sabato 27 agosto 2022

Min m’għandux salib

 

Kultant jiġi f’moħħi xi qawl Malti u noqgħod naħseb kemm missirijiena kienu għorrief meta ħolqu dawn il-qwiel mimlijin għerf u esperjenza tal-ħajja u x’patrimonju ħallewlna. Ħasra li ħafna minn dak li għaddewlna l-antenati tagħna qiegħed jintilef u jispiċċa fix-xejn, u wisq nibża’ li għada ser ikun agħar mil-lum. Intant wieħed mill-qwiel li qaluli dan l-aħħar waqt li kont qed inkellem persuna kien dan: Min m’għandux salib għandu domna! Smajtu kemm-il darba dan il-qawl imma llum donnu weħel ġewwa moħħi u bqajt naħseb dwaru. Kif jiġrilek kultant hux?

Xi jfisser

Ma tridx tkun għaref wisq biex tifhem is-sinifikat ta’ dan il-qawl popolari. Kulħadd qiegħed fl-istess baħar, kollha ninsabu fl-istess dgħajsa u dak li jiġri lili llum għandu mnejn jiġi fuqek għada jew jekk ma jiġix dan l-inkwiet tiegħek għandek jiġik xi ħaġa tixbħu. Dan huwa qawl li minn banda jagħmillek kuraġġ u minn banda oħra jiġbidlek l-attenzjoni. X’jiġifieri? Jekk tkun għaddej minn waqtiet diffiċli u xi ħadd jgħidlek li min m’għandux salib għandu domna jkun qed jinkuraġġik biex tibqa’ miexi ’l quddiem bla ma taqta’ qalbek għax kulħadd għandu l-inkwiet tiegħu, ta’ min mod u ta’ min mod ieħor, ta’ min jidher u ta’ min ma jidhirx, imma ħadd fid-dinja ma jista’ jgħid li ma għandux xi naqra nkwiet. Mill-banda l-oħra jekk inti tkun qed titkellem ma’ xi ħadd u forsi ssemmi n-nuqqas ta’ xi persuna oħra, dan il-qawl jekk jgħiduhulek ikunu jridu jfissru li aħjar toqgħod attent għax kull min jgħolli idu għandu xi jxomm, min għandu salib u min għandu domna. Tassew li dan il-qawl aktar jintuża fl-ewwel każ li semmejt milli fit-tieni wieħed imma jista’ jintuża wkoll.

Id-domna ta' Ħal Qormi

Oriġini

Meta jiġi xi ħaġa f’moħħi nibqa’ nberren fuqha u min fejn tkun ġejja. L-oriġini ta’ dan il-qawl huwa interessanti ħafna. F’bosta rħula Maltin antiki naraw xi kolonna b’salib fuqha. Nieħdu eżempju: quddiem il-knisja parrokkjali ta’ San Filep f’Ħaż-Żebbuġ insibu kolonna b’salib fuqha. Fil-misraħ ta’ quddiem il-knisja parrokkjali taż-Żebbuġ Għawdex insibu kolonna oħra b’salib ieħor fuqha. Minn dawn il-kolonni bi slaleb fuqhom insibu numru mhux ħażin imxerred ma’ Malta u Għawdex u nħoss li nkun qed nonqos jekk ma nsemmix tnejn partikolari, dak tal-Marsa li b’xi mod għandu rabta ma’ San Ġorġ Preca u dak magħruf bħala ta’ rajt ma rajtx u smajt ma smajtx. Imbagħad insibu numru ta’ slaleb li jissejħu “Tad-Dejma” bħal dawk ta’ Ħal Ki
rkop, Ħal Safi, Ħal Tarxien, Ħal Qormi, iż-Żurrieq u l-Għasri.

