sabato 26 agosto 2023

Il-port tal-Imġarr

 

Dan l-aħħar kelli mmur sa Għawdex u waqt li l-vapur kien dieħel fil-Port tal-Imġarr ġie ħsieb f’moħħi: Min jaf xi storja għandu dan il-port ewlieni tal-gzira tat-tliet għoljiet? L-ewwel dehra ta’ Għawdex li wieħed jara minn fuq il-vapur hija dik tal-Port tal-Imġarr, xena tant sabiħa u serena li tisraq qalb tant fotografi u artisti u ta’ ħafna li jersqu lejn il-gżira Għawdxija mill-baħar. L-attività bieżla tal-laneċ, il-jottijiet, id-dgħajjes tas-sajd, il-vapuri ta’ Għawdex ġejjin u sejrin, is-sajjieda impenjati jħejju x-xbiek tagħhom, hija dehra komuni li tiltaqa’ magħha ta’ kuljum. Tħares fuq il-port naraw il-kappella tal-Madonna ta’ Lourdes u warajha l-forti Chambray. Min qatt ma raha din ix-xena tant sabiħa?

Il-port

Il-port tal-Imġarr huwa l-post tal-wasla kif ukoll tat-tluq mill-gżira ta’ Calipso. Aktarx li s-servizz regolari tal-laneċ mill-Imġarr għal Malta nbeda wara s-seklu tnax. Is-servizz, magħruf bħala id-dgħajsa tal-passaġġ hija msemmija għall-ewwel darba fl-1241. Dak iż-żmien, l-Imġarr kien port baxx li jagħti ankraġġ għal dgħajjes żgħar biss u kien espost għall-irjieħ mil-Lbiċ u x-Xlokk. Ma kellux breakwater imma kien hemm biss moll żgħir li jintuża mill-passiġġieri biex jitilgħu u jinżlu mid-dgħajjes kif ukoll mis-sajjieda biex iħottu l-qabdiet tagħhom. Il-problema ta’ port aktar kenni ttieħdet għall-ewwel darba taħt konsiderazzjoni serja fl-1841. F’April ta’ dik is-sena, il-Gvern beda l-bini ta’ breakwater żgħir xi mitt metru. Matul is-snin ta’ wara ġie mkabbar għal diversi drabi. Madankollu xorta ma tantx kien joffri kenn u l-vapuri ma setgħux ibaħħru. Il-problema fl-aħħar ġiet indirizzata lejn l-aħħar tas-snin 20. Fl-1969, il-Gvern awtorizza l-estensjoni tal-breakwater eżistenti u l-bini ta’ żewġ breakwaters moderni biex jaqdu sew il-vapuri tal-passiġġieri li jiġu jew imorru lejn Malta. Fil-bidu tas-snin 90 fil-port saret yacht marina żgħira. Illum hemm terminal komdu għall-passiġġieri li jkun ser jaqsmu l-fliegu.

Il-kappella

Fil-bidu semmejt il-kappella li dlon naraw kif noqorbu lejn dan il-port. Xieraq ngħdu xi ħaġa dwarha wkoll. Din il-kappella ddedikata lill-Madonna ta’ Lourdes tinsab fuq xifer ta’ għolja li tagħti fuq il-Port tal-Imġarr. Minn hawn tkun tista’ tgawdi veduti spettakolari tal-baħar li jifred il-gżejjer u tal-gżira ta' Kemmuna u dik ta’ Malta Din il-kappella tista' tintlaħaq faċilment bil-mixi jew bil-karozza mill-port jew mir-raħal ta' Għajnsielem. Fl-1879, statwa tal-Verġni Marija ta’ Lourdes skolpita minn Antonio Busuttil tpoġġiet f’għar naturali taħt il-għolja. Fit-3 ta’ Ġunju 1888, tbierket mill-Isqof Pietro Pace li ħeġġeġ lid-devoti biex jgħinuh itella’ kappella. L-ewwel ġebla tpoġġiet ġimgħa biss wara u l-kappella nfetħet fis-sajf tal-1893. Ġiet ikkonsagrata fl-1949. Iddisinjata minn Emmanuel Galizia u mibnija minn Wiġi Vella ta’ Ħaż-Żebbuġ, il-kappella għandha stil Gotiku. Ġewwa naraw statwa tal-Madonna ta’ Lourdes. Din l-istatwa ġiet maħduma minn Karlu Darmanin u mogħtija minn Karolina Mamo-Bruno fl-1893.

