|
Presepju Malti |
Jum wara jum, ġimgħa wara ġimgħa, xahar wara xahar u nistgħu ngħidu li
gerrbet sena oħra, sena li bdejnieha f’pandemija u fl-istess pandemija sejrin
intemmuha. F’dawn il-jiem ta’ festi li ġejjin minkejja li f’sitwazzjonijiet
normali jkunu jiem ta’ ħruġ, laqgħat, festeġġjamenti u x’naf jien, din is-sena żgur
li jkun hawn ħafna li jippreferu jibqgħu ġewwa darhom. Li tgħaddi dawn il-festi
f’darek, ma’ tal-familja, ma hijiex xi ħaġa kerha. Wara kollox dawn huma festi
li jressquna lejn il-familja, festi li nistgħu ngħadduhom id-dar.
It-Taljani għandhom qawl li jgħid: “Natale con i tuoi, Pasqua con chi vuoi”,
il-Milied għaddieh ma’ tal-familja imbagħad l-Għid il-Kbir għaddieh ma’ min
trid. Kemm jagħmel sens dan il-qawl u għandu mnejn din is-sena aktar minn qatt
qabel, Għandna mnejn din is-sena nerġgħu ngawdu xi ftit minn dak il-Milied li
konna ngħixu fi tfulitna, Milied li aktarx insejna t-togħma tiegħu.
Drawwiet Maltin
Aħna l-Maltin għandna għal qalbna ix-xena tat-twelid ta’ Ġesù. Minkejja li
l-presepju ma għandux oriġini Maltija, xorta waħda din id-drawwa ħadnieha
mingħand il-ġirien tagħna t-Taljani u għamilnieha tagħna wkoll. Mhux talli
għamilnieha tagħna, imma ma nkunx qed niżbalja jekk ngħid li llum aktar komuni
ssib presepju f’dar Maltija milli f’waħda Taljana.
|
Purċissjoni tal-Bambin |
Żewġ drawwiet uniċi ta’ pajjiżna huma l-purċissjoni tal-Bambin Ġesù u
l-prietka tat-tifel fil-quddiesa ta’ nofsillejl. Dawn iż-żewġ drawwiet raw
tibdil matul is-snin u din is-sena l-purċissjoni tal-Milied tat bidu għal
argument tabilħaqq bis-sens. Ladarba saret il-mixja ta’ solidarjetà tal-President,
għaliex ma għandhiex issir il-purċissjoni tal-Bambin? Jekk dħalna fir-raba’
mewġa tal-pandemija tal-covid 19, dħalna kollha kemm aħna, il-virus ma jagħmilx
distinzjoni bejn purċissjoni organizzata mill-Museum jew minn mixja organizzata
mill-President tar-Repubblika! Intant ma rridx nintilef fuq dan l-argument għax
hu twil ħafna. Kien hemm lokalitajiet li l-purċissjoni tal-Bambin ilha li
spiċċat għax il-qasam tal-Museum kellu jagħlaq, biss ix-xewqa għal dik il-purċissjoni
għadha tinstab fil-qalb ta’ kull Malti ta’ ċerta età għax din hija purċissjoni
li toħodna lura fiż-żmien u terġa’ ġġibna tfal fil-fond ta’ qalbna. Rigward
il-prietka tat-tifel ngħidu li llum ma għadiex issir biss minn tifel imma spiss
qed naraw xi tifla tagħmilha. Personalmet ma tantx naqbel ma’ din il-bidla u
ser ngħid għalfejn. Il-prietka tat-tifel inħolqot aktar bħala att mhux
liturġiku. It-tifel kien jimita lill-qassis u aktar milli għall-kontenut
in-nies tiggosta l-ġesti li jagħmel dan it-tifel għax tistħajlu qassis ċkejken.
Issa ladarba qassisin nisa ma jeżistux fil-Knisja Kattolika, meta tifla tagħmel
il-prietka titlef ħafna mill-iskop li għaliha nħolqot. Naf li ħa jkun hawn min
ma jaqbilx miegħi, imma dan hu dak li nemmen jien u dawk li ma jaqblux miegħi
għandhom dritt iżommu t-twemmin tagħhom.
Il-kċina Maltija
|
Qagħaq tgal-għasel |
Ladarba l-Milied huwa festa tal-familja, ma jistax jonqos li l-ikel għandu
parti importanti f’din il-festa. Il-kċina Maltija għandha numru ta’ riċetti
marbutin ma’ dan iż-żmien sabiħ. Il-qagħaq tal-għasel huma ħelu tal-Milied
minkejja li llum il-ġurnata nsibuhom matul is-sena kollha. Din hija ħaġa li
tassew tħallini perpless għax il-prinjolata nsibuha biss fil-karnival,
il-figolli nsibuhom biss fl-Għid il-Kbir u l-għadam tal-mejtin insibuhom biss
f’Novembru. Allura ħelu tal-Milied bħalma huma l-qagħaq tal-għasel kif sirna
nsibhom is-sena kollha? Ma’ qagħqa tal-għasel imbagħad tmur tajba skutella
mbuljuta sħuna! Intant illum mal-ħelu Malti sirna nsibu wkoll il-kejk
tal-Milied. Nemmen li dan daħal f’pajjiżna minħabba l-ħakma Brittanika. Aktar
qrib tagħna bdejna ninportaw ukoll il-pannettone mill-Italja u llum dan sab
ukoll postu fuq il-Mejda tal-ikla tal-Milied. Ngħid id-dritt, jien il-kċina
Taljana nħobbha u dejjemm ngħid li hija l-itjeb kċina fid-dinja, imma bejn
il-kejk tal-Milied u l-pannettone jkolli nistqarr li din id-darba jirbħu
l-Ingliżi.
L-ikla tradizzjonali Maltija ta’ nhar il-Milied aktarx li huwa d-dundjan,
biss illum issib ħafna li ma jiekluhx. Biex ngħidu d-dritt din id-drawwa daħlet
fostna wkoll mill-Ingliżi. Id-dundjan sar jittiekel f’jum il-Milied f’bosta
pajjiżi li bħalna kienu kolonja Brittanika. Dari d-dundjan ta’ jum il-Milied
kien jittieħed il-forn biex jissajjar. Billi familti kienet familja ta’
furnara, għadni niftakar il-forn tan-nanniet b’xi għaxar jew tużżana dundjani
lesti biex jiddaħħlu fil-forn tal-qiegħa. Minħabba li d-dundjan huwa tajra
kbira u llum il-familji ma għadhomx numerużi bħal qabel, ħafna ma għadhomx
isajruh, biss wieħed illum isib jixtri partijiet tad-dundjan u b’hekk ma jkollux
għalfejn jixtri dundjan sħiħ. Imbagħad hemm min ma jiggustax il-laħam
tad-dundjan allura f’jum il-Milied iħejji xi koxxa tal-majjal jew xi biċċa
ħaruf. L-importatni li l-familja tkun flimkien dakinhar.
Dawn huma drawwiet, antiki kif ukoll ġodda, li jiffurmaw il-Milied Malti.
Nixtieq nieħu din l-okkażjoni biex nawgura lilkom ilkoll Milied hieni.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 18 ta' Diċembru 2021