Issa
huwa l-waqt li tkun kuntent
Waħda mill- veritajiet assoluti li jgħallmuna mit-tfulija hija li hemm età
tajba għal kollox. Dan huwa mod kif nirraġunaw u nifhmu l-ħajja li aħna
naċċettaw passivament u nieħdu bħala fatt, mingħajr ma nistaqsu lilna nfusna ruxmatta
mistoqsijiet.
Jgħidulna li tista’ tkun bla ħsieb, jew aħjar moħħ ir-riħ, biss sakemm tkun
għadek tfal għax sa ma tagħlaq l-20 sena
trid tistudja, sakemm ikollok 30 aktarx ikollok it-tfal, fl-erbgħinijiet trid
taħdem biex tfittex tħallas is-self kollu li tkun issellift għad-dar, meta
taqbeż il-50 sena tibda toħlom li tirtira, mas-60 tnaqqas il-veloċità u wara li
tmiss is-70 trid tibda tgawdi l-ħajja. Mat-80 sena, jekk tasal hemm, tkun xiħ
wisq biex tagħmel xi ħaġa li tkun ilha tberren f’moħħok.
Dan il-mod ta’ ħsieb huwa frott ix-xewqa tagħna li nikkategorizzaw kollox u lil kulħadd. Insibuha iktar faċli biex ngħixu jekk inkunu nafu eżattament dak li għandna nagħmlu. Donnha l-ħajja tgħidilna: “Għidli liema età għandek u jien ngħidlek x’għandek tagħmel b’ħajtek.”
Qatt ħlomt b’ħajja differenti?
Dan il-metodu li semmejt hawn fuq jista’ jpoġġina f’gaġġa u nispiċċaw
vittmi tas-sistema li ilha tmexxi lill-bniedem bosta snin. Illum il-bniedem sar
jgħix ħajja itwal minn qabel u għalhekk ma għandux jintrabat ma’ sistemi li
jorbtulu idejh u ma jħalluhx ħieles jagħmel dak li jixtieq minkejja li jkun
għadu jiflaħ jagħmlu. Ħalli niċċaraw dan il-kliem għax lanqas irrid li ninftiehem
ħażin. Da ma jfissirx li jekk bniedem ta’ sittin sena għadu jħossu fiżikament
tajjeb għandu jmur Paceville fi tmiem il-ġimgħa u jiffrekwenta postijiet fejn
l-età ta’ dawk li jkun hemm tkun dik terz tiegħu. F’każi bħal dawn żgur li dak
li jkun ma jħossux komdu u għandu mnejn isib min jipprova jgħaddih biż-żmien
għax jarah bħala bniedem li mhux postu hemm. Billi dan ma jkunx postu f’post
mimli żgħażagħ lanqas ikun ifisser li postu huwa f’xi mużew tal-antikitajiet.
Hawn bosta postijiet li huma maħsubin propju għal nies ta’ din l-età.
L-idea tan-normalità għandha mnejn tillimita lil dak li jkun. Biss wieħed
jew waħda li għandhom ċerta età u għadhom iħossuhom utli, ma għandhomx jaqtgħu qalbhom
mill-avventura. Naf gruppi ta’ nies indaħħlin fiż-żmien li sa qabel
il-pandemija kienu jorganizzaw ħarġiet kulturali, edukattivi u rikreazzjonali.
L-Università tat-tielet età toffri l-possibiltà li dak li jkun ikompli jkabbar
l-għerf li jkun kiseb matul il-ħajja.
Din qed ngħidha għal nies ta’ età avvanzata għax ma nafx kemm taħdem
bil-kontra. Mhux ser nissuġġerixxi liż-żgħażagħ jippruvaw jgħixu ħajja ta’ nies
kbar fl-età. Għad huma wkoll jaslu għal dik il-fażi tal-ħajja.
L-ivvjaġġar jgħallmek li l-età hija biss numru
Huwa preċiżament billi nivvjaġġa li rrealizzajt kif l-età hija biss numru,
limitu immaġinarju, ostaklu mingħajr sustanza. Għax billi tivvjaġġa titbiegħed
mill-gaġġa tal-ħajja ta’ kuljum li għandha mnejn tkun spiċċat dejjem tirrepeti l-istess azzjonijiet. Tajjeb li tifhem
li m’hemmx mod ta’ ħajja wieħed. L-alternattivi qegħdin hemm u huma mill-isbaħ.
Mod kif bniedem ta’ ċerta età jibqa’ attiv huwa s-safar. Tassew li llum
kulħadd isiefer ’l hemm u ’l hawn imma hemm safar li jgħodd għal nies ta’ età
matura. Iż-żgħażagħ jaqbdu u jsiefru u fejn laqat laqat u fejn ħabat ħabat,
iżda l-adulti mod ieħor. U din il-ħaġa tifhimha għax iż-żagħżugħ jorqod fejn
isib, jiekol fejn ifettillu u ma għandux ħtiġijiet speċjali. Dak ta’ ċerta età
jkollu bżonn ċerti kumditajiet jew aħjar neċessitajiet. Minħabba f’hekk naraw
li aktar ikun hemm adulti u anzjani ma’ gruppi ta’ safar li jkunu organizzati
minn xi agenzija. Bis-saħħa tas-safar dak li jkun jista’ jitgħallem aktar mhux
biss għax iżur il-post imma għax qabel ikun jista’ jfittex fuqu u jaqra xi ħaġa
dwaru. Jalla ma ndumux ma nibdew ngħixu ħajja normali u l-pandemija tkun ħaġa
kerha tal-imgħoddi ħalli kulħadd ikun jista’ jerġa jibda jsiefer liberament.
Kuntentezza
L-aktar ħaġa importanti fil-ħajja tal-bniedem hi li dak li jkun jgħix ħajja
fis-sliem u jkun kuntent b’ħajtu. Tabilħaqq li s-snin jibdluna u jpoġġu fuqna
ħtiġijiet li ftit inkunu bsara li se naslu għalihom. Imma r-rieda hija aqwa
mill-aċċettazzjoni tas-sitwazzjoni. Fir-realtà, meta tirrifletti fuqha,
tirrealizza li l-età mhi xejn ħlief nassa biex taqbadna fit-twemmin moralment
illeġittimu, bħal kull tikketta oħra li n-nies iwaħħlulna biex
jikkategorizzawna. Jekk ser nibqgħu mwaħħlin ma’ sistemi bħal dawn ser
nispiċċaw biex ikollna elf impediment għax-xewqa tagħna li nkunu dak li aħna u
li nagħmlu dak li nixtiequ.
L-età hija biss numru. L-ewwel eħles lilek innifsek mill-aspettattivi
assurdi li n-nies jassoċjaw mas-snin u wara tibda t-triq tiegħek
għall-kuntentizza. Dik it-triq fejn mhix l-età turi min int u x’int imma
t-tbissima ta’ fuq wiċċek. U
t-tbissima hija l-effett tal-hena tal-qalb u mhux effett tal-età.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 19 ta' Ġunju 2021
Nessun commento:
Posta un commento