sabato 24 settembre 2022

Oktoberfest


Wieħed mill-akbar avvenimenti magħrufin mal-erbat irjieħ tad-dinja li jsiru fil-Ġermanja huwa l-festival tal-birra magħruf bħala l-Oktoberfest. Bosta huma dawk li minħabba l-isem jiftixklu u jaħsbu li dan il-festival issir fix-xahar ta’ Ottubru, imma fil-verità dan issir fix-xahar ta’ qabel u billi huwa festival mifrux fuq numru ta’ ġranet jintemm fl-ewwel jiem ta’ Ottubru. Dan il-festival isir fil-belt sabiħa ta’ Munich ta’ kull sena, iżda dawn l-aħħar sentejn kellu jitħassar minħabba l-pandemija tal-Covid 19, wara kollox bħalma tħassru eluf ta’ avvenimenti oħra madwar id-dinja. Biss din is-sena ser jerġa’ jsir.

Fid-29 ta’ April li għadda s-sindku ta’ Munich, Dieter Reiter, f’konferenza stampa ħabbar li wara waqfa ta’ sentejn din is-sena l-Oktoberfest ser issir bejn is-17 ta’ Settembru u t-3 ta’ Ottubru. Ma jistax jonqos li din l-aħbar intlaqgħet b’ferħ kbir għax għall-Ġermaniżi il-birra hija element importanti fil-ħajja tagħhom daqs il-ħobż.

Frak ta’ storja

Tajjeb naraw ftit kif beda dan il-festival tant magħruf.

Ir-Re Ludwig

Il-Prinċep Ludwig, li aktar tard sar ir-Re Ludwig l-ewwel tal-Bavarja, iżżewweġ lil Tereża ta’ Sassonja fit-12 ta’ Ottubru 1810. Il-poplu ta’ Munich, il-belt kapitali u l-akbar belt tal-Bavarja, kien mistieden għall-festeġġjamenti kbar li kienu saru f’din l-okkażjoni rjali. Il-festi kienu saru barra l-belt f’medda ta’ art li semmiet Theresienwiese, li tfisser il-medda ta’ Tereża, bħala unur lill-prinċipessa li saret mart il-prinċep Bavarjan. Illum din il-medda art għadha jisimha hekk biss il-poplu aktarx isejjaħilha biss wiese – il-wesgħa. Kienu saru festi kbar li fost attivitajiet oħra kienu jinkludu t-tiġrijiet taż-żwiemel. Jingħad li qabel bdew it-tiġrijiet il-prinċep u l-prinċipessa offrew il-birra lil dawk kollha preżenti li jingħad li kienu jlaħħqu mal-erbgħin elf ruħ. Din l-attività niżlet tajjeb mal-poplu u bdiet issir kull sena iżda fl-1813 kellha titħassar minħabba li l-Bavarja kienet involuta fil-Gwerer Napoleoniċi. Dan il-festival kiber minn sena għal sena mill-1814 'il quddiem. Dan il-festival baqa’ jsir kull sena bl-eċċezzjoni ta’ xi snin bħalma ngħidu aħna waqt iż-żewġ epidemiji tal-kolera fl-1854 u l-1873 u fl-1866 u fl-fl-1870 minħabba l-Gwerra Awstro-Prussja u l-gwerra Franko-Prussjana rispettivament.

Lejn l-aħħar tas-seklu 19, l-Oktoberfest żviluppa dejjem aktar bħala festival folkloristiku u sar magħruf mad-dinja kollha. Ġie mtawwal iż-żmien tiegħu u d-data ta’ meta jsir ġiet miġjuba 'l quddiem għall-aħħar jiem ta' Settembru, li ġeneralment ikunu sbieħ u sħan mhux bħal dawk ta’ Ottubru. Illum l-Oktoberfest jintemm fl-ewwel tmiem il-ġimgħa ta’ Ottubru.

Matul it- Tieni Gwerra Dinjija, mill-1939 sal-1945 ma sar l-ebda festival. Fil- perjodu ta’ wara l-gwerra mill -1946 sal-1948 kien hemm “festival tal-ħarifa” minflok l-Oktoberfest imma f'Settembru 1949 saret l-ewwel edizzjoni tal-Oktoberfest wara l-gwerra.