Il-forti

Il-Forti Chambray kien ikkummissjonat minn Jacques François de Chambray tal-Ordni ta’ San Ġwann fl-1749. Il-forti oriġinarjament kien maħsub biex ikun belt fortifikata ġdida bħall-Belt Valletta, u eventwalment isir il-kapitali l-ġdida ta’ Għawdex minflok iċ-Ċittadella. Il-proġett ma rnexxiex għax sa meta bdiet il-kostruzzjoni tiegħu, it-Torok ma kinux għadhom theddida kbira għal pajjiżna u n-nies bdew iħossuhom aktar sikuri li jgħixu fl-irħula. Filwaqt li l-forti nbena, qatt ma żviluppa f’belt kif kien ippjanat. Fl-1716, l-inġinier militari Franċiż Louis François d'Aubigné de Tigné ħejja pjanijiet għall-bini ta' belt fortifikata f'Ras it-Tafal, l-isem ta’ fejn insibu dan il-forti. Il-bini kellu jkun pospost għal żmien indefinit minħabba nuqqas ta’ fondi. Fl-1749, il-Gvernatur il-ġdid ta' Għawdex, Jacques-François de Chambray, informa lill-Gran Mastru Manuel Pinto de Fonseca li kien se jħallas hu għall-bini tal-forti.

Il-Forti Chambray ra l-ewwel użu tiegħu waqt l-invażjoni Franċiża ta’ Malta f’Ġunju 1798. Meta l-Franċiżi niżlu f’Għawdex, ħafna abitanti ħadu kenn ġewwa Chambray u ġabru magħhom il-bhejjem tagħhom. Fi żmien l-Ingliżi dan il-forti kien jintuża bħala sptar, l-ewwel bħala sptar militari u wara bħala sptar mentali. Matul is-snin li l-forti ntuża bħala sptar, inbnew fih tliet ċimiterji, wieħed ġewwa l-forti u tnejn fil-fossijiet tiegħu. Fl-1979, parti mill-forti bdiet tinbidel f’kumpless turistiku, proġett li qatt ma mmaterjalizza. Dan il-pjan seħħ snin wara biex illum il-Forti Chambray huwa post fejn jilqa’ t-turisti.

Mill-ġdid il-port

Illum il-port tal-Imġarr ma għadux li kien qabel. Madwaru hemm binjiet ġodda li sa nofs seklu ilu ma kinux hemm, biss is-seħer li joffri sa issa għadu hemm. Sajjieda għadhom jitilqu għas-sajda tagħhom minn hemm minkejja t-traffiku marittimu li dan il-port sar għandu llum.

Fr Reno Muscat




venerdì 18 agosto 2023

VAGANZI

Nistqarr magħkom mill-bidu nett li jiena bniedem li nippreferi x-xitwa mis-sajf. Biss is-sajf, minkejja dak kollu li jdejjaqni fih, jista’ jkun ukoll żmien sabiħ. Ħafna jgħidulek li s-sajf huwa żmien il-vaganzi u tabilħaqq hu hekk. Minħabba l-ħedla li wieħed iħoss fix-xhur qliel tas-sħana, wieħed jipprova jfittex li jmur xi vaganza xi mkien fejn ikun jista’ jiffrisska xi ftit.

Xi tfisser vaganza

Fil-qedem, fir-Renju Unit, vaganza kienet tirrefera għall-waqfa twila tas-sajf meħuda mill-qrati tal-liġi u mbagħad aktar tard din il-kelma bdiet tintuża għall-waqfa mil-lezzjonijiet tal-universitajiet. Id-drawwa ta’ dawn il-waqfiet ġiet introdotta minn William the Conqueror u kienet isservi biex fihom issir il-ġbir tal-għeneb. Fil-passat, ħafna familji tal-klassi għolja kienu jmorru jgħixu f'dar tas-sajf għal parti mis-sena, u kienu jħallu id-dar tas-soltu tagħhom vojta, jew vakanti.  Minn hawn ħarġet l-idea tal-kelma vaganzi. Il-kelma “Vacation” fl- Amerika ta' Fuq tirreferi għal vjaġġar rikreattiv, bħal vjaġġ qasir ta' pjaċir jew vjaġġ barra mill-pajjiż. Nies fil-pajjiżi tal-Commonwealth jużaw it-terminu “vaganza” biex jiddeskrivu assenza mix-xogħol kif ukoll biex jiddeskrivu btala jew vjaġġ. Il-vaganza tista’ tfisser jew toqgħod id-dar jew tmur x’imkien bogħod mid-dar.