Biss fuq iz-zuntier tal-Kolleġġjata ta’ San Ġorġ ta’ Ħal Qormi naraw kolonna li fuqha ma hemmx salib iżda domna. Hemm min jgħid li din id-domna twaqqfet hemmhekk biex tfakkar għeluq il-mitt sena mit-twaqqif tal-parroċa tal-Portu Salvu jew kif jafha kulħadd, San Duminku fil-Belt Valletta. Forsi jkun hawn min jistaqsi x’konnessjoni hemm bejn dawn iż-żewġ parroċċi. Billi t-teritorju tal-Għolja Xiberras kien jagħmel mal-parroċċa ta’ San Ġorġ, bit-twaqqif tal-parroċċa l-ġdida ġewwa l-Belt il-ġdida Valletta, fit-2 ta’ Lulju tas-sena 1571, il-knisja Qormija saret matriċi, jiġifieri omm ta’ parroċċa oħra. Tajjeb ngħid li din il-parroċċa beltija twaqqfet mill-Papa Piju V bil-Bolla Papali Ex Debito Pastoralis. Issa fuq il-kolonna li nsibu fuq iz-zuntier ta’ Ħal Qormi hemm imnaqqxa s-sena 1671, sewwasew mitt sena wara t-twaqqif tal-parroċċa Beltija. Għalhekk hawn min jemmen li din il-kolonna bid-domna fuqha saret biex tfakkar din il-ġrajja għax wara kollox kull omm tifraħ bl-ewwel twelid tagħha. Jingħad li fuq id-domna kien hemm żewġ skudetti tar-ram li ġew maqlugħin mis-suldati ta’ Napuljun meta f’Ġunju tas-sena 1798 żaru lil Ħal Qormi u daħlu fil-knisja parrokkjali mhux biex jinvistaw lis-sagrament jew jisimgħu xi quddiesa iżda biex ġarrew il-fidda, id-deheb u dak kollu li raw li kellu valur.

Intant interessanti l-fatt li f’Ħal Qormi mbagħad insibu żewġ slaleb fuq kolonna, wieħed f’misraħ il-Vitorja u l-ieħor li diġà semmejt li jissejjaħ bħala s-Salib tad-Dejma li nsibu l-Ħandaq. Minn hawn twieled il-qawl li qed nitkellmu dwaru.

Slaleb u domni

Is-slaleb u d-domni kienu popolari ħafna sa ftit snin ilu. Ma kontx issib tarbija li ma kienx ikollha xi salib jew xi domna, jew it-tnejn flimkien mal-labra li kienet iżżomm il-ħarqa f’postna. Illum mhux biss id-domna u s-salib spiċċaw imma anke l-ħarqa li tinżamm bil-labra, illum uża u armi ’l hemm! L-adulti kien ikollhom xi salib jew domna tad-deheb ma’ ġiżirana madwar għonqhom. Anke dawn tista’ tgħid għabu minn pajjiżna u posthom ħaduh amuletti magħmulin minn materjal li ma jiswiex wisq flus.

Kemm hemm x’wieħed jgħid dwar daqsxejn ta’ qawl hux? U tiskanta xi stejjer ikun hemm marbutin warajh.

Fr Reno Muscat


DAN L-ARTIKLU DEHER F'IN-NAZZJON 2O TA' AWWISSU 2022


sabato 13 agosto 2022

Santa Caterina a Magnanapoli

 

Darba meta kont għadni ngħix Ruma, darba waħda kont għaddej minn quddiem knisja li spiss kont naraha minn barra imma qatt ma kont sibtha miftuħa. Dakinhar rajt il-bieb miftuħ u għalhekk dħalt biex nagħti titwila. Hija l-knisja li tissejjaħ Santa Caterina a Magnanapoli. L-ewwel ma laqatni kien kartellun fuq ġewwa tal-knisja li fuqu kien hemm stampa tal-istatwa ta’ San Pawl tal-Belt Valletta. Il-kurżità aktar kibret ġewwa fija. X’kien qed jagħmel dak ir-ritratt b’tant prominenza hekk kif tidħol f’din il-knisja? Ngħidilkom jew aħjar tindunaw waħedkom aktar ’l isfel. It-tieni ħaġa li baqgħet imwaħħla f’moħħi kienet li dak il-ħin li dħalt fil-knsija kien hemm quddiesa li kieent qed tiġi mqaddsa minn żewġ saċerdoti u kien hemm persuna waħda biss tisma’ l-quddiesa. Fhimt xi jfisser meta ngħidu More chiefs than Indians!

Fejn?

