fl-Istati Uniti tal-Amerika, imma għandna mnejn ma nkunu nafu xejn dwar din l-istatwa li hija dik li bl-Ingliż tissejjaħ Landmark li nsibu fid-daħla tal-port ta’ New York. Nibdew biex ngħidu li isem dan il-monument huwa La Liberté éclairant le monde, (il-libertà ddawwal id-dinja), iżda aħna sejrin nagħmlu bħalma jagħmel kulħadd u nsejħulha biss l-Istatwa tal-Libertà.

Tagħrif dwarha

L-istatwa fuq stil neoklassiku, turi l-figura ta’ Libertas, l-alla tal-libertà Rumana, liebsa lbies tipiku ta’ żmien l-Imperu Ruman. Hija qegħda żżomm torċa ’il fuq minn rasha b’idha tal-lemin, u f’idha x-xellugija qed ġġorr plakka jew kif kienet tissejjaħ mir-Rumani: tabula ansata li fuqha hemm miktub:  JULY IV MDCCLXXVI (4 ta’ Lulju, 1776 f’numri Rumani). Din hija d-data tad-Dikjarazzjoni tal-Indipendenza tal-Istati Uniti. Tidher katina maqtugħa taħt  riġlejha waqt li tidher miexja ’l quddiem biex tikkommemora l-abolizzjoni nazzjonali reċenti tal-iskjavitù. Fl-ewwel abbozz tal-istatwa l-katina ma kinitx taħt riġlejn il-figura iżda fl-id li llum qed iżżomm il-plakka. Wara l-inawgurazzjoni tagħha fl-1886 l-istatwa saret ikona tal-libertà u tal-Istati Uniti. Hija meqjusa bħala simbolu ta’ merħba għall-immigranti li jaslu bil-baħar.

Din l-istatwa tar-ram kienet ingħatat rigal min-nies ta’ Franza lin-nies tal-Istati Uniti. Kien l-istoriku Franċiż, Édouard de Laboulaye li għamel il-proposta għall-istatwa fl-1865. Il-fondi għaliha ġew miġbura mill-poplu Franċiż u x-xogħol beda fi Franza fl-1875. L-għan tal-istatwa  kien li  juru l-ħbiberija bejn Franza u l-Istati Uniti. Din kienet iddisinjata mill-iskultur Franċiż Frédéric Auguste Bartholdi u l-qafas tal-metall tagħha nbena minn Gustave Eiffel, il-bniedem tant magħruf mat-torri li ħa wkoll ismu fil-belt kapitali Franċiża, Pariġi.

L-istatwa bil-pedestall tagħha b’kollox hija għolja tlieta u disgħin metru, it-torċa li tidher f’idha fiha ftit anqas minn disa’ metri. L-istatwa waħedha fiha tul ta’ sitta u erbgħin metru u tiżen b’kollox fuq mitejn tunellata, bi kważi tmienja u għoxrin minnhom ram u l-kumplament azzar li jifforma l-istruttura ġewwinija li żżomm lil dan il-monument flimkien. B’dan il-kobor kollu, l-istatwa tal-libertà tista’ tidher minn erbgħin kilometru bogħod.


Pedestall

In-nies tal-lokal kellhom jaħsbu biex jibnu l-pedestall li kellu jilqa’ fuqu din l-istatwa enormi, imma l-ġbir tal-flus kien problema. Joseph Pulitzer, editur tal-gazzetta New York World, beda kampanja għad-donazzjonijiet biex itemm dan il-proġett u attira aktar minn 120,000 kontributur, li ħafna minnhom taw inqas minn dollaru. Dan Pulitzer wiegħed li jippubblika isem kull min jagħti xi ħaġa għal dan il-proġett, anke jekk l-għotja tkun żgħira. Fil-fatt insibu li waħda tifla tat sittin ċenteżmu mill-flus li kellha mwarrbin fil-karus u tifel fqir ħafna kien ta ħames ċenteżmi. Grupp ieħor ta’ tfal bagħtu dollaru b’risq il-pedestall. Huma kienu ser imorru ċ-ċirklu imma ddeċidew li l-flus tal-biljett imur għaI dan il-proġett. Isimhom xorta xxandar. Il-pedestall, fuq stil neoklassiku bħalma hija l-istatwa, kien iddisinjat mill-perit Amerikan Richard Morris Hunt u mibni  ġewwa Fort Wood fuq Bedloe’s Island li llum iġġib l-isem ta’ Liberty Island. Minkejja li l-pedestall ta’ dan il-monument huwa vojt minn ġewwa, il-ħitan tiegħu fihom erba’ metri u nofs ħxuna. Il-ħsieb oriġinali ta’ Richard Morris Hunt kien li dan ikun kollu kemm hu tal-granit imma minħabba n-nuqqas ta’ fondi kellu jibdel il-ħsieb tiegħu u l-ħitan saru tal-konkos u nkesa bil-granit.

