sabato 25 settembre 2021

Ilbies ekkleżjastiku

 

Wara l-artiklu tiegħi bl-isem “Sorijiet Impurtati” li deher f’In-Nazzjon tas-Sibt 4 ta’ Settembru, irċevejt bosta kummenti pożittivi  li minnhom indunajt kemm hawn interess f’dak li għandu x’jaqsam mal-Knisja imma mhux b’mod reliġjuż. Kein hemm min issuġġerieli nikeb aktar dwar dawn il-ħwejjeġ u għalhekk ser nikteb xi ħaġa dwar l-ilbies li jintuża mill-membri tal-Knisja. Billi hemm ħafna x’wieħed jgħid ser naqsam din il-kitba f’aktar minn artiklu wieħed.

Skont il-liġi

Fil-liġi tal-Knisja Kattolika, dak li jissejjaħ id-Dritt Kanoniku insibu l-Kanone numru 284 li jitratta l-ilbies tal-membri tal-ġerarkija tal-Knisja. Dan il-kanone qasir jgħid hekk: Il-Kjeriċi għandhom jilbsu ilbies ekkleżjastiku xieraq skond in-normi maħruġa mill-Konferenza Episkopali u skont id-drawwiet lokali. Tajjeb qabel xejn ngħid xi nfissru bil-kelma Kjeriċi. Id-Dritt Kanoniku jiddefinixxi bħala kjeriċi lil dawk li għandhom id-dritt u l-obbligu li jamminstraw is-sagramenti (dak li ma jistgħux jagħmlu l-lajċi). Mela fi kliem ieħor nistgħu ngħidu li l-kjeriċi huma dawk li rcievew xi grad mis-sagrament tal-Ordni Sagri, jiġifieri d-djakni, is-saċerdoti u l-isqfijiet.  Dawn il-kjeriċi jistgħu jissejħu wkoll Ministri Ordinati. Hawn mhux sejrin nitrattaw l-ilbies li jintlibes waqt ir-riti liturġiċi imma ilbies li jintlibes f’okkażjonijiet oħra li ma tkunx qed tiġi ċċelebrata l-liturġija.

Irħieb bil-kukulla

L-ewwel forma ta’ lbies ekkleżjastiku daħal fil-Knisja mill-irħieb Benedittini fir-raba’ seklu. Dawn bdew jużaw it-tonka, libsa twila aktarx tas-suf li tasal sal-għarqub. Fuq it-tonka kien jintlibes l-iskapular, faxxa drapp wiesgħa li tintlibes minn fuq l-ispalel u tgħatti quddiem u wara tat-tonka. Biex ngħidu hekk dan kien iservi bħala fardal biex it-tonka ma titħammiġx. Dawn il-monaċi, jew kif jissejħu bil-Malti, irħieb, kienu jilbsu wkoll ċintorin jew lazz oħxon ma’ qaddhom biex iżommu t-tonka waqt il-ħin tax-xogħol. Ma ninsewx li l-Benedittini jaqsmu l-ġurnata tagħhom bejn talb u xogħol: Ora et labora. Il-Benedittin kien ikollu wkoll il-Kukulla, dik li bl-ingliż tissejjaħ “cowl”, libsa wiesa bil-barnuż u kmien wiesgħin ħafna. Issa tajjeb ngħidu li l-Benedittini jinqasmu f’żewġ friegħi, dawk ta’ ħajja kontemplattiva, li jlibsu l-abjad u dawk ta’ ħajja attiva li jilbsu l-iswed. Il-Kukulla tkun lewn it-tonka li tintlibes fil-monasteru. Jekk din tkun bajda l-kukulla tkun bajda wkoll u jekk it-tonka tkun sewda l-kukulla tkun tal-istess kulur. Dan kien l-ewwel ilbies ekkeżjatiku mhux litirġiku uffiċjali.

Fl-1215 fil-Knisja Kattolika sar konċilju. Dan sar ġewwa l-Lateran fil-belt ta’ Ruma u kien ir-raba’ konċilju li sar f’dan il-post. Dan il-konċilju obbliga li l-kjeriċi kellhom jilbsu ilbies li bih jintgħarfu meta jarawhom in-nies. Minn dak iż-żmien sal-lum id-drawwiet inbiddlu u anke minn djoċesi għal oħra jista’ jkun hemm xi varjazzjoni. Ejjew naraw ftit xi lbies jilbsu l-kjeriċi.