Semmejtilkom din il-knisja imma ma għidx fejn qegħda sewwa. Hekk kif tintemm Via Nazionale insibu fetħa bl-isem Largo Magnanapoli. Aktarx li dan l-isem ġej minn Magnus Neapolitani Regni Connestabilis  it-titlu Latin li jfakkar il-fundatur tas-saltna ta’ Napli. Hawnhekk insibu l-knisja iddedikata lil Santa Katarina ta’ Siena imsejħa f’Magnanapoli. Jekk ma fhimtnix sa issa ngħidlek li dan il-post jinsab tefgħa ta’ ġebla bogħod mill-munument imsejjaħ Altare della Patreia, dak il-monument famuż li kull min iżur Ruma jgaddi minn quddiemu żgur.

Storja

L-ewwel knisja hawnhekk  nbniet għall-ħabta tal-1575. Fil-bidu kienet il-knisja tal- kunvent tas-sorijiet Dumnikani li kien inbena fl-1568 mill-Papa Piju V (1566 - 1572). Il-bini tal-knisja preżenti beda fl-1608 inizjalment bi spejjeż tal-Kardinal Scipione Borghese (1577 –1633) fuq disinn ta’ Carlo Maderno (1556  – 1629). Ix-xogħol tal-bini waqaf fl-1613 u kompla fl-1628. F’ dawn is-snin is-sorijiet kienu akkwistaw it-Torri tal-Milizia li għadna naraw illum fil-qrib.

Sena wara li kompla l-bini miet Carlo Maderno u għalhekk kien inkarigat l-arkitett Giovanni Battista Soria (1581 –  1651) biex ikompli x-xogħol. Soria għamel xi tibdil fil-pjanta oriġinali imma ma nafux sewwasew x’ inhu dan it-tibdil billi l-pjanta ta’ Maderno intilfet. Bejn l-1631 u l-1641 inbniet il-faċċata.  Fiha naraw arem tal-familja Chigi. Din hija l-arma ta’ Fabio Chigi, dak li mbagħad sar il-Papa Alessandru VII (1655 – 1667). Dan Fabio Chigi kien delegat Apostoliku ta’ Malta bejn l-1634 u l-1639.

Il-kunvent li kien imiss mal-knisja twaqqa fl-1924.  Illum din il-knisja sservi lill-Ordinajru Militari. Dan huwa isqof li jmexxi lill-kappillani militari. Billi s-sorijiet ma għadhomx aktar hemmhekk, il-knisja hija mexxija mill-kleru djoċesan. Fl-1992 il-knisja kienet irrestawrata.

Il-knisja fiha taraġ doppju quddiem. Dan sar fl-1924. Il-faċċata fiha żewġ ordnijiet, portiku isfel bi tliet arkati u t-tieni ordni b’ tieqa fin-nofs u żewġ niċeċ vojta. Il-fontispizju huwa triangualri. Il-knisja minn ġewwa fiha navata waħda bi tliet kappelli fuq kull naħa.

Aqta’ l-kurżità!


Hekk kif tidħol fil-knisja tara l-artal maġġur bi prospettiva li juri l-estasi ta’ Santa Katarina ta’ Siena. Din l-iskultura hija xogħol il-Malti Melchiore Gafà (1636 – 1667). Gafà twieled il-Birgu imma ftit li xejn nafu dwaru. Nafu żgur li ħadem l-istatwi ta’ San Pawl tal-Belt Valletta (c 1658) u dik tal-Madonna tar-Rużarju tal-knisja tad-Dumnikani tar-Rabat Malta (1660 - 1661). Minkejja li ma nafux bl-eżatt meta ħadem l-estażi ta’ Santa Katarina, aktarx li kienet lesta fl-1667 jew xi ftit qabel. Dan huwa meqjus bħala l-kapolavur ta’ dab l-artist Malti. Għal xi żmien kien maħsub li dan kien xogħol ta’ Bernini. Issa nemmen li kulħadd fehem għalfejn kien hemm dak il-kartellun hekk kif tidħol fil-knisja.