Kurżitajiet

Replika f'Pariġi 
Meta din l-istatwa waslet fl-Istati Uniti kellha l-lewn ta’ ram ġdid, donna sold nadif iżda biż-żmien ħdaret, proċess normali għal dan il-metall. Biex nifhmu ftit il-kobor ta’ din l-istatwa ngħidu li kieku kellna nixtru żarbun għal alla Libertas, li tidher fil-momument, dan ried ikun size 879 . Biex wieħed jasal sal-kuruna tagħha jrid jitla’ 354 tarġa. Meta jkun riħ qawwi, l-istatwa titbandal sa seba’ ċentimetri u nofs filwaqt li t-torċa titbanda sa tnax-il ċentimetru u nofs. Din l-istatwa mhux l-ewwel darba li ntlaqtet minn xi sajjetta f’xi maltempata. F’dawn l-aħħar snin in-numru ta’ persuni li jżuru dan il-monument famuż kien qed ilaħħaq l-erba’ miljuni u nofs. Fl-2020 minħabba l-pandemija tal-Covid-19 in-numru niżel għal ftit aktar minn nofs miljun ruħ. Wara l-attakk fuq it-Twin Towers f’Settembru tas-sena 2001, dan il-monument ingħalaq għall-pubbliku minħabba l-biża’ ta’ xi attakk terroristiku ieħor, imma reġa’ nfetaħ lejn tmiem dik l-istess sena. Bħalma semmejt aktar qabel, din l-istatwa tinsab fuq gżira li llum jisimha Liberty Island imma sal-1956 kien jisimha Bedloe’s Island. Fl-1984 il-UNESCO ddikjara l-istatwa tal-Libertà bħala wirt dinji.

Madwar id-dinja hawn għadd ta’ repliki ta’ dan il-monument famuż. Franza għandha xejn inqas minn tnax-il repliki filwaqt li oħrajn insibuhom mifruxin madwar id-dinja, fl-Ewropa, l-Asja u l-Awstralja. Jidher li fl-Afrika ma hemm l-ebda replika.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 12 ta' Ġunju 2021













sabato 5 giugno 2021

Karma


L-Ingliżi jgħidu “what goes around comes around”, it-Taljani jgħidu “ciò che va, torna” u aħna l-Maltin ngħidu li bħalma tagħmel jagħmlulek. Illum bosta jużaw il-kelma “Karma” biex ifissru dan il-ħsieb. Karma hija kelma li tfisser ir-riżultat tal-azzjonijiet ta’ persuna kif ukoll l-azzjonijiet infushom. Huwa terminu dwar iċ-ċiklu tal-kawża u l-effett. Skont it-teorija tal-Karma, dak li jiġri lil persuna, jiġri għax ikun ikkawżawh bl-azzjonijiet tagħhom. Hija parti importanti minn ħafna reliġjonijiet bħall-Induiżmu u l-Buddiżmu. Il-kelma Karma ġejja mill-verb kṛ , li fl-ilsien Sanskrit, użat fl-Asja, tfisser “tagħmel” jew “tikkawża”. Allura nistgħu ngħidu li l-Karma hija kawża ta’ dak li tagħmel.



Aħna wkoll

Minkejja li llum anke f’pajjiżna għandna bosta persuni li jappartjenu għall-fidi tal-Induiżmu jew tal-Buddiżmu, għadna m’aħniex wisq midħla ta’ dawn ir-reliġjonijiet u dak li jgħallmu. Billi ħafna minna jappartjenu għall-fidi Kristjana għandna mnejn naħsbu li din hija nozzjoni ’l barra minn dak li nemmnu aħna. Mhux hekk fil-verità. Anke fil-Bibbja nsibu bosta riferimenti li jfissru l-istess ħaġa li tfisser il-Karma fir-reliġjonijiet Ażjatiċi.

Fil-Ktieb ta’ Ġob insibu dan il-vers: “Dawk li jaħdmu l-ħażen u l-għawġ jiżirgħu, ħażen u għawġ jaħsdu” (Ġob 4: 8) Ma tridx wisq sforzi biex tifhem dan il-vers. Fil-Ktieb tal-Proverbji nsibu: “Min iħabrek għall-ġid ikun milqugħ tajjeb, imma min ifittex id-deni, deni jsib.” (Prov 11: 27) kif ukoll “Min iħaffer ħofra jaqa’ ġo fiha, min igerbeb blata, tinqaleb fuqu.” (Prov 26: 27) F’dan il-ktieb hemm bosta versi oħra li juru li dak li tagħmel jerġa’ jiġi għandek. Fis-Salmi wkoll insibu l-Karma. “Arah, l-għadu jnissel il-ħażen, jitqal bil-qerq u jiled il-gideb. Fetaħ bir u ħaffru sewwa; iżda jaqa’ fil-ħofra li għamel hu. Fuq rasu taqa’ l-ħsara li għamel; fuqu tinżel id-dnewwa tiegħu.” (Salm 7: 15-17) Insibu wkoll: “Tiġbornix man-nies ħżiena, ma’ dawk li jagħmlu l-ħażen, li kliem ta’ sliem jgħidu lil għajrhom, u qalbhom bil-qerq mimlija. Ħallashom skont għemilhom, skont l-għemejjel ħżiena tagħhom; skont dak li għamlu jdejhom, roddilhom il-ħlas li ħaqqhom.” (Salm 28: 3-4) Il-kliem huwa ċar daqs il-kristall; dak li tiżra taħsad!