Is-Suttana

Qassisin bis-suttana
Is-suttana tintlibes mill-kleru djoċesan u minn membri ta’ xi ordnijiet jew soċjetajiet reliġjużi bħalma huma l-Ġiżwiti u f’Malta mill-membri tas-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl. Is-suttana tal-qassis u tal-membri ta’ dawn l-ordnijiet jew soċjetajiet tkun sewda u tinfetaħ minn quddiem bil-buttuni. Is-suttana ta’ qassis ikollha l-buttuni sewed ukoll filwaqt dik ta’ monsinjur jew isqof ikollhom il-buttuni l-aċċetti u tarf fejn jingħalaq bil-vjola jagħti fir-roża. Is-suttana ta’ kardinal tkun l-istess bħal tal-isqof imma bil-buttuni, l-aċċetti u t-tarf aħmar. Din it-tip ta’ suttana tissejjaħ filettata. Is-suttana tal-Papa kif ukoll tal-Papa emeritu huma bojod.  Jeżistu xi differenzi zgħar fil-forma tas-suttana skont id-djoċesi u r-rit. Pereżempju fir-rit Ambrożjan, dak ir-rit liturġiku li jintuża Milan, is-suttana hija daqsxejn differetni minn dik Rumana, jiġifieri  bħal dik li tintuża f’Malta, iżda d-differenza tant tkun żgħira li wieħed bilkemm jinduna biha.

Il-Clergyman

Qassis bil-Clergyman

Il-Clergyman illum narawh milbus kemm mill-qassisin djoċesani kif ukoll mis-saċerdoti membri ta’ xi ordni reliġjuż, imma dan ma kienx minn dejjem hekk. Il-clergyman oriġinarjament ma kienx ilbies tal-Knisja Kattolika imma ta’ dik Protestanta. Lejn tmiem is-snin ħamsin tas-seklu li għadda beda jingħata permess lis-saċerdoti tal-Knisja Kattolika li jilbsu l-clergyman meta jkun sejrin jivjaġġaw. Fil-bidu tal-Konċilju Vatikan it-tieni li sar bejn l-1962 u l-1965, il-kardinali kienu maqsuma dwar l-użu tal-clergyman mill-Knisja Kattolika imma nhar l-Imnarja tal-1962 l-Arċisqof ta’ Pariġi fi Franza ħareġ regoli ġodda dwar l-ilbeis kjreikali fid-djoċsi tiegħu. Minn dakinhar kull saċerdot seta’ juża l-clergyman. Din il-ħaġa ma damitx ma nxterdet ma’ Franza kollha u fi ftit snin mal-Knisja Kattolika kollha. Il-Clergyman tikkonsisti f’qalziet u qmis li jkollha kullar u ġlekk. Il-qmis ħafna drabi tkun sewda imma tista’ tkun ukoll griża, blu jew bajda u rarament kannella. Jeżistu żewġ tipi ta’ qomos għall-clergyman, dak imsejjaħ Ruman, li jkollha l-kullar idur dawra mal-għonq kollu u jkun jidher xi 5 millimetri minnu madwar l-għonq u jeżisti l-ieħor aktar komuni li jkun jidher fuq quddiem tal-qmis biss. L-isqfijiet ukoll jistgħu jilbsu l-clergyman dawn iġorru s-salib pettorali meta jilbsu dan l-ilbies.

Għal-lum nieqfu hawn. Inkomplu ġimgħa oħra b’aktar tagħrif dwar dan is-suġġett.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon  -  25 ta' Settembru 2021



venerdì 24 settembre 2021

Nitgħallmu mill-imgħoddi

 

Żort il-Polonja aktar minn darba u f’kull żjara tiegħi dejjem żort dak li fadal mill-kamp ta’ konċentrament li n-Nażisti kienu bnew ġewwa Oświęcim jew kif inhu magħruf aħjar: Auschwitz. F’waħda mill-barrakki tal-kamp hemm tabella li rajtha l-ewwel darba li żort dan il-post li jħammar wiċċ l-umanità kollha. Din it-tabella fiha miktub fuqha frażi ta’ George Santayana, miktuba bil-Pollakk u bl-Ingliż. Il-frażi bil-Malti nistgħu ngħidu li tiġi hekk: Dak li ma jiftakarx l-imgħoddi huwa kkunddannat li jerġa’ jgħaddi minnu.