L-Oktoberfest illum

L-Oktoberfest ġibed lejn il-Bavarja miljuni ta’ viżitaturi kull sena matul l-aħħar deċennji. Ovvjament mhux fis-sentejn li għaddew! Bosta turisti jiġu minn barra l-Ġermanja biex jieħdu sehem f’dan il-festival. Dawn ikunu prinċipalment mill-Italja, l-Istati Uniti, il-Ġappun u l-Awstralja. Hemm bosta li jilbsu l-ilbies tradizzjonali Bavarjan meta jattendu għal dan il-festival u din il-ħaġa tkompli ssebbaħ l-ambjent tal-festa.

Fuq kollox dan huwa festival tal-birra, għad li ssib ukoll ikel u logħob. Il- konsum eċċessiv ta’ alkoħol minn xi wħud mill-viżitaturi ilu kwistjoni taħraq għal żmien twil. Biex forsi tittaffa xi ftit din il-problema, il-bireriji li jkollhom it-tined tagħhom armati fil-festival idoqqu biss mużika tradizzjonali sas-sitta ta’ filgħaxija u  jillimitaw il-volum tal-mużika tagħhom. Dan isir biex l-Oktoberfest jinżamm attraenti għall-familji u l-viżitaturi anzjani. Wara s-sitta jindaqqu wkoll diski moderni u mużika pop.

Il-maggijiet li fihom tisserva l-birra huma wkoll attrazzjoni oħra. Kien hemm żmien li kienu jkunu taċ-ċaqquf imma llum saru aktar komuni dawk tal-ħġieġ. Dawn huma wkoll imfittxijin minn kollezzjonisti madwar id-dinja.


Attrazzjoni tal-massa

Dan il-festival jiġbed lejh mases kbar ta’ nies. Il-bireriji li jieħdu sehem huma kollha lokali u huma sitta biss. Dawn jarmaw tined kbar tal-injam biex iservu lill-pubbliku li jattendi. Insibu 38 tinda enormi u 127 restaurant b’ total ta’ madwar 117,000 siġġu. Minħabba l-kobor ta’ dan il-festival bdiet tintuża wesgħa oħra bl-isem ta’ Oidn Wiesn li tinsab ħdejn Theresienwiese. F’din il-wesgħa nsibu madwar 12,500 siġġu ieħor għal dawk li jmorru hemm jieklu u jixorbu.

In-numru medju annwali ta ‘viżitaturi huwa ftit aktar minn sitt miljuni. L-aħħar li sar, fl-2019, in-numru kien ta’ 6.3 miljun. L-Oktoberfest tal-1985 kiser kull rekord ta’ viżitaturi preċedenti b’7.1 miljun viżitatur. Issa naraw dini s-sena! Madwar 12,000 persuna jaħdmu f’ dan il-festival kull sena, li 1,600 minnhom huma wejters. Fl-2019, inbiegħu 7.3 miljun litru birra.

Madwar id-dinja llum isiru festivals simili anke fl-istess jiem, biss xejn u ħadd ma jħabbatha mal-Oktoberfest li jsir Munich li wara kollox huwa l-oroġinali.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 24 ta' Settembru 2022




sabato 17 settembre 2022

Sliem u tifkiriet

Dan l-aħħar kont mistieden minn kappillan Taljan, ħabib antik tiegħi, biex immur fil-parroċċa tiegħu u mmexxilu l-festa li r-raħal li tieghu huwa kappillan jagħmel lil Sant Antnin u lil Santa Luċija. Ilni midħla ta’ dan ir-raħal mitluf qalb il-muntanji u li jagħmel parti mill-provinċja ta’ Avellino aktar minn disa’ snin u għalhekk nista’ngħid li sirt naf mhux biss il-ftit toroq li jiffurmaw ir-raħal imma kważi lir-residenti kollha. Fil-fatt kont ktibt artiklu xi snin ilu dwar dan il-post.