Qadim u Ġdid

Forsi naħsbu li dawn il-ħsibijiet insibuhom biss fit-Testment il-Qadim imma jekk infittxu fil-Ġdid Testment insibu l-Karma wkoll. Araw kif itemm il-kapitlu 3 tal-Evanġelju tiegħu San Ġwann: “Min jemmen fl-Iben għandu l-ħajja ta’dejjem; iżda min ma joqgħodx għall-Iben ma jarax il-ħajja, imma tibqa’ fuqu l-korla ta’ Alla.” San Mattew jikteb bla ma joqgħod jomgħodha: “Mela dak kollu li tridu li l-bnedmin jagħmlu lilkom, agħmluh ukoll intom lilhom; għax din hi l-Liġi u l-Profeti.” (Mt 7:12) Fl-istess Evanġelju nsibu: “ Jgħidilhom: ‘Tassew, ngħidilkom, dak li ma għamiltux ma’ wieħed minn dawk iż-żgħar, anqas miegħi ma għamiltuh.’  U dawn imorru fit-tbatija ta’ dejjem u l-ġusti fil-ħajja ta’ dejjem. (Mt 25: 46) U billi fuq tlieta toqgħod il-borma, dan l-Evanġelista jgħidilna: “Erġa’ daħħal sejfek f’postu għax kull min jaqbad is-sejf, bis-sejf jinqered.” (Mt 26: 52) San Pawl fl-ittra lil Galatin jgħidilhom: “Titqarrqux; Alla ma jidħak bih ħadd. Dak li bniedem jiżra’, dak huwa li jaħsad.” (Gal 6:7) Fit-tieni ittra lill-Korintin dan l-appostlu jgħid: “Jeħtieġ li lkoll kemm aħna nidhru quddiem it-tribunal ta’ Kristu, ħalli kulħadd jieħu skont it-tajjeb jew il-ħażin li jkun għamel meta kien għadu ħaj fil-ġisem.” (2Kor 5:10) San Ġwann fl-ewwel ittra tiegħu jgħid: “Jekk nistqarru dnubietna, hu fidil u ġust, hekk li jaħfrilna dnubietna u jnaddafna minn kull ħażen.” (1Ġw, 1: 9) San Ġakbu fl-ittra tiegħu jgħid: “Dawk li jfittxu s-sliem jiżirgħu fis-sliem u jkollhom il-frott tal-ġustizzja.” (Ġak 3: 18)

Mhux soltu li jiena nikteb fit-tul dwar il-fidi Nisranija imma llum ħassejt li għandi ntawwal xi ftit biex naraw li l-karma ma hijiex biss xi ħaġa tar-reliġjonijiet li ftit li xejn nafu dwarhom imma hija punt importanti fil-fidi Nisranija wkoll.

Fil-ħajja ta’ kuljum


L-azzjonijiet tagħna huma dawk li jibnulna ħajjitna. Ir-relazzjonijiet tagħna mal-oħrajn huma l-istorja li tinbena magħna. Jekk jiena nfittex li nkun vendikattiv, nara kif nagħmel biex nagħmel il-ħajja ta’ ħaddieħor miżerja, biex nikkalpesta lil dawk li huma taħti, nista’ nibqa’ ċert li llum jew għada r-rota ser iddur u dak li qiegħed taħti għad ikun fuq rasi. Kemm-il darba nkun trattajtu ħażin ma nistax nistenna li hu ser jitrattani tajjeb. Nisimgħu l-kliem “Aħfer u insa”, imma kemm verament bniedem jasal biex jaħfer u jinsa azzjoni ħażina? Jipprova imma aktarx li ma jirnexxilux jinsa. Jasal jaħfer imma kif qatt jista’ jinsa? Darba smajt lil wieħed jgħid li meta tkun tiela’ t-telgħa titrattax ħażin lil dawk li tiltaqa’ magħhom għax inti u nieżel trid terġa’ ssib wiċċek quddiemhom! Kemm fiha x’tifhem dil-kelma. Kemm hawn min jaħseb li ser jitla’ t-telgħa u jibqa’ hemm fuq!

Il-Karma ma nistgħux naħarbu minnha. Dak li nagħmlu nsibu, f’ħajjitna jew wara.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 5 ta' Ġunju 2021