George Santayana
Santayana

Ejjew qabel xejn naraw min kien dak li ħareġ b’din il-frażi eċċellenti. Ismu propju kien Jorge Agustín Nicolás Ruiz de Santayana y Borrás, imma aktar huwa magħruf bħala George Santayana. Huwa twieled Madrid fi Spanja f’Diċembru tas-sena 1863. Meta kellu tmien snin il-familja tiegħu emigrat lejn l-Istati Uniti u hu dejjem ħass li kien Amerikan minkejja li żamm iċ-ċittadinanza Spanjola. Studja ġewwa l-Università ta’ Harvard. Wara erbgħin sena huwa reġa’ lura lejn l-Ewropa fejn gĦex f’Avila, Pariġi u Oxford fost oħrajn u fil-kontinent tagħna baqa’ sakemm miet fl-1952 fil-Belt ta’ Ruma, l-Italja. Huwa kien filosfu, kittieb u poeta li jibqa’ magħruf kemm għal din il-frażi li semmejt kif ukoll għal xi oħrajn bħal: Dawk li jmutu biss jaraw it-tmiem tal-gwerra.

Ġenoċidji

Fil-post fejn rajt il-plakka bi kliem Santayana ġew maqtula fuq miljun ruħ. Biss ma rridux ninsew li fl-istess żmien kien qed issir qtil ta’ mijiet ta’ eluf ta’ Serbi mill-Kroati bl-għajta ta’ tindif etniku. Huwa stmat li nqatlu aktar minn miljun Serb f’dan l-hekk imsejjaħ “tindif”. Insemmu wkoll li n-Nażisti wkoll f’dawn is-snin qatlu bejn kwart u nofs miljun minn dak il-poplu li jissejjaħ Rom, dejjem bl-iskuża tat-tindif etniku.  Fl-1971 kellna bosta mwiet fil-ġlieda għall-ħelsien tal-Bangladesh. Bejn mitejn u tliet mitt elf ruħ inqatlu mill-forza tal-ordni tal-Pakistan. Bejn l-1974 u l-1999 kellna qtil ta’ mases ta’ nies f’Timor tal-Lvant. Hemm inqatlu bejn mija u tliet mitt elf ruħ.  Bejn l-1975 u l-1979 seħħ il-qtil tal-massa fil-Kambodja. Bejn miljun u nofs u żewġ miljun ruħ sabu tmiem ħajjithom f’dawn is-snin f’dan il-pajjiż Ażjatiku. Fil-Gwatemala bejn l-1981 u l-1983 inqalu madwar mija u sitta u sittin elf persuna ta’ nisel Maya. Dawn ta’ wara t-tieni gwerra dinjija huma kollha ġenoċidji li seħħew fi gwerra bierda u jkollna ngħidu li ma kinux dawn biss. Ir-Rwanda, Il-Bosnija, il-Kongo, is-Somalja huma ftit fost il-pajjiżi li għaddew minn esperjenza kerha ta’ ġenoċidju.

Donnha d-dinja tinsa dak li tkun għaddiet minnu, anzi jkolli ngħid tinsa malajr wisq jew ma tkunx trid tiftakar. Biss biss is-seklu li għadda kien dominat minn żewġ gwerer dinjin, li kull ma kien hemm bejn tmiem l-ewwel waħda u l-bidu tat-tieni kienu madwar għoxrin sena. F’għoxrin sena kien hemm suldati li kienu ssieltu fil-gwerra l-kbira u reġgħu sabu ruħom fuq il-front tal-gwerra. F’għoxrin sena dik li tilfet lil żewġha fit-taqbid kienet għadha tieħu ħsieb uliedha żgħażagħ.  Wara għoxrin sena, dak it-tifel li l-aħħar darba li ra lil missieru kien meta kien sejjer għall-gwerra, liebes ta’ suldat, bla ma reġa’ qatt rah, għadu jħoss it-tgħannieqa li tah. U donnu l-bniedem ma jitgħallem qatt, jinsa jew ma jkunx irid jiftakar.

