Spiss nara ċerta ħwejjeġ jiġru, spiss nisma’ stejjer ta’ inġustizzja jew
kultant forsi nirċievi jiena atti ta’ inġustizzja u dlonk tiġi f’moħħi frażi
qasira mill-ktieb ta’ George Orwell “Animal Farm”. F’dan il-ktieb, li huwa
wkoll maqlub bil-Malti minn Ġorġ Borg u jġib l-isem “Ir-Razzett tal-Bhejjem” (li
sfotunatament f’edizzjoni aktar riċenti sar jismu: “Il-farm tal-annimali”),
fost bosta battuti oħra li jolqtu lil dak li jkun fil-laħam il-ħaj hemm
il-kmandament: “L-annimali kollha huma ndaqs” liema kmandament biż-żmien żdied
miegħu il-kliem: “imma ċerta annimali huma ndaqs aktar!” Ċertament lill-Orwell kienet l-inġustizzja li
kien jara sseħħ quddiem għajnejh li waslitu biex jikteb dan ir-rumanz li b’mod
metaforiku fisser dak li jseħħ madwar id-dinja, fil-politika u f’kull post li
hemm xi forma ta’ tmexxija, fejn kollox jibda sewwa u sabiħ imma ma jdumx wisq
ma l-ħolm u s-sabiħ imwiegħed jintemm fix-xejn. L-awtur ta’ dan ir-rumanz
soċjali jgħid li l-ħnieżer, li fir-rumanz kienu saru l-mexxejja tar-razzett u
tal-bhejjem kollha, tant tħalltu mal-bnedmin, wara li kienu keċċewhom mir-razzett
li kien iġib l-isem “Manor”, li bilkemm wieħed kien jagħraf liema kienu
l-ħnieżer u liema kienu l-bnedmin għaliex kollha kienu jixorbu l-wiski u jiġu
jaqgħu u jqumu minn dawk li hemm taħthom.
Stejjer bħal din smajniehom kemm-il darba. L-istorja tal-bniedem mhux
nieqsa minn atti fejn ta’ fuq jikkalpesta lil dak ta’ taħtu, fejn reġim tela’
fil-poter bl-aktar mod demokratiku u spiċċa f’reġim totalitarju. Imma ejjew
naraw xi ħaġa dwar l-awtur ta’ dan il-ktieb.
Eric Arthur Blair
Jekk insemmu dan l-isem forsi ftit ikunu dawk li jafu min hu. Dan ma huwa
ħadd għajr George Orwell. Goerge Orwell huwa l-isem li bih kien jippubblika
il-kitbiet tiegħu dak li fil-verità kien jismu Eric Arthur Blair.
Orwell twieled f’Motihari, Bihar, l-Indja, fil-25 ta’ Ġunju, 1903 minn
familja ta’ dixxendenza Skoċċiża, li tappartjeni għall-klassi medja, jew aħjar
kif kienet tissejjaħ lower-upper-middle class. Irridu nżommu ġewwa
moħħna d-diversi kasti u klassijiet li kienu u għadhom jeżistu fl-Indja. Ma
ninsewx ukoll li fiż-żmien li qed insemmu, l-Indja kienet għadha taħt l-Imperu
Brittaniku. Missier Orwell kien ta’ oriġini
Anglo-Indjani u kien uffiċjal tal-amministrazzjoni Ingliża fl-Indja. Fl-1904 ċ-ċkejken
Orwell ma’ ommu Ida fir-Renju Unit. Miegħu marru wkoll iż-żewġ ħutu bniet, Marjorie Frances u Avril Nora. Mal-wasla
tagħhom fl-Ingilterra kienu joqogħdu f’Henley-on-Thames, Oxfordshire, fejn aktar
il quddiem it-tfajjel daħal jistudja fil-kulleġġ San Ċiprijanu ta’ Eastbourne. Huwa
telaq minn dak il-kulleġġ Kattoliku b’kumpless qawwi ta’ inferjorità minħabba l-umiljazzjonijiet u s-snobbiżmu li
sofra matul is-snin minn sħabu l-istudenti. Huwa tilef ukoll il-fidi u kif
ikkonferma aktar il quddiem huwa spiċċa ateu minkejja li studja fi skola
tal-Knisja! Huwa jirrakkonta fit-tul dak li għadda minnu fl-awtobijografija
tiegħu li ġġib l-isem “Such, Such Were the Joys” li huwa ppubblika fl-1947.
Kittieb
Eric, jew aħjar George Orwell għadda xi żmien jgħix f’Pariġi. Huwa ppubblika l-ewwel artiklu tiegħu b’suċċess fil-ġurnal Le Monde fl-1928. Is-sena ta’ wara huwa mar joqgħod Southwold, Suffolk fejn beda jaħdem bħala reviżur għall-ġurnali Adelphy u n-New Statesman and Nation. F’April tas-sena 1932 mar joqgħod Middlesex, fejn beda jaħdem bħala għalliem fl-iskejjel elementari privati, xogħol li mbagħad kellu jabbanduna minħabba problemi ta’ saħħa. F’Marzu tas-sena ta’ wara, huwa ppubblika “The Clergyman’s Daughter”. F’dan ir-rumanz Orwell ilaqqa’ lill-qarrej ma’ Dorothy, bint saċerdot Anglikan, li kienet taħdem daqs kelb biex taqla x’tiekol. Wara Orwell beda jaħdem part-time f’ħanut tal-kotba u kif ukoll kritiku ġdid għan-New English Weekly.
1984
Orwell miet f’Londra fil-21 ta’ Jannar, 1950 fl-għmor ta’ 46 sena, biss
kitbietu ma jmutu qatt, anzi aktar ma jgħaddi żmien aktar jieħdu l-ħajja.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon, 26 ta' Ġunju 2021
Nessun commento:
Posta un commento