Villeġġjatura

Hawn bosta minna li għax-xhur tas-sajf għandhom dar tal-villeġġjatura. Illum postijiet bħal San Pawl il-Baħar u Wied il-Għajn saru lokalitajiet li fihom jgħixu Maltin u barranin tul is-sena kollha, imma dan ma kienx hekk sa ftit għexieren ta’ snin ilu. Anzi biex ngħidu kollox, mijiet ta’ snin ilu n-nobli Maltin ma kinux ifittxu xi post qrib il-baħar għall-vaganzi tagħhom imma kien ikollhom xi dar fil-kampanja. Maż-żmien inbidel kollox.

Fi tfuliti niftakar konna mmorru Buġibba fejn iz-ziju kellu garage qrib ħafna tal-baħar. Hemm konna ngħaddu ġranet sħaħ. Ma konniex nagħtu kas tal-kumdità, saqqu mal-art u norqdu, mejda quddiem il-garage u nieklu fuqha. Illum mhux hekk, illum infittxu l-kumdità. Lanqas nimmaġinawna li mmorru vaganza xi mkien f’post mingħajr arja kkondizzjonata, bil-kmamar tas-sodda u bil-kamra tal-banju kompluta. U dan bir-raġun kollu. U jekk is-sena kollha aħna jkollna dawn il-kumditajiet sejrin għal jiem ta’ vaganzi biex inkunu agħar milli nkunu d-dar? Jekk id-dar imdorri b’televiżjoni f’kull kamra se mmur f’post fejn lanqas televiżjoni wieħed ma hemm? Illum il-villeġġjaturi saru komdi daqs id-djar tagħna u kultant aktar.

Safar

Imbagħad hawn min il-vaganzi tiegħu jgħaddihom bogħod minn xtutna. Illum il-Maltin sirt issibhom kullimkien. Ma hawn l-ebda limitu għall-pajjiżi li sar iżur il-Malti. L-Italja u l-Ingilterra jibqgħu l-postijiet l-aktar popolari magħna, imma dan ma jfissirx li hemm biss immorru. Illum sirna nfittxu anke s-safar hekk imsejjaħ long haul. Sirna nżuru pajjiżi bogħod mhux ħażin minn artna u mill-Ewropa.

La qed insemmi s-safar tajjeb hawnhekk insemmi l-ikel. Ladarba nkunu f’pajjiż barrani tajjeb li nippruvaw induqu l-ikel tal-pajjiż. Ovvjament mhux kulħadd iħobb kollox u kultant tkun f’pajjiż li ċerti ingredjenti jew ma nkunux nafu bihom jew li għalina ma jkunux jgħoddu. Biss żgur li xi ħaġa tal-pajjiż li tkun tgħodd għalina nsibu. Din hija problema tat-Taljani għax imorru fejn imorru jkunu jridu jieklu ikel Taljan. Aħna l-Maltin differenti u nemmen li aħna aktar avventurużi fejn jidħlu provi ta’ ikel ġdid li qatt ma nkunu doqna qabel. Ngħid għalija meta nkun imsiefer nipprova nduq platti tipiċi tal-pajjiż.

Għawdex


Il-gżira tat-tliet għoljiet minn dejjem kienet attrazzjoni għalina l-Maltin. Biss ikollna nammettu li Għawdex ta’ tfulitna ma kienx Għawdex tal-lum. L-iżvilupp u l-progress għandhom prezz għoli x’jitħallas. Qabel konna mmorru jumejn jew tlieta Għawdex għall-kwiet, biex ingawdu meded ta’ raba’, nieklu ikel bin u ġenwin li toffri din l-art. Illum Għawdex bl-istil ta’ ħajja li fih u bil-bini li tela’ sar estenzjoni ta’ Malta u għalhekk bosta minna qed jippreferu jmorru Sqallija. Biss baqa’ żewġ okkażjonijiet li l-Maltin għadhom imorru Għawdex bl-eluf. Il-festi ta’ San Ġorġ fit-tielet Ħadd ta’ Lulju u l-festa ta’ Santa Marija fil-15 ta’ Awwissu, li t-tnejn li huma jsiru fil-Belt tar-Rabat. Dawn jaraw eluf ta’ Maltin li jmorru jqattgħu xi jiem fil-gżira ta’ Għawdex. Ma’ dawn nista’ nżid il-festi ta’ San Pietru u San Pawl tan-Nadur u dik tal-Bambina fix-Xagħra. Il-festi Għawdxin l-oħra jistgħu jiġbdu xi Maltin lejhom ukoll, biss mhux daqs dawn li semmejt.