Fuq livell iżgħar

Hawn fuq semmejt xi każijiet fuq livell globali, fatti li smajna bihom fuq l-aħbarijiet, qrajna dwarhom fil-gazzetti u tkellimna fuqhom min jaf kemm-il darba. Biss il-bniedem għandu tendenza jinsa anke fuq livell personali. Bniedem li daħaq bik darba għandek terġa’ tafdah? Min jidħaq bik darba jista’ jidħaq bik darbtejn jew tlieta jew erba’ darbiet? Allura għandna nafdaw? Jekk ninsew dak li għaddejna minnu għandna mnejn inbatu l-konsegwenzi. Allura ma għandniex naħfru? Ġieli nisimgħu min jgħid: Naħfer iva, imma ninsa qatt! Il-bniedem ma jistax jinsa dak li jkun għadda minnu. Moħħ il-bniedem mhux hard disk ta’ kompjuter li tista’ tibdilha u titfa’ dak li trid fiha u tħalli barra dak li ma tridx. Il-bniedem sakemm il-fakultà tal-memorja tiegħu tkun għada taħdem sewwa ma jistax jinsa, imma jista’ jaljina rasu, jista’ ma jkunx tgħallem mill-imgħoddi u għalhekk ikollu jerġa’ jgħaddi mill-istess storja li jkun għadda minnha qabel.


Il-ħajja hija l-aqwa u l-akbar għalliema. Ħasra li ġieli ma nitgħallmux minnha, ħasra li dak li tgħaddina minnu din il-ħajja ġieli joħroġ minn moħħna. Kull esperjenza tal-ħajja għandna nitgħallmu minnha biex il quddiem meta nerġgħu nsibu rwieħna fl-istess qagħda nkunu nafu x’għandna nagħmlu, inkunu lesti nagħżlu t-triq li ma twassalniex għad-disfatta, għall-uġigħ, għat-telfa imma nagħżlu triq differenti. Fuq kollox ma għandna nisew qatt kliem George Santayana: Dak li ma jiftakarx l-imgħoddi huwa kkunddannat li jerġa’ jgħaddi minnu.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 18 ta' Settembru 2021




sabato 11 settembre 2021

Post il-kult

 

Il-bniedem huwa annimal li min-natura tiegħu huwa reliġjuż. Meta ngħid reliġjuż ma rridx infisser li huwa marbut ma’ xi fidi jew tagħlim ta’ xi twemmin partikolari imma s-sens li jħoss ġewwa fih li hemm xi qawwa akbar u ogħla minnu li tmexxi d-dinja u tiddetermina lil ħajtu. Din ir-reliġjożità tista’ tkun marbuta ma’ xi fidi storika jew tista’ ma tkunx. Billi l-bniedem huwa wkoll soċjevoli, dan is-sentiment reliġjuż li jħoss ikun irid jaqsmu ma’ ħaddieħor li jkollu l-istess twemmin. Għalhekk inħolqu il-postijiet tal-kult.

Mill-qedem

Pajjiżna jista’ jiftaħar li fih jinstabu fost l-eqdem tempji tad-dinja li fihom kienu jiltaqgħu gruppi ta’ nies biex jeżerċitaw ir-ritwali reliġjużi tagħhom. It-tempji monumentali u preistoriċi ta’ Malta nbnew bejn 5,500 u 2,500 Qabel Kristu u llum nafu li huma l-eqdem binjiet fl-Ewropa, saħansitra aktar antiki mill-Piramidi tal-Eġittu u Stonehenge tal-Ingilterra. Huma magħrufin għad-diversità tal-forma u t-tiżjin tagħhom u jikklassifikaw fost l-ewwel bini fid-dinja. Dawn il-binjiet huma l-Ġgantija ta’ Għawdex, Ħaġar Qim, l-Imnajdra u t-tempji ta’ Ħal Tarxien. Tempji simili għal dawn li għandna f’pajjiżna nsibuhom mifruxin mal-Ewropa mill-Irlanda sal-peninsula Iberika u lejn ix-xatt tax-xmara Danubju. Kollox jindika kemm l-antenati tagħna ħassew li kellhom iduru lejn dik il-qawwa sopranaturali li tmexxihom.

