sabato 12 giugno 2021

L-istatwa tal-libertà

 

Wieħed mill-aktar monumenti magħrufin fid-dinja kollha bla dubju huwa l-istatwa tal-libertà li nsibu fl-Istati Uniti tal-Amerika, imma għandna mnejn ma nkunu nafu xejn dwar din l-istatwa li hija dik li bl-Ingliż tissejjaħ Landmark li nsibu fid-daħla tal-port ta’ New York. Nibdew biex ngħidu li isem dan il-monument huwa La Liberté éclairant le monde, (il-libertà ddawwal id-dinja), iżda aħna sejrin nagħmlu bħalma jagħmel kulħadd u nsejħulha biss l-Istatwa tal-Libertà.

Tagħrif dwarha

L-istatwa fuq stil neoklassiku, turi l-figura ta’ Libertas, l-alla tal-libertà Rumana, liebsa lbies tipiku ta’ żmien l-Imperu Ruman. Hija qegħda żżomm torċa ’il fuq minn rasha b’idha tal-lemin, u f’idha x-xellugija qed ġġorr plakka jew kif kienet tissejjaħ mir-Rumani: tabula ansata li fuqha hemm miktub:  JULY IV MDCCLXXVI (4 ta’ Lulju, 1776 f’numri Rumani). Din hija d-data tad-Dikjarazzjoni tal-Indipendenza tal-Istati Uniti. Tidher katina maqtugħa taħt  riġlejha waqt li tidher miexja ’l quddiem biex tikkommemora l-abolizzjoni nazzjonali reċenti tal-iskjavitù. Fl-ewwel abbozz tal-istatwa l-katina ma kinitx taħt riġlejn il-figura iżda fl-id li llum qed iżżomm il-plakka. Wara l-inawgurazzjoni tagħha fl-1886 l-istatwa saret ikona tal-libertà u tal-Istati Uniti. Hija meqjusa bħala simbolu ta’ merħba għall-immigranti li jaslu bil-baħar.

Din l-istatwa tar-ram kienet ingħatat rigal min-nies ta’ Franza lin-nies tal-Istati Uniti. Kien l-istoriku Franċiż, Édouard de Laboulaye li għamel il-proposta għall-istatwa fl-1865. Il-fondi għaliha ġew miġbura mill-poplu Franċiż u x-xogħol beda fi Franza fl-1875. L-għan tal-istatwa  kien li  juru l-ħbiberija bejn Franza u l-Istati Uniti. Din kienet iddisinjata mill-iskultur Franċiż Frédéric Auguste Bartholdi u l-qafas tal-metall tagħha nbena minn Gustave Eiffel, il-bniedem tant magħruf mat-torri li ħa wkoll ismu fil-belt kapitali Franċiża, Pariġi.

L-istatwa bil-pedestall tagħha b’kollox hija għolja tlieta u disgħin metru, it-torċa li tidher f’idha fiha ftit anqas minn disa’ metri. L-istatwa waħedha fiha tul ta’ sitta u erbgħin metru u tiżen b’kollox fuq mitejn tunellata, bi kważi tmienja u għoxrin minnhom ram u l-kumplament azzar li jifforma l-istruttura ġewwinija li żżomm lil dan il-monument flimkien. B’dan il-kobor kollu, l-istatwa tal-libertà tista’ tidher minn erbgħin kilometru bogħod.


Pedestall

In-nies tal-lokal kellhom jaħsbu biex jibnu l-pedestall li kellu jilqa’ fuqu din l-istatwa enormi, imma l-ġbir tal-flus kien problema. Joseph Pulitzer, editur tal-gazzetta New York World, beda kampanja għad-donazzjonijiet biex itemm dan il-proġett u attira aktar minn 120,000 kontributur, li ħafna minnhom taw inqas minn dollaru. Dan Pulitzer wiegħed li jippubblika isem kull min jagħti xi ħaġa għal dan il-proġett, anke jekk l-għotja tkun żgħira. Fil-fatt insibu li waħda tifla tat sittin ċenteżmu mill-flus li kellha mwarrbin fil-karus u tifel fqir ħafna kien ta ħames ċenteżmi. Grupp ieħor ta’ tfal bagħtu dollaru b’risq il-pedestall. Huma kienu ser imorru ċ-ċirklu imma ddeċidew li l-flus tal-biljett imur għaI dan il-proġett. Isimhom xorta xxandar. Il-pedestall, fuq stil neoklassiku bħalma hija l-istatwa, kien iddisinjat mill-perit Amerikan Richard Morris Hunt u mibni  ġewwa Fort Wood fuq Bedloe’s Island li llum iġġib l-isem ta’ Liberty Island. Minkejja li l-pedestall ta’ dan il-monument huwa vojt minn ġewwa, il-ħitan tiegħu fihom erba’ metri u nofs ħxuna. Il-ħsieb oriġinali ta’ Richard Morris Hunt kien li dan ikun kollu kemm hu tal-granit imma minħabba n-nuqqas ta’ fondi kellu jibdel il-ħsieb tiegħu u l-ħitan saru tal-konkos u nkesa bil-granit.

Kurżitajiet

Replika f'Pariġi 
Meta din l-istatwa waslet fl-Istati Uniti kellha l-lewn ta’ ram ġdid, donna sold nadif iżda biż-żmien ħdaret, proċess normali għal dan il-metall. Biex nifhmu ftit il-kobor ta’ din l-istatwa ngħidu li kieku kellna nixtru żarbun għal alla Libertas, li tidher fil-momument, dan ried ikun size 879 . Biex wieħed jasal sal-kuruna tagħha jrid jitla’ 354 tarġa. Meta jkun riħ qawwi, l-istatwa titbandal sa seba’ ċentimetri u nofs filwaqt li t-torċa titbanda sa tnax-il ċentimetru u nofs. Din l-istatwa mhux l-ewwel darba li ntlaqtet minn xi sajjetta f’xi maltempata. F’dawn l-aħħar snin in-numru ta’ persuni li jżuru dan il-monument famuż kien qed ilaħħaq l-erba’ miljuni u nofs. Fl-2020 minħabba l-pandemija tal-Covid-19 in-numru niżel għal ftit aktar minn nofs miljun ruħ. Wara l-attakk fuq it-Twin Towers f’Settembru tas-sena 2001, dan il-monument ingħalaq għall-pubbliku minħabba l-biża’ ta’ xi attakk terroristiku ieħor, imma reġa’ nfetaħ lejn tmiem dik l-istess sena. Bħalma semmejt aktar qabel, din l-istatwa tinsab fuq gżira li llum jisimha Liberty Island imma sal-1956 kien jisimha Bedloe’s Island. Fl-1984 il-UNESCO ddikjara l-istatwa tal-Libertà bħala wirt dinji.

Madwar id-dinja hawn għadd ta’ repliki ta’ dan il-monument famuż. Franza għandha xejn inqas minn tnax-il repliki filwaqt li oħrajn insibuhom mifruxin madwar id-dinja, fl-Ewropa, l-Asja u l-Awstralja. Jidher li fl-Afrika ma hemm l-ebda replika.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 12 ta' Ġunju 2021













Nessun commento:

Posta un commento