Waqfa

Il-vaganzi huma żmien fejn wieħed jieqaf mir-rutina ta’ kulljum u għal ftit żmien jistrieħ. Mela l-vaganzi huma bżonn. Ir-riċerka dwar l-effetti tal-vaganzi fuq is-saħħa, il-benessri u l-prestazzjoni tax-xogħol bdiet fis-snin disgħin. L-ewwel analiżi dwar l-effetti tal-vaganzi ġiet ippubblikata fl-2009. Reviżjoni ta’ dan ir-rapport tal-2013 dwar il-benefiċċji tas-saħħa u l-benessri tal-esperjenzi tal-ivvjaġġar uriet effetti ta’ benefiċċju tal-vaganza. Studji aktar reċenti juru l-effetti pożittivi tal-vaganzi minħabba t-tneħħija mill-istress tax-xogħol kif ukoll bħala żmien ta’ attivitajiet rilassanti u ta' pjaċir. Kollox juri li l-vaganzi huma meħtieġa għall-bniedem.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 19 ta' Awwissu 2023



sabato 12 agosto 2023

Rajt id-dinja tinbidel

 

Il-kapolavur ta’ Herbert Ganado bla dubju huwa l-ktieb jew aħjar l-erba’ volumi tal-ktieb “Rajt Malta tinbidel”. Ganado jikteb dwar tfulitu, żgħożitu u l-ħajja tiegħu bħala adult u waqt li jirrakkonta, baxx baxx, juri l-elf bidla li seħħew matul il-mixja ta’ ħajtu. Ra elf żvilupp, ra elf bidla, ra elf ħaġa tinbidel u tmur il quddiem jew lura. U aħna, li twelidna l-millennju l-ieħor imma issa qed ngħixu f’dan il-millenju nistgħu ngħidu wkoll li aħna xhieda ta’ bosta u bosta tibdil. Aħna nistgħu ngħidu li rajna d-dinja tinbidel.Dak li kienu jbassrulna l-kbar qed ngħixuh fir-realtà.

Informatika

Illum qed ngħixu fi żmien ta’ teknoloġija avanzata li fi tfulitna konna nisimgħu biha, noħolmuha imma qatt ma konna nemmnu li għad narawha tabilħaqq. Wieħed mill-għalliema tiegħu, tal-primarja, kien jgħidilna li għad jasal żmien li t-televiżjoni jkun tant irqieq li jitwaħħal mal-ħajt qisu nkwatru. Kien jgħidilna li t-telefon għad isir apparat li mhux biss nistgħu lil min ikun qed ikellimna imma saħansitra nibdew narawh. Meta konna ngħidu dawn l-affarijiet lill-adulti kienu jgħidulna li konna qed noħolmu, li konna naraw ħafna cartoons. Kien żmien li wħud minna la kellhom televiżjoni u lanqas telefon id-dar. U min kellu dan l-apparat kellu televiżjoni kbir donnu gwardarobba u jekk kellu telefon kien wieħed bir-rota tan-numri.

Illum dak li kien jidher impossibbli sar il-verità. It-televiżjoni sar irqieq u t-telefon tal-wajer ħadlu postu l-mobile. Programmi fuq l-internet jagħtuna l-opportunità li naraw lil dak jew dik li nkunu qed inkellmu.

Sirna nitkellmu dwar “intelligenza artifiċjali”. Din l-intelliġenza għenet mhux ftit lill-bniedem imma kellha prezz għoli wkoll magħha. Nibża’ li l-intelliġenza artifiċjali naqqset l-intelliġenza reali, dik li suppost hu mogħni biha kull bniedem. Qabel kien ikollna nħabblu rasna, anke biex ngħoddu somma ċkejkna, illum bil-calculator mal-mobile. Qabel kien ikollna niftakru mitt numru tat-telefon, illum bilkemm niftakru x’inhu n-numru tagħna stess. Qabel konna nitgħallmu lsien u konna rridu niftakru kif jinkiteb il-kliem. Illum il-kompjuter dlonk jurik jekk tkun ktibt xi kelma żbaljata. Nibża’ li din il-kumdità kollha għażżnet moħħ il-bniedem u naqqsittlu l-intelliġenza.