Aktar qrib tagħna

F'tempju Buddista
Biż-żmien il-bniedem beda jorganizza ruħu aħjar u fejn tidħol ir-reliġjożità beda jidentifika ruġu ma’ xi għaqda jew fidi. Fl-Asja, r-reliġjonijiet l-aktar mifruxin huma dik Buddista u dik Ħindu. Bħala post ta’ kult dawn kellhom u għad għandhom it-tempji. It-tempju Buddista huwa post sagru ġeneralment magħmul jew minn bini wieħed jew aktar. Fih insibu s-sala prinċipali li fiha normalment ikun hemm l-istatwa ta’ Budda. Qrib tat-tempju aktarx ikun hemm xi monasteru għall-irħieb Buddisti. L-arkitettura tat-tempji Ħindu tipprovdi struttura miftuħa u mibnija b’mod simetriku b'ħafna varjazzjonijiet, b’figuri ġeometriċi perfetti, bħal ċrieki u kwadri.

Jekk nibqgħu nersqu aktar qrib żminijietna naraw li l-Griegi tal-qedem ukoll kellhom it-tempji biex fihom iqimu lill-allat tagħhom. Billi dan il-poplu kien jaħkem bosta artijiet, kien jibni tempji kull fejn ikollu preżenza. Illum il-fdalijiet ta’ dawn it-tempji saru l-patrimonju ta’ dik l-art li jinsabu fiha. Mhux wisq bogħod minn pajjiżna, sewwasew fi Sqallija, f’Agrigento għadna nistgħu naraw għadd ta’ tempji Griegi. Ir-Rumani ħadu ħafna mill-Griegi u huma wkoll kienu jibnu tempji lill-allat tagħhom. Meta twieldet il-fidi Nisranija, sakemm dawk li ħaddnu din il-fidi ġdida kellhom il-ħelsien li jipprattikawha, kienu jużaw il-katakombi bħala l-post tal-kult tagħhom. Hawn ukoll pajjiżna jista’ jiftaħar li huwa minn ta’ quddiem għax wara Ruma, Malta tħaddan l-akbar għadd tagħhom.

Qabel l-Insara

L-Insara kienu meqjusin bħala setta li ħarġet mill-fidi Lhudija u għalhekk għall-bidu ftit kien hemm min jagħmel distinzjoni bejn Lhudi u Kristjan. Il-Lhud ukoll kellhom it-tempju fil-belt ta’ Ġerusalemm, imma dan twaqqa’ mir-Rumani fis-sena 70 Wara Kristu. Ta’ min jgħid li dan kien it-tielet tempju mibni fil-post u minn meta twaqqa’ mir-Rumani ma reġa’ nbena qatt. Il-Lhud għandhom is-sinagoga bħala l-post tal-kult tagħhom. Is-sinagoga aktarx li bdiet tintuża matul l-eżilju Babiloniż fil-ħames seklu Qabel Kristu u wara l-qerda tal-ewwel Tempju, id-drawwa tas-sinagoga kienet miġjuba lejn Iżrael mil-Lhud li kienu rritornaw mill-eżilju. Għal-Lhud, it-tempju kien il-post fejn jgħammar Alla u s-sinagoga hija biss il-post tal-kult u t-talb.

Il-knisja, post il-kult Nisrani
Insara 

L-ewwel Insara kienu jiltaqgħu fid-djar biex jiċċelebraw il-kult tagħhom. Din il-ħaġa ma kinitx issir biss f’Iżrael, il-post fejn twieled il-Kristjaneżmu imma kull fejn inxtered. Ruma għadna sal-lum insibu knejjes antiki ddedikati lil xi qaddis jew qaddisa li ma nafux min hu jew min hi, bħal Santa Sabina jew Santa Priska. Dawn ma kienu ħadd għajr is-sidien tad-djar fejn kienu jiltaqgħu l-ewwel Insara biex jeżerċitaw il-kult. Dawn id-djar kienu jissejħu Domus Ecclesia, dar-knisja u biż-żmien sidhom beda jissejjaħ bħala qaddis. Illum il-Kristjaneżmu huwa maqsum fi friegħi u huwa stmat li madwar id-dinja kollha hawn xi 37 miljun knisja.

