Meta nsemmu Pariġi, il-belt kapitali ta’ Franza, żgur li f’moħħna jiġu bosta postijiet sbieħ li nsibu f’din il-belt kbira u meraviljuża. Fost dawk il-postijiet li jiġu f’moħħna żgur li kun hemm it-Torri Eiffel li huwa ikona ta’ din il-belt. Ma hemmx għalfejn tkun żort Pariġi biex tkun taf b’din il-binja magħrufa mad-dinja kollha.
Ftit tagħrif
It-Torri Eiffel huwa torri f’forma ta’ kannizzata tal-ħadid li nsibu u
naraw fil-fetħa kbira li ġġib l-isem Champ de Mars f'Pariġi, Franza. Huwa
msemmi għall-inġinier Gustave Eiffel, li l-kumpanija tiegħu ddisinjat u bniet
it-torri.
Imlaqqam lokalment "La dame de fer", li bil-Malti tiġi
“Il-Mara tal-ħadid”, inbena bejn l-1887 u
l-1889 bħala d-daħla għall-Fiera Dinjija tal-1889. Għall-bidu kien ikkritikat
minn xi wħud mill-aqwa artisti u intellettwali ta’ Franza għad-disinn tiegħu,
iżda llum dan it-torri sar wieħed mill-ikona
kulturali globali ta’ Franza u wieħed mill-aktar strutturi magħruf madwar id-dinja.
It-Torri Eiffel huwa l-aktar l-monument fid-dinja li nies iħallsu biex jżuruh.
Sa qabel il-Pandemija kienu jitilgħu fuqu madwar 7 miljun ruħ fis-sena.
Ovvjament il-Pandemija naqqset dan in-numru drastikament.
It-torri huwa għoli 324 metru, bejn wieħed u ieħor l-istess għoli bħal binja
ta’ 81 sular. Din hija l-ogħla struttura f'Pariġi. Il-bażi tagħha hija kwadra,
li fiha 125 metru fuq kull naħa. Fiż-żmien li sar, it-Torri Eiffel qabeż
il-Monument ta’ Washington biex sar l-ogħla struttura magħmula mill-bniedem
fid-dinja, rekord li żamm għal 41 sena sakemm fl-1930 tlesta l-Chrysler Building
fi New York. Kienet l-ewwel struttura fid-dinja li qabżet it-300 metru
fl-għoli. Minħabba ż-żieda ta’ antenna tax-xandir fil-quċċata tat-torri, li
żdiedet fl-1957, issa huwa ogħla mill-Chrysler Building b’5.2 metri. It-Torri Eiffel
huwa t-tieni l-ogħla struttura wieqfa fi Franza wara l-pont Viaduc de Millau.
It-torri għandu tliet livelli għall-viżitaturi, b’ristoranti fl-ewwel u
t-tieni livelli. Il-pjattaforma ta' fuq fl-ogħla livell hija 276 metru 'l fuq
mill-art – l-ogħla gallarija jew fetħa aċċessibbli għall-pubbliku fl-Unjoni
Ewropea. Biljetti jistgħu jinxtraw biex dak li jkun jitla’ bit-taraġ jew lift
għall-ewwel u t-tieni livell. Mill-livell tal-art għall-ewwel livell hemm aktar
minn 300 tarġa, imbagħad madwar 300 tarġa oħra bejn l-ewwel livell u t-tieni.
Għalkemm hemm taraġ għall-ogħla livell, ġeneralment kulħadd jitla’ bil-lift.
Id-disinn tat-Torri Eiffel huwa attribwit lil Maurice Koechlin u Émile
Nouguier, żewġ inġiniera anzjani li kienu jaħdmu għall-Compagnie des
Établissements Eiffel. Ġie maħsub wara diskussjoni dwar daħla xierqa għall-Exposition
Universelle li saret fl-1889, fiera dinjija biex tiċċelebra ċ-ċentinarju
tar-Rivoluzzjoni Franċiża. Eiffel irrikonoxxia b'mod miftuħ li l-ispirazzjoni
għal torri ġiet mill-Osservatorju Latting mibni fi New York fl-1853. F'Mejju
1884, waqt li kien jaħdem id-dar, Koechlin għamel taħżiża tal-idea tiegħu,
deskritt minnu bħala "arblu kbir, magħmul minn erba' travi b’forma ta’ kannizzata
wieqfa li jingħaqdu flimkien fil-parti ta' fuq. Eiffel inizjalment ftit li xejn
wera entużjażmu dwar dan il-proġett, iżda approva aktar studju biex jiġi
finalizzat id-disinn. L-Inġinier Sauvestre żied arkati dekorattivi mal-bażi
tat-torri, pavaljun tal-ħġieġ fl-ewwel livell, u tiżjin ieħor.
Inawgurat
Ix-xogħol strutturali ewlieni tlesta fl-aħħar ta’ Marzu 1889 u fil-31 ta’ Marzu, Eiffel mexxa grupp ta’
uffiċjali tal-gvern, akkumpanjati minn rappreżentanti tal-istampa, sal-quċċata
tat-torri. Minħabba li l-lifts kienu għadhom ma jaħdmux, it-tlugħ kellu jsir
bil-mixi, mixja, jew aħjar kedda li ħadet aktar minn siegħa, b’Eiffel jieqaf
ta’ spiss biex jispjega diversi karatteristiċi tal-binja. Ħafna mill-mistiedna
għall-ftugħ għażlu li jieqfu fil-livelli aktar baxxi, iżda ftit, inkluż
l-inġinier strutturali, Émile Nouguier, il-kap tal-kostruzzjoni, Jean
Compagnon, il-President tal-Kunsill tal-Belt, u ġurnalisti minn Le Figaro u Le Monde Illustré, telgħu sa fuq nett. Fis-2:35 pm, Eiffel tella’
fuq it-torri il-bandiera ta’ Franża mal-akkumpanjament ta’ salut ta’ 25 balla
ta’ kanun sparat fl-ewwel livell.
Iż-żamma
Biex struttura bħal din tinżamm fi stat tajjeb bilfors li jrid ikun hemm
min iduru u jieħu ħsiebu. Il-manutenzjoni tat-torri tinkludi l-applikazzjoni
ta’ 60 tunnellata ta’ żebgħa kull seba’ snin biex ma jkunx hemm sadid. It-torri
ġie miżbugħ mill-ġdid kompletament mill-inqas 19-il darba minn mindu nbena.
Iż-żebgħa taċ-ċomb fuq dan it-torri kienet għadha qed tintuża sal-2001 meta l-
twaqqfet u wara bdiet tintuża żebgħa bla ċomb biex jitħares l-ambjent.
Dan il-t-torri għandu għadd ta’ repliki tiegħu madwar id-dinja. Fi
Blackpool l-Ingilterra nsibu wieħed kif ukoll fil-belt ta’ Tokyo fil-Ġappun.
Għadd ta’ torrijiet bħal dak ta’ Eiffel insibuhom fl-Istati Unit bħal Las
Vegas, Ohio u Virginia. Fiċ-Ċina nsibu żewġ repliki żgħar u nsibu ieħor
fil-Messiku.
Illum morna sa Pariġi, il-belt tal-meravilji u flimkien tlajna fuq it-torri
li jaħkem lil din il-blet, torri li llum sar magħruf mad-dinja kollha
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 26 ta' Frar 2022