Montefalcione

Montefalcione

Hekk jismu dan ir-raħal, Montefalcione:  l-għolja tal-minġel. Dan jinsab ftit aktar minn 500 metru ’l fuq mil-livell tal-baħar. Minkejja li fuq livell governattiv jagħmel parti minn Avellino, bħala parroċċa tagħmel mad-djoċesi ta’ Benevento . Il-parroċċa li tmiss ma’ dan ir-raħal tagħmel mad-djoċesi ta’ Avellino.

Il-ġebla bl-10 P
Ta’ interess partikolari f’dan ir-raħal hija ġebla li nsibu ma’ waħda mid-djar. Din fiha mnaqqxa fiha disinn ta’ warda u l-ittra P għal għaxar darbiet u s-sena 1693. Jingħad li din kien għamilha l-arċipriet ta’ Montefalcione ta’dak iż-żmien, Don Carlo Paoletti, u kien wiegħed li jekk xi ħadd jirnexxilu jaqta’ xi jfissru dawk l-għaxar ittri kien ser iħallilu ġidu kollu. Kien ta tliet xhur żmien imma ħadd ma rnexxielux jaqta’ t-tifsira tagħhom. Għalhekk l-arċipriet ta t-tifsira tagħhom li n-nutar tiegħu u dawn tniżżlu fit-testment. Dawn ifissru hekk: “Prima Pensa, Poi Parla, Perché Parole Poco Pensate Portano Peso”. Bil-Malti jfissru hekk : L-ewwel aħseb imbagħad tkellem għax kliem bi ftit ħsieb iġib l-inkwiet.” Żgur li dan huwa parir għaqli li jgħodd mhux biss għal dak iż-żmien u għal dawk in-nies imma għadu relevanti llum u għalina  wkoll forsi issa aktar minn dak iż-żmien, meta qed ngħixu f dinja ta’ media soċjali fejn kulħadd sar avukat, kulħadd sar ġurnalist, kulħadd sar imħallef!

Intant daqshekk fuq Montefalcione u fuq il ġebla tal-Arċipriet. U ngħid id-dritt ma nafx min wiret lil Don Carlo imma hawn min jgħid li billi hu ma kellux qraba ħalla ġidu kollu lill-parroċċa.

Serenità

Ħaġa li tolqtok kif tasal Montefalcione fi żmien il-festa hija n-numru kbir ta’ karozzi li tara pparkjati meta tikkomparah ma’ żminijiet oħra tas-sena. Dan minħabba li bosta Montefalcionesi li kellhom iħallu raħalhom minħabba x-xogħol jew għal xi raġuni oħra, jmorru f’raħalhom fil-jiem tal-festa. Magħhom jieħdu l-familja u b'hekk l-elfejn ruħ li joqgħodu s-sena kollha hemm isiru sitta jew sebat elef. Bosta emigranti, l-aktar mill-Istati Uniti wkoll iżuru l-familja tagħhom f’dan iż-żmien biex b’ġebla waħda jolqtu żewġ għasafar, jaraw il-familjari u jgawdu l-festa ta’ Sant Antnin u Santa Luċija bl-ispettakklu kollu li jkun fiha din il-festa.

Forsi dawn imorru jfittxu s-serenità, il-paċi u l-ħajja sempliċi li ssib hemmhekk. Imorru jgħixu ftit jiem ma’ nies li għad għandhom ħajja sempliċi minkejja li jafu jimxu maż-żmien ukoll. Imorru Montefalcione għax hemm differenti mill-bel li jgħammru fiha tul is-sena kollha. Hemm jarmaw it-toroq għall-festa u ħadd ma jgorr għax ikollu arblu quddiem biebu. Hemm il-qniepen mill-kampnar tal-Knisja jsemmgħu leħinhom spiss is-sena kollha u matul il-jiem tal-festa xi ħaġa aktar, bla ma ħadd jibda xi petizzjoni biex dawn jitwaqqfu. Hemm jinħaraq il-logħob tan-nar, anzi jsir festival tal-logħob tan-nar u ħadd ma joqgħod iġib id-dinja fit-tarf minħabba l-ħsejjes. Forsi hija din is-serenità li ma ssibx f’pajjiż fejn jgħixu ħafna ‘dojoq’, is-sigrieti li l-aħħar jiem ta’ Awwissu jiġbdu tant emigranti lejn raħal twelidhom.


