Ninsabu fl-eqqel tas-sajf u jkollna nammettu li din is-sena s-sajf diġà
wriena snienu waħda u sew għax ilna ngorru bis-sħana. Għaddejna jiem li fihom
kellna imwieġ ta’ sħana. Ma hemmx x’tagħmel, fis-sajf qegħdin!
Mewġiet ta’ sħana
Mewġa ta’ sħana, fil-meteoroloġija, hija perjodu ta’ temp atmosferiku li
matulu t-temperatura tkun ogħla meta mqabbla mat-temperaturi medji ġeneralment
f’dak il-perjodu u dan it-temp għandu tendenza li jdum. Jekk tkun ġuranta waħda
sħuna aktar min-normal, ma nsejħulhiex mewġa. Mewġa ta’ sħana iddum għadd ta’
jiem.
Mewġa ta’ sħana tvarja minn żona għal żona, jiddependi mill-klima tal-post.
F’pajjiż li ġeneralment ikollu temp frisk, jekk it-temperatura taqbeż il-25
grad celcius u dan it-temp itul għal madwar ħamest ijiem, jingħad li jkun hemm
mewġa ta’ sħana. Jekk dan it-temp insibuh matul is-sajf f’xi pajjiż sħun bħalma
hu pajjiżna, ma nkunux nistgħu ngħidu li nkunu għaddejjin minn mewġa ta’ sħana,
anzi kważi kważi ngħidu li jkun il-frisk. Għalhekk naraw li mewġa ta’ sħana
hija marbuta anke mal-post għax dak li jgħodd għal naħa tad-dinja ma jgħoddx
għal naħa oħra. B’dan l-istess argument u bl-istess metodoloġija nistgħu
nitrattaw mewġiet ta’ kesħa li ġieli jkollma fix-xhur xitwin.
Kulħadd ifittex il-frisk
Hawn min iħobb ix-xitwa u hawn min jipprefri s-sajf. Hu x’inhu, jkollna
ngħaddu mill-istaġuni kollha kemm huma, inħobbuhom jew le! Biss anke dawk li
jippreferu s-sajf mix-xitwa, xorta jaraw kif jaħarbu s-sħana. Hawn qed tiġi
quddiem għajnejja xena ħelwa li kont niltaqa’ magħha Napli. Meta kont nirkeb
il-ferrovija fis-sajf, kien ikun hemm xi bejjiegħa tal-imrewwaħ li jitilgħu
fil-vaguni biex iħajru lill-passiġġieri jixtru waħda biex inqassu xi ftit
mill-għomma. Kemm ilni ma nisma’ l-kelma “Għomma”. Il-bużnanna tiegħi kienet
tużaha spiss! La qed insemmi lill-bużnanna naqsam magħkom drawwa li kellha.
Fix-xhur tas-sajf, għall-ħabta ta’ nofsinhar jew is-siegħa, kienet toħroġ barra
u titfa’ bott ilma frisk fuq il-bankina waqt li tgħid: “Għall-erwieħ!” Kienet
temmen li dak il-bott ilma kien ser itaffi xi ftit mis-sħana jew l-għatx
lill-erwieħ tal-puragtorju. Darba ta’ tifel li kont tħajjart jien ukoll nitfa’
ftit ilma għall-erwieħ imma minflok bott tfajt barmil sħiħ, mingħalija li ser
nagħmel xi ħaġa kbira. Il-bużnanna qaltli li b’dak l-ilma kollu kont xarrabthom
għasra lill-erwieħ mhux tajthom jixorbu. X’reliġjożità kellhom in-nanniet
tagħna għandek tgħid. Mietu huma u magħhom intemmu dawn id-drawwiet ħelwin li
kellhom. U la qed insemmu l-imgħoddi, insemmu qawl antik li jfaħħar is-sħana.
Dan jgħid li s-Sajf kapott tal-fqir!
Intaffu s-sħana
Illum bosta djar qed iwaħħlu apparat tal-arja kondizzjonata. Il-karozzi
wkoll qed joħorġu b’dan l-apparat magħhom. Lil ħadd ma tagħti tort li jipprova
jaħrab mis-sħana li jġib miegħu s-sajf. Biss hemm ħwejjeġ li nistgħu nagħmluhom
biex intaffu xi ftit is-sħana.
Jekk tpoġġi ftit weraq tan-nagħniegħ fi flixkun bl-ilma u tħallih
fil-fridge ikollok xarba li taqta’ l-għatx. Ilma tal-gas b’lumija magħsura fih
u ponta ta’ kuċċarina melħ fih hija xarba oħra li taqta’ l-għatx u tnaqqas xi
ftit mis-sħana. L-alkoħol ma għandekx tħares lejh jekk ma tridx tħoss sħana. Fis-sħana
għandna nixorbu spiss u l-aħjar li nixorbu xorb frisk.
Imbagħad hemm xi ħwejjeġ prattiċi oħra li wieħed jista’ jagħmel. Fan
imwaħħal mas-saqaf għadnu t-tendenza li jitfa’ l-arja ta’ qrib is-saqaf lejn l-art.
Issa aħna nafu li l-arja sħuna titla ’l fuq, għalhekk fannijiet ta’ mas-saqaf
jistgħu ma jkunux effettivi daqs dawk bis-sieq li jitpoġġew fl-art. Fil-kċina
pprova sajjar ikel frisk u kemm jista’ jkun evita li tixgħel il-forn għax dan
jitfa’ ħafna sħana. Jekk imbagħad ikollok tixgħelu, pjana biex waqt li l-ikel
ikun fil-forn, inti tagħmel xi ħaġa f’kamra oħra basta mhux fil-kċina.
Dawk li jużaw il-kompjuter jafu li dan jarmi wkoll xi ftit sħana. Għalhekk
meta ma tkunx qed tużah aqbad u itfih. Toqgħodx tgħid li dan imur waħdu fuq
sleep mode, itfi u erġa’ ixgħel la tkun ser terġa’ tużah. Kien hemm żmien li
kienu jgħidulna li titfi u tixgħel jista’ jagħmel ħsara lis-software. Illum qed
jgħidulna li dan mhux minnu. U ħaġa oħra la qed insemmu l-kompjuter, taħdimx bih
fuq kuxtejk għax dan jixwihomlok. Mhux ta’ b’xejn illum ma għadhomx jissejħu
laptop imma saru jgħidulhom notebook!
Sħana u xejn aktar! Wara kollox issa huwa żmienha. Nippruvaw naddattaw irwieħna
għaliha.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 31 ta' Lulju 2021