Artkitettura u arti

Il-knisja fiha ħafna tiżjin barokk. Il-koppla tagħha turi l-Glorja tal-Missier etern tal-pittur Francesco Rosa (1638 - 1687). Is-saqaf huma mpitter minn Luigi Garzi (1638 – 1721) u juri l-glorja ta’ Santa Katarina. It-tabernaklu huwa maħdum minn irħam rikk lapis lazuli u ndurat bil-bronz. Dan kif ukoll l-altar maġġur huma xogħol ta’ Carlo Marchionni  (1702 –  1786). Il-ħitan tal-knisja huma ddekorati bi stukko ta’ Pietro Bracci (1700–1773) u juru lil Santa Roża ta’ Lima u lil Sant’ Anjeże ta’ Montepulciano.

Minħabba li din il-knisja sservi lill-Ordinarju Militari ftit li xejn tkun miftuħa. Ħasra. Insomma Ruma hemm  bosta knejjes li messithom din ix-xorti jew waħda agħar. Illum xtaqt naqsam magħkom da nit-tagħrif għax naf li bosta Maltin iżuru Ruma u forsi jekk wieħed jinzerta f’dik l-akwata u jara din il-knisja miftuħa tajjeb jittawwal waħda ġewwa. Jekk xejn jara kapolavur ta’ artist Malti bħalna.

Fr Reno Muscat


 Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 13 ta' Awwissu 2022




sabato 6 agosto 2022

Ibgħat aktar ħaddiema

 

Min isegwi l-artikli tiegħi jaf li dawn ma jkunux ta’ xejra reliġjuża iżda ġieli naqbad argument li jkollu x’jaqsam mal-fidi bħal ngħidu aħna xi argument dwar xi binja partikolari tal-Knisja jew xi kurżitajiet li b’xi mod huma marbutin mal-Knisja jew it-twemmin. Illum ser nikteb dwar kelma li spiss jgħiduli. Billi jien saċerdot ħafna jistaqsuni dwar in-nuqqas ta’ vokazzjonijiet li qed ikollna.

Naqraw x’hemm miktub

Meta xi ħadd jaqbad miegħi dan l-argument dlonk infakkar lil dak li jkun fi kliem Ġesù Kristu: “Il-ħsad huwa kbir, imma l-ħaddiema ftit. Itolbu mela lil Sid il-ħsad biex jibgħat ħaddiema għall-ħsad tiegħu.” [Lq:10:2] Dan il-kliem insiuh ukoll fl-Evanġelju skont San Mattew. [Mt:9:37-38]

Dan mhux kliem tiegħi imma huwa kliem l-istess fundatur tal-Knisja. Dan mhux kliem li ntqal illum imma huwa kliem li ħareġ minn fomm Ġesù madwar elfejn sena ilu. Minn dan il-kliem wieħed dlonk jinduna li n-nuqqas ta’ vokazzjonijiet ma hijiex xi ħaġa tal-lum biss imma ilha teżisti sa mill-bidu nett tal-Knisja. Ġesù qal li l-ħaddiema huma ftit lin-nies ta’ żmienu u kliemu għadu jgħodd għal-lum ukoll u ser jibqa’ jgħodd għall-ġejjieni wkoll. Mela din il-problema ilha magħna elfejn sena u madanakollu l-Knisja baqgħet għaddejja ’l quddiem minkejja kollox.


Jinbidlu l-atturi

William Shakespeare kien qal li d-dinja hija palk u l-bnedmin huma kollha atturi. Mingħajr ma nippretendi li nħabbatha ma dan il-kittieb famuż, jien inżid li d-dramm tal-ħajja jibqa’ dejjem l-istess imma l-atturi maż-żmien jinbidlu. Dan il-fatt jgħodd mhux biss fejn jirrigwarda l-Knisja imma f’kull sitwazzjoni tal-ħajja. Jinbidlu x-xeni, jinbidlu l-atturi imma l-istorja tad-dramm tal-ħajja tibqa’ dejjm xorta, dejem l-istess waħda. Jekk wieħed joqgħod jaħseb ma jdumx ma jinduna li l-bniedem kien, għadu u jibqa’ dejjem xorta.