Tifkiriet

Ikolli nistqarr li l-jiem li għaddejt hemm ġabuli ħafna tifkiriet ta’Malta ta’ ftit aktar minn nofs seklu ilu, meta l-mara kienet tagħmel il-karriera tagħha minn ġewwa darha. Tieħu ħsieb uliedha u żewġha, issajjar, tnaddaf u tkun is-sultan ta’ darha. Ftakart meta anke aħna konna aktar qrib tal-knisja parrokkjali, meta l-kaopillan kien magħdud bħala wieħed mill-aktar persuni importanti tar-raħal. Rajt lix-xjuħ fil-misraħ, jixorbu l-kafè u jilgħabu l-karti. Kollox fakkarni f’Malta tal-imgħoddi meta l-ħajja tagħna kienet aktar sempliċi imma isbaħ. Ftakart meta l-ġirien kienu qishom familjari mhux bħal-lum bilkemm tkun taf min joqgħod ħdejk! Ma rridx inħalli barra l-ikel bnin li jafu joffru l-imwejjed ta’ dan ir-raħal ċkejken. Ħafna mill-prodotti mkabbrin fil-ġardina tad-dar stess.

Is-sliem, l-arja tal-muntanji, il-ħbiberija sinċiera li tħoss f’dawn in-nies  ġabuli tifkiriet kbar, tifkiriet ta’ ħajja li llum ma nsibuhiex aktar fostna grazzi għall-progress. Xi sliem, x’tifkiriet!

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 17 ta' Settembru 2022



 

 

sabato 10 settembre 2022

Nostalġija

 

Dan l-aħħar kont qed infittex oġġett f’armarju li ftit li xejn niftaħ, anzi nistqarr li ġieli jgħaddu snin bla ma niftħu! F’dan l-armarju kont inpoġġi xi affarijiet li ftit nuża u li llum nista’ ngħid li ma għadni nużahom qatt. Dak li sibt f’dan l-armarju ġabli nostalġija kbira u ntbaħt kemm iż-żmien qed igerbeb minn fuqi. Nistħajjilkom tgħidu… “Mela x’sab?” Ngħidilkom mhux biss dak li sibt imma wkoll il-ħsibijiet li tnisslu f’moħħi ma’ kull oġġett li ġie f’idi.


Cassettes

F’dan l-armarju sibt għadd ta’ cassettes. Nemmen li bosta żgħażagħ qatt ma użaw wieħed minnhom f’ħajjithom. Aħna mhux hekk! Għalina l-cassette kien il-mod waħdieni li nistgħu nisimgħu l-mużika li nħobbu. Niftakar nidħlu l-Belt u ngħaddu fuq il-monti u b’Lira Maltija konna nixtru cassette. Kull xahar kien joħroġ cassette bid-diski l-ġodda. Dak iż-żmien addio l-copyright! Mhux qed ngħid li kienet ħaġa sewwa, imma hekk kienet id-dinja! Għexieren ta’ cassettes, biex ma ngħidx mijiet li llum lanqas fuq xiex indoqqhom ma għandi għax l-apparat li konna nsejħu cassette player ilu li sab tmiemu u mtrema.

U la qed insemmi dan l-apparat jiġi dlonk f’moħħi dak l-apparat li kien jikkopja l-cassettes. Cassette player doppju! U ħsibt ukoll f’meta kien jitgħaqqad xi cassette! B’lapis konna nippruvaw nerġgħu ngerbu ż-żigarella tal-cassette f’postha. Jekk jirnexxielek tkun furtunat jekk le aqbad u armi kollox!