Musulmani

Taj Mahal huwa wkoll moskea
Il-moskea hija l-post tat-talb għall-fidili tal-Iżlam. Il-moskea għandha miḥrāb, bħal niċċa li tindika d-direzzjoni ta’ Mekka fejn hemm ukoll il-Kaʿba, meqjusa bħala l-ewwel Santwarju Musulman iddedikat għall-qima ta’ Allah. Minkejja li mhix ħaġa obbligatorja, il-moskea ġieli jkollha wkoll il-pulptu minfejn l-imam jaqra l-Koran. Billi l-fidi Iżlamika ma tippermettix xbihat, f’xi moskeji nsibu disinji tabilħaqq sbieħ li jsebbħu lill-binja. Madwar id-dinja nsibu kważi 4 miljun moskea.

Hemm xi denominazzjoniet reliġjużi oħra li minkejja li huma żgħar għandhom il-post tal-kult tagħhom ukoll bħal ngħidu aħna s-sala tas-Saltna tax-Xhieda ta’ Ġehova fost oħrajn.

Hekk rajna fuq fuq xi postijiet li l-bniedem, hu min hu, hu fejn hu, juża biex jesprimi dak is-sentiment reliġjuż li jħoss ġewwa fih.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 11 ta' Settembru 2021



sabato 4 settembre 2021

Sorijiet impurtati

 

Dan l-aħħar qrajna li l-monasteru tas-sorijiet tal-klawsura Agostinjani li hemm il-Belt Valletta, strada rjali, ftit l-isfel minn Misraħ San Ġorġ, ser jiftaħ il-bibien tiegħu biex jilqa’ fih sorijiet tal-klawsura mill-Filippini. Intqalu ħafna teoriji, fosthom li issa ser ikollna “sorijiet impurtati!” Dan il-fatt ħajjarni nikteb dan l-artiklu għax bosta mill-kummenti li rajt fuq il-media soċjali tawni x’nifhem li hawn nuqqas ta’ tagħrif dwar dan l-argument.

Ħajja kontemplattiva


Irridu l-ewwel ħaġa nagħmlu distinzjoni bejn dik li tissejjaħ il-ħajja reliġjuża attiva u l-ħajja reliġjuża kontemplattiva. L-ewwel forma ta’ ħajja reliġjuża, jiġifieri meta grupp ta’ nies jibdew jgħixu flimkien biex jgħixu ħajja ta’ talb, kienet il-forma kontemplattiva. Aħna bil-Malti lis-sorijiet kollha sorijiet insejħulhom u lill-patrijiet kollha patrijiet, allura biex nifthemu jkollna nużaw il-kliem Taljan. Jeżistu l-Monaco u l-Monaca, il-monaco bil-Malti jissejjaħ raħeb u l-monaca soru tal-klawsura. Huma dawn li jissejħu reliġjużi ta’ ħajja kontemplattiva. Sa żmien San Franġisk u San Duminku kienu jeżistu biss reliġjużi ta’ ħajja kontemplattiva. Dawn il-qaddisin waqqfu l-ewwel ordnijiet ta’ ħajja reliġjuża attiva.

Il-ħajja kontemplattiva hija sinonima mal-klawsura. Fil-fatt anke l-ismijiet tal-post fejn jgħixu jindika dan. Dawn joqgħodu f’monasteru (kelma li ġejja minn mono stare – toqgħod waħdek) filwaqt li l-patrijiet u s-sorijiet joqgħodu fil-kunvent (kelma li ġejja minn con vivere – ngħixu flimkien). L-għan tal-ħajja kontemplattiva hija t-talb filwaqt li l-għan tal-ħajja reliġjuża attiva minbarra t-talb hemm ukoll il-kariżma tal-ordni partikolari li għaliha jkun jappartjeni l-membru. Hawn ippruvajt infiehem fil-qosor id-differenza bejn iż-żewġ tipi differenti ta’ ħajjiet reliġjużi.