Eżempji

Ħalli nġib xi ftit eżempji u la bdejna bi ħsieb mill-Evanġelju nġibilkom xi eżempji mill-istess kitba. Meta Marija qalet lil Ġużeppi li kienet ħarġet tqila, hu għamel f’rasu li jħarrabha bil-moħbi. Għaliex? Għax dak iż-żmien kien hemm liġi li tgħid li mara li mhix miżżewġa u toħroġ tqila għandha tiġi kkastigata. Araw xi nsibu miktub fl-Evanġelju skont San Mattew: “Żewġha Ġużeppi, li kien raġel ġust u ma riedx ixandarha quddiem kulħadd, għamel il-ħsieb li jibgħatha bil-moħbi tan-nies.” [Mt:1:19] Allura jekk wieħed joqgħod jaħseb ftit fuq dan jgħid bejnu u bejn ruħu: “Għalfejn kien hemm il-liġi li jekk xebba toħroġ tqila għandha tieħu l-katig?” Il-liġi ssir wara li tinħoloq l-offiża, wara li jsir ir-reat, mela b’dan il-kliem nintebħu li anke elfejn sena ilu kien hemm xebbiet li joħorġu tqal. Kieku ma kienx hekk ma kinitx issir il-liġi. Illum din il-liġi spiċċat imma turina l-qagħda ta’ elfejn sena ilu.

Darba lil Ġesù ħadulu quddiemu mara li nqabdet f’att ta’ prostituzzjoni. Ħalli naraw sew il-kliem li jikteb San Ġwann l-Evanġelista: “Imbagħad il-kittieba u l-Fariżej ħadulu quddiemu waħda mara li kienet inqabdet fl-adulterju. Huma qegħduha fin-nofs u qalulu: <<Mgħallem, din il-mara nqabdet fil-fatt fl-adulterju. Issa fil-Liġi tagħna Mosè ordnalna biex nisa bħal dawn inħaġġruhom. Int, imma, xi tgħid?>>" [Ġw:8:3-6] Hawnhekk sejrin immorru lura aktar minn żmien Ġesù għax minn dan il-kliem joħroġ ċar li l-liġi kontra l-prostituzzjoni kienet ilha teżisti sa minn żmien Mosè li għex mijiet kbar ta’ snin qabel Kristu. Mela ntenni li ladarba kien hemm il-liġi jfisser li kien hemm ukoll il-ħtija. Din il-liġi llum ukoll ma għadiex fil-kodiċi ċivili ta’ bosta pajjiżi imma turina li din il-professjoni hija antikissima.

Wara li Ġesù qal li l-ħaddiema huma ftit, qal ukoll li ser jibgħat lid-dixxipli tiegħu fid-dinja: “bħal ħrief qalb l-ilpup.” [Lq:10:3] Forsi kien qed jgħid dan il-kliem għal-lum? Le qal dan il-kliem lid-dixxipli ta’ żmienu. Fetħilhom għajnejhom u wriehom bil-persekuzzjoni, bil-tmaqdir, bir-redikolaġni, biż-żebliħ li minnhom kellhom jgħaddu minħabba fih. U llum l-istorja bagħet l-istess.

Nuqqas

Nerġa’ lura għal dak li bdejt bih – in-nuqqas ta’ ħaddiema. Mill-esperjenza tiegħi aktar hija importanti l-kwalità milli l-kwantità. Irridu nagħmlu distinzjoni bejn żewġ sitwazzjonijiet. Ser nuża żewġ kelmiet Ingliżi għax fil-Malti ma jeżistux. Hemm priesthood u hemm priestcraft. Priesthood huwa s-saċerdozju mill-qalb, saċerdozju 24 siegħa kuljum, sebat ijiem fil-ġimgħa, bla leave, bla sick leave, bla età ta’ irtirar filwaqt li priestcraft huwa l-mistier li bniedem jagħżel li jsir saċerdot minflok isir avukat, mastrudaxxa, perit, mekkanik jew xi xogħol ieħor. Għalhekk qed ngħid li aktar tgħodd il-kwalità milli l-kwantità, x’jiswa li jkollok eluf ta’ saċerdoti li jgħażlu l-priestcraft? Mhux aħjar ftit mijiet li jgħixu l-priesthood?

Nagħlaq billi nkompli nara x’qal Ġesù wara li avżana bin-nuqqas ta’ ħaddiema. Huwa ħeġġina biex nitolbu għal aktar ħaddiema. Hekk għandu jkun imma qatt ma għandna naqtgħu qalbna. It-tama hija l-aħħar li tmut, it-tama tixpruna l-ħajja.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon -  6 ta' Awwissu 2022