Turiżmu

Bidla oħra li nistgħu ngħidu li rajna sseħħ fi żminijiet tagħna hija fit-turiżmu. Is-safar kien għalina xi ħaġa ta’ lussu li tagħmlu rarament. Illum mhux hekk, illum is-safar sar xi ħaġa komuni. Hawn min aktar jirkeb ajruplani milli jirkeb il-karozza tal-linja. Is-safar jew bħala xogħol jew għat-turiżmu sar isir  minn kulħadd.

U hawn ħsiebi jmur fuq it-turist li jżur pajjiżna. It-turist li jżur Malta llum għadu l-istess bħat-turist ta’ għoxrin jew tletin sena ilu? Il-kultura u l-istorja ta’ pajjiżna għadhom jattiraw lit-turist li jżurna?

Kont qed nitkellem ma’ ħabib tiegħi Sqalli. Huwa qalli li llum Malta għandha l-fama ta’ pajjiż li tmur fih u ssib drogi kemm trid. Qalli li bosta jiġu Malta għax isibu prostituti kemm iridu. Qalli li minn Sqallija jiġu Malta filgħaxija, immorru jgħaddu l-lejl jixorbu u jitbaħartu u filgħodu jerġgħu lura pajjiżhom. Kemm hu veru dan li qalli dan il-ħabib tiegħi ma nafx. Ma nafx jekk hux minnu jew le .... imma aktarx li din hija l-fama li qed jieħu pajjiżna.

Bdejt nirrifletti ftit fuq kliem sieħbi u rrealizzajt li ma jistax ikun kollu gideb dak li qalli. Kemm turisti jżuru pajjiżna u jmorru jżuru t-tant postijiet storiċi u kulturali li tħaddan il-gżira tagħna? Hemm min iżurhom imma nibża’ li dawn huma l-minoranza. Tgħid it-tiġieġa li kienet tbid bajd tad-deheb qtilnieha u għamilniehom brodu? Jekk inhu hekk ħażin, għax it-tiġieġa tbid bajda kuljum imma l-brodu tagħha kemm se ddum tiekol minnu?

Imġiba

Bidla oħra li naraw b’għajnejna hija fl-imġiba. Qabel nemmen li kien hawn aktar rispett lejn kull tip ta’ awtorità. Illum kulħadd jikteb u jgħajjar lil min ma jaqbilx miegħu. L-ulied sar għandhom aktar drittijiet imma qed ninsew ngħallmuhom li mad-drittijiet hemm ukoll id-dmirijiet. Spiċċajna nisirqu d-drittijiet tal-ġenituri bl-iskuża tal-progress. Hekk sew?

Ngħidu li x-xemx minn filgħodu turi. Meta nara l-imġiba ta’ xi tfal lejn il-ġenituri tagħhom ngħid aħseb u ara mal-barranin. Forsi qed neseġera? Illum edukatur jibża’ jiġbed l-attenzjoni ta’ adolexxent għax malajr jakkużawh b’abbuż! Hekk sirna.

Dawn kienu ftit ħsibijiet tiegħi dwar il-ħajja tal-lum u dik ta’ dari. Dawk tampari jistgħu jgħidu bħali li raw id-dinja tinbidel. Nagħmel mistoqsija retorika: rajna d-dinja tinbidel għall-aħjar jew għall-agħar? Le mhux kollox ħażin imma lanqas hu kollox sewwa.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 12 ta' Awwissu 2023



lunedì 7 agosto 2023

Il-kappillan ta’ Ħal Trintrin

 

L-iktar ħaġa li kienet iddejjaq lill-kappillan kienet il-ħoss tal-muniti jċekċku fil-qoffa waqt il-ġabra fil-quddiesa jew inkella l-ħoss tal-flus neżlin fil-kaxxa tal-offerti ta’ quddiem l-istatwa ta’ Sant’Antnin waqt li kien ikun qiegħed jagħmel il-meditazzjoni. Ried jara x’jagħmel għax dawn il-ħsejjes kienu qegħdin idejquh tassew. Qatagħha li fil-quddies ma jsirx iktar ġbir u neħħa kull kaxxa tal-offerti minn ġewwa l-knisja.