Ħajja moħlija

Fost il-kummenti li rajt dwar l-aħbar li xi sorijiet tal-klawsura mill-Filippini ġejjin jgħixu Malta, rajt min kiteb li soru aħjar toħroġ barra tgħin lil min hu fil-bżonn milli tmur tingħalaq fil-monasteru u skont dawn “jaħlu ħajjithom hemm ġew!” Minn kummenti bħal dawn nindunaw kemm illum il-Malti tilef is-sens tat-talb, kemm warrab dak li tant kien għal qalb l-antenati tagħna. Tabilħaqq li soru li taħdem qrib in-nies tidher li qed tgħix ħajja utli filwaqt li minħabba l-klawsura, minħabba r-restizzjonijiet li timponi l-ħajja monastika, mara li tidħol fil-klawsura tidher għad-dinja bħala ħela. Imma jekk inżommu din it-teorija nkunu qed ngħidu li t-talb huwa ħela ta’ żmien. Jekk tifhem dan l-argument żgur li ma tgħidx li ħajja fil-monasteru hija ħajja moħlija.

Nuqqas ta’ membri

Il-monasteru tal-Agostinjani tal-Belt Valletta stqarr pubblikament li qiegħed fi kriżi. Din il-ħaġa donnha nibżgħu ngħiduha bil-miftuħ, nippruvaw ngħattu x-xemx bl-għarbiel u nibqgħu nitfgħu t-trab taħt it-tapit. In-numru ta’ patrijiet u sorijiet kull ma jmur dejjem qed jonqos u dawk li qed jidħlu fil-kunventi huma bil-wisq inqas minn dawk li qed imutu. Hawn mhux ser noqgħod nagħmel eżami għalfejn iż-żgħażagħ mhux qed jersqu lejn il-ħajja reliġjuża, imma ngħid biss li hemm bosta raġunijiet, u raġunijiet miż-żewġ naħat, mill-ġenerazzjoni żagħżugħa u mill-Knisja u mill-Ordnijiet Reliġjużi.

Ladarba qed jonqsu l-membri ma jistax ikun li jibqa’ għaddej l-istess xogħol. Kif jista’ jkun erba’ sorijiet jagħmlu x-xogħol li kienu jagħmlu għoxrin soru? Kif jista’ kunvent bi tliet patrijiet jibqa’ jagħmel l-istess attivitajiet li kien jagħmel meta kien fih tnax jew ħmistax-il patri? Madanakollu għadna nippruvaw nillapazzaw, inġebbdu, inraqqgħu sakemm dak li jkun ma jkunx jiflaħ aktar u jisplodi, jitlaq jew min jaf xiex! Wasalna fil-punt li rridu norbtu l-ġolġol ma’ għonq il-qattus imma donnu kulħadd qed jibża’ jieħu azzjoni. Tgħidux li jiena pessimist, imma wisq nibża’ li għada l-istorja sejra tkun agħar minn dik li għandna llum.

Importazzjoni

Niftakar meta Malta kienet tesporta s-saċerdoti u s-sorijiet. F’kull parti tad-dinja xi darba kien hemm preżenza ta’ xi membru tal-Knisja Maltija. Kien hemm żmien li konna nisimgħu l-kliem: “Għad jasal iż-żmien li jibdew jiġu l-missjunarji f’pajjiżna!” Konna nieħdu dal-kliem biċ-ċajt, konna naraw din il-problema bogħod wisq minna u konna naħsbu li qatt ma kienet ser tilħaqna. Kemm konna żbaljati! Wasal dak il-waqt fuqna wkoll, forsi kien għal għarrieda, jew forsi ma konniex lesti għalih. Hu x’inhu wasal. Xorta waħda għadna ma wasalniex għal-livelli li waslet fihom il-Knisja f’ċerti bnadi tal-Ewropa, fejn kappillan ikollu tnejn, tlieta jew saħansitra erba’ parroċċi. Għadna ma wasalniex fil-punt li parroċċa jkollha quddiesa waħda darba fil-ġimgħa, realtà li teżisti f’ċerti parroċċi Ewropej. Aħna għadna mfissdin, irridu jekk jista’ jkun il-qassis id-dar biex ma nimxux sal-knisja! Għadna fil-lussu meta nqabblu rwieħna ma’ pajjiżi oħra, imma resqin b’pass mgħaġġel lejn realtà ġdida.

Il-monasteru tal-Agostinjani tal-Belt fetaħ bwiebu għal membri barranin. Dawn huma ta’ eżempju għal oħrajn, mhux biss reliġjużi femminili imma anke maskili. X’fiha ħażin li jkollok soriijet jew patrijiet u saċerdoti impurtati?

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 4 ta' Settembru 2021