F’dan iż-żmien tar-Randan dak li jkun jaħseb aktar dwar il-passjoni ta’ Kristu. Illum nixtieq naqsam magħkom xi tagħrif dwar knisja li tinsab f’Ruma li hija marbuta b’mod speċjali ma’ dan l-avveniment. Ser nitkellem dwar il-bażilika ta' Santa Croce in Gerusalemme. Din hija waħda mis-seba' knejjes ta' Ruma li jiffurmaw parti mir-rotta ta' pellegrinaġġ tradizzjonali li kieent saret famuża minn San Filippu Neri.
Bini
Mill-bidu din il-knisja kienet
maħsuba bħala relikwarju kbir biex iżżomm xhieda prezzjuża tal-passjoni ta’
Ġesù. Il-bażilika tissejjaħ “f’Ġerusalemm” minħabba li fil-pedamenti tagħha
intuża ġebel imbierek li kien miġjub mill-għolja tal-Kalvarju, ġebel trasportat
fuq l-istess ġifen flimkien mal-istess relikwi tas-Salib. Għal din ir-raġuni sa
mill-Medju Evu l-knisja kienet tissejjaħ sempliċiment "Hierusalem" u
minħabba d-devozzjoni popolari, żjara lil din il-bażilika kienet tfisser
daqslikieku tirfes fil-belt qaddisa ta' Ġerusalemm stess.
Storja
Il-bażilika ta' Santa Croce in
Gerusalemme inbniet fuq il-fdalijiet ta' villa imperjali msejħa Horti Variani
ad Spem Veterem, mibdija minn Septimius Severus u mitmuma minn Elagabalus fis-
seklu III. Parti minn din il-villa kienu l-Anfiteatru Castrense, iċ-Ċirku
Variano, il-Banjijiet Eleniane, imsejħa hekk wara r-restawr li sar
mill-Imperatriċi Elena u żona residenzjali li fiha kien hemm sala kbira li aktar
tard kienet użata għall-bini tal-knisja Santa Croce in Gerusalemme. Kien fuq
l-inizjattiva ta’ Sant’Elena stess li s-sala kbira rettangolari ġiet mibdula
f’bażilika Nisranija, li oriġinarjament kienet mgħottija b’saqaf ċatt, imdawwal
b’għoxrin tieqa.
Medju Evu
Matul il-pontifikat tal-Papa Luċju
II fis- seklu XII sar bosta tibdil f’din il-knisja, inqasmet fi tliet navati,
żdied it-transett u l-kampnar għoli tmien sulari. Il-kampnar għandu tliet
qniepen: tnejn huma ta’ Simone u Prospero De Prosperis (1631), it-tielet hija
aktar reċenti u tmur lura għall-1957. Matul il-Medju Evu l-knisja rat restawr
ieħor. Iżda matul il-perjodu li fih il-papa kien jgħix Avignon (1309 – 1377)
din il-knisja kien mitluqa għal kollox.
Matul il- Medju Evu l-bażilika
kienet post tal-pellegrinaġġi, b'mod partikolari dawk penitenzjali, speċjalment
matul ir-Randan. Nhar il-Ġimgħa l-Kbira, il-papiet kienu jżuruha u jimxu ħafjin
it-triq li tgħaqqad il-katidral ta’ San Giovanni in Laterano, fejn kienu
joqogħdu l-papiet dak iż-żmien, mal-bażilika ta’ Santa Croce bħala sinjal ta’
penitenza. Wara huma kienu
jqimu ir-relikwa tal-Salib ta’ Ġesù. Din it-tradizzjoni mbagħad ġiet integrata
fil-Liturġija tal-Ġimgħa l-Kbira, li tinkludi mument ta’ adorazzjoni tas-salib.
Età moderna
Fl-1743 il-bażilika u l-monasteru ta’ maġenbha
ġew restawrati kompletament fuq inizjattiva tal-Papa Benedittu XIV, li kien
marbut b’mod partikolari ma’ Santa Croce, peress li kien il-kardinal titulari
tagħha qabel l-elezzjoni tiegħu għat-tron papali. Fl-1798 il-bażilika ġiet maħkuma
mis-suldati Franċiżi waqt l- invażjoni Napoleonika u minnha nsterqu
r-relikwarji prezzjużi tad-deheb li kienu jżommu l-frammenti tas-Salib, il-musmar
u x-xewk. Ir-relikwarji attwali sar fl-1804. Fl-1870, wara l-waqgħa tal-Istat
tal-Knisja, il-kumpless kollu ta’ Santa Croce ġie kkonfiskat u meħud għall-beni
tal-Istat Taljan, u qatt ma ġie rritornat lis-Santa Sede. Il-bażilika u
l-kumpless kollu ta’ Santa Croce għadhom proprjetà tal-istat Taljan.
Kif ghidna, il-bażilika fiha
bosta relikwi fosthom uħud tradizzjonalment marbuta mal-Passjoni ta' Ġesù . Dawn
huma tliet frammenti tas-Salib, magħruf bħala Veru Lignu, parti mill-kuruna
tax-xewk, musmar li bih kien imsallab Kristu mas-salib u Titulus Crucis. It-Titulus
Crucis huwa relikwa li tikkonsisti fi njama tal-ġewż li skont
it-tradizzjoni hija l-kundanna li kien hemm imwaħħla fuq is-salib ta’ Kristu. Minbarra
din tal-aħħar, li nstabet fl-1492, ir-relikwi l-oħra ġew konservati
kontinwament mis-seklu IV u dawn huma l-aktar relikwi antiki li għandna tagħrif
fuqhom. Matul is-sekli ġew miżjuda relikwi oħra ta’ inqas importanza
mar-relikwi tal-Passjoni ta’ Kristu, uħud ta’ provenjenza inċerta, bħalma huma
l-frammenti tal-grotta ta’ Betlehem u tas- Santu Sepulkru u tal-kolonna
tal-Flagellazzjoni, il-patibulum (il-parti
minduda ta’ salib) tal- Ħalliel it-Tajjeb u relikwa tas-saba' ta' San Tumas. Dawn
kollha b’xi mod huma relikwi marbuta mal-ġrajjiet tal-Passjoni u l-Qawmien ta’
Ġesù,
Illum tkellimmna dwar knisja
partikolari li fiha relikwi tant għeżież speċjalment f’dawn il-jiem. Knisja li
minkejja li tinsab mhux wisq bogħod miċ-ċentru ta’ Ruma, għandi l-impressjoni
li ftit huma dawk minna li jżuruha.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 25 ta' Marzu 2023