Video cassettes

Fl-armajru sibt ukoll għadd ta’ video cassettes. Billi jien dilettant tal-festi kont nirreġistra l-programmi tal-festi li kienu jixxandru fuq l-istazzjonijiet televiżivi Maltin madwar tletin sena ilu! Video cassettes, tal-festi, tal-purċissjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira u għadd ta’ videos oħra. Kont xtajt magna li tirreġistra l-videos u għalhekk meta kont insiefer kont niġbed video. F’xi okkażjoni tal-familja kont nieħu video. Meta dħalt fil-ħajja reliġjuża ħaduli video, meta lbist il-libsa Dumnikana ġibduli video, meta professajt, meta qaddist u okkażjonijiet oħra, kollha għandi video tagħhom.

Kollox spiċċa f’dan l-armarju u llum l-apparat – il-video cassette recorder, jew il-VCR tħassar u ma sewwejtux, imma l-video cassetes għadhom fl-armarju u ngħid is-sewwa ma nafx għandix narmihom jew inżommhom. Naf li ħin nara xi wieħed minnhom ma għandix. Allura x’naqbad nagħmel? Inħallihom fl-armarju?

Ġie f’moħħi kemm konna mmorru nikru videos. Niftakar meta xtajt il-VCR tiegħi mort nikri video. Niftakar sew li l-ewwel film li rajt fuqu kien Midnight Express.

Negattivi

F’borża tal-karti sibt għadd kbir ta’ negattivi tar-ritratti. X’differenza mil-lum. Kien ikollna l-magna tar-ritratti, nixtru l-film u ndaħħluh fiha. Ladarba l-film jittieħed kollu, skont kemm ikun twil, ta’ 12-il ritratt jew ta’ 24 jew ta’ 36, konna nieħduh għand tar-ritratti biex jiżviluppahulna. Immorru għar-ritratti xi jumejn jew tlieta wara.

Ftakart meta konna nsiefru – u f’żgħożiti s-safar ma kienx bħal-lum. Kienu jgħaddu s-snin bejn safra u oħra. Konna nixtru l-films għall-camera tar-ritratti biex ikollna x’niġbdu. U meta nerġgħu lura Malta jkollna seba’ mitt sena sakemm niżviluppawhom u naraw li ġew sewwa biex nerġgħu ngħixu dik il-vaganza li nkunu għadna kemm temmejna.  Illum it-teknoloġija tal-magni tar-ritratti nbidlet għal kollox. Illum kulħadd bil-mobajl li mhux biss iservik ta’ telefon imma tieħu r-ritratti bih ukoll, u ma toqgħodx tistenna li r-ritratti jiġu żviluppati imma tara r-riżutat dak il-ħin stess. X’differenza minn meta kont għadi daqsxejn ta’ żagħżugħ!

Kartolini

Sibt ukoll numru ta’ kartolini ta’ postijiet li żort. Konna nsiefru u nibgħatu kartolina d-dar! Il-kuntatt telefoniku ma kienx bħal dak tal-lum. Ma kellniex mobajl u biex inċemplu d-dar kien ikollna nsibu xi kaxxa tat-telefon u nużawha. U kien hemm fejn biex tuża t-telefon pubbliku kien irid ikollok muniti apposta, dawk li Italja kienu jsejħulhom gettone! Allura konna nibgħatu kartolini lil tal-familja u lill-ħbieb. Dawk il-kartolini li kont nibgħat id-dar żammejthom u għadhom f’dan l-armarju.        

Nostalġija

Fl-armarju sibt għadd ta’ fuljetti li kont niġbor meta nkun imsiefer. Kont inżommhom qabel, illum narmi kollox, għax kollox sar idejjaqni! Imma nistqarr magħkom li dan l-armarju ġabli nostalġija kbira. Ftakart fi żmien differenti, meta forsi l-ħajja kienet aktar sempliċi, aktar trankwilla. Ftakart fi żmien li ftit li xejn kien ikollna flus fil-but imma konna nafu niddevertu b’dak li jkollna.

Għalaqt il-bibien tal-armarju u ħallejt kollox fejn kien. Insejt x’kont qed infittex, insejt għafejn kont ftaħtu dak l-armarju. Kont ftaħtu għal xi ħaġa imma sibt ħaġa oħra, sibt nostalġija kbira għal żmien li għadda u li qatt ma jerġa’ jiġi lura.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 10 ta' Settembru 2022