Issa beda jkun hemm skiet perfett, la ċekċik ta’ muniti u lanqas ħsejjes ta’ flus nieżla fl-kaxxa tal-qaddis ta’ Padova. Fil-bidu kien hemm min ma qabilx mal-kappillan imma l-biċċa ma damitx biex indrat u ħadd aktar ma baqa’ jieħu flus miegħu meta jmur il-knisja.

Madwar xahrejn wara wasal il-kont tad-dawl tal-knisja. Flus biex iħallas ma kellux il-kappillan u għalhekk mar bil-kont fl-uffiċċju fejn jitħallsu l-kontijiet. Kif daħal sab skrivan minn tagħna, fissirlu sewwa x’inhi l-qagħda tiegħu u ftiehem miegħu li minflok il-flus tal-kont kien sejjer jagħmillu għaxar quddisiet għal ruħ ommu u missieru. L-iskrivan tar bil-ferħ u dlonk qabad it-timbru u ċapċap biċċa ta’ PAID daqsxiex fuq il-kont. Mela l-kont tad-dawl tħallas.

Dik il-ħabta wkoll fil-knisja kien hemm żewġ ħaddiema jagħmlu xi xogħol. Meta lestew dak li kellhom jagħmlu marru fis-sagristija jfittxu lill-kappillan sabiex jieħdu ħlashom. Kif rahom il-kappillan fetaħ il-kaxxarizz, ħareġ mazz santi u qasamulhom bejniethom. Qalilhom li dan kien il-ħlas tagħhom. Tant ferħu dawk il-ħadiema bis-santi tal-kappillan li minn dakinhar ma riedux aktar flus ta’ xogħolhom imma kienu jitolbu biss mazz santi ta’ kull biċċa xogħol li kienu jagħmlu.

Wara x-xogħol tal-ħaddiema kien jeħtieġ tindifa l-knisja. Il-kappillan  mar sal-ħanut tal-pjazza u għamel xirja xirjun. Ftakar ukoll li fil-lokijiet tal-knisja kienu spiċċaw is-sapun u l-karti u għalhekk ħaseb għalihom ukoll. Xħin tal-ħanut għamillu l-kont, il-kappillan qallu li kien ser iħallsu billi jgħid ħames posti rużarju għall-bżonnijiet tiegħu. Sid il-ħanut qabad u rduppjalu x-xirja u talbu li minflok ħames posti jgħid għaxra.

Meta xi mara fqira kienet iddoqq il-qanpiena tal-bieb tad-dar tal-kappillan u titolbu l-għajnuna, dan kien idaħħalha fl-uffiċċju u jibda jirrakkonta salt stejjer ta’ qaddisin. B’dawn l-istejjer kienet timla żaqqha hi u titma’ lill-uliedha mġewħa. Ma kienx jonqos li jagħtiha xi żewġ domni wkoll biex iżżommhom għall-emerġenza.

Trinnnnnn triiinnnnn trinnnnn. Daqq l-iżverjalin biex javża lill-kappillan li kienu saru l-ħamsa ta’ filgħodu u kien sar il-ħin biex iqum u jmur jiftaħ il-knisja u jqaddes tal-ewwel. Allura dak kollu kien ħolma? Il-kont tad-dawl kien għadu ma tħallasx? U x-xirja mingħand tal-ħanut ma tpattietx bir-rużarju? Intebaħ li l-ħaddiema li lestew xogħolhom fil-knisja mazz ewro jridu u mhux mazz santi. Induna li kienet ħolma, qam mis-sodda, ħasel wiċċu, xedd s-suttana u telaq jiftaħ il-knisja bil-qalb it-tajba.



Mill-ktieb tiegħi "Minn kitbieti"

sabato 5 agosto 2023

PORTO... U L-INBID TAJJEB TAGĦHA

Waħda mill-ibliet li kull min iżur il-Portugall jipprova jżur hija bla duju ta’ xejn il-belt ta’ Porto. Din hija t-tieni l-akbar belt fil-Portugall wara l-kapitali Lisbona u tinsab max-xatt tal-Oċean Atlantiku. Hija belt magħrufa għal-inbid li jiġi prodott fiha, inbid famuż mad-dinja kollha li għandu isem il-belt ukoll – Port Wine. Porto tat ukoll isem il-pajjiż kollu – Portugall. Hija belt li tiġbdek lejha mill-ewwel.


Ftit storja

Porto bħala raħal kien imwaqqaf miċ-Ċelti fuq il-bokka tax-Xmara Douro li taqsam il-post. Hawn kien okkupat mir-Rumani matul ir-raba' seklu u dawn bidluh f'port kummerċjali li semmewh "Portus Cale".  Fis-sena 456 kien invadut minn Teodoriku II, Re tal-Visigoti, li baqgħu fil-poter sas-sena 716, meta Porto kien maħkum mill-Mori.

Alfonso III iġġieled kontra l-Musulmani Mori u rebaħ Portus Cale fis-sena 868. Fis-snin ta’ wara l-Portugall twaqqaf bħala entità politika. Fl-1096, ir-Re Alfonso VI ta' Kastilja żewweġ lil bintu Tereża ta' León lil Enriku tal-Burgundy u bħala dota ta lir-raġel ta’ bintu l-art tal-Portugall, b'Porto tkun il-kapitali. Dan kien il-bidu ta’ storja twila u nistgħu ngħidu xi ftit imqallba wkoll.

Porto saret belt rikonoxxuta għall-ġlieda tagħha fejn  jidħlu d-drittijiet ċivili u matul is-seklu dsatax u bosta kittieba u poeti importanti għexu fil-belt. Fl-1820, f'Porto bdiet Rivoluzzjoni Liberali li titlob monarkija kostituzzjonali fil-Portugall. Wara li Miguel tal-Portugall ħa t-tron, fl-1832 Porto rribella kontra l-ħakma assoluta tiegħu u minħabba f’hekk għadda minn assedju ta’ tmintax-il xahar mill-armata tar-Re Miguel. In-nies ta’ Porto ħarġu rebbieħa u r-Re Miguel abdika wara l-bosta sagrifiċċji tal-abitanti, li b’mod erojku ġġieldu biex jiddefendu l-Kostituzzjoni. Matul id-dittatorjat ta’ António de Oliveira Salazar li ntemm fl-1974, l-infrastruttura ta’ Porto tjiebet ħafna. Il-belt ta’ Porto kienet magħżula bħala l-kapitali kulturali tal-Ewropa fl-2001 u għall-okkażjoni l-belt bniet il-"Casa da Musica".

l-Inbid Port

Inbid tal-belt ta’ Porto, magħruf ukoll bħala vinho do Porto,  jew sempliċiment Port,  huwa nbid famuż Portugiż magħmul fil-Wied tad-Douro fit-Tramuntana tal -Portugall. Tipikament huwa inbid aħmar ħelu, ħafna drabi servut mad-deżerta iżda nsibuh ukoll f'varjetajiet dry, semi sweet u abjad. Aktar minn mitt varjetà ta' għeneb jistgħu jiġu wżati għall-produzzjoni tal-port, għalkemm ħamsa biss huma kkultivati fil-qrib tal-belt ta’ Porto ​​u huma l-aktar użati. Dawn huma l-għeneb  Tinta Barroca , Tinto Cão , Tinta Roriz  , Touriga Francesa , u Touriga Nacional. L-inbid Port tipikament huwa aktar sinjur, ħelu u ogħla fil-kontenut ta’ alkoħol minn inbejjed oħra. Il-port, bħal inbid ieħor, għandu jinħażen f'post frisk iżda mhux kiesaħ u bogħod mid-dawl tax-xemx u f'temperatura stabbli, bħal kantina, bil-flixkun imqiegħed fuq il-ġenb tiegħu jekk ikollu sufra, jew wieqfa jekk ikun magħluq b’tapp tal-kamin.  Bl-eċċezzjoni tal-port abjad, li jista' jiġi servut imkessaħ, il-port għandu jiġi servut f'temperatura ta' bejn 15 u 20 °C. Naħseb aħjar nieqfu hawn fuq l-inbid Port għax malajr jitla’ għal rasna!

Ikel

Wara li semmejt l-inbid tajjeb ngħid li x-xorb fuq stonku vojt jitla’ għar-ras aktar malajr, mela ejjew naraw x’ser nieklu! Bħal kull pajjiż ieħor u bħal kull belt kbira oħra, f’Porto ssib platti tradizzjonali li dak li jkun qed iżur il-belt tajjeb li jduq xi ħaġa minnhom. Insemmi xi ftit minnhom: Tripas à moda do Porto huwa platt bil-kirxa taċ-ċanga. Dan il-platt huwa speċjalità ta’ Porto u huwa xi ħaġa li tara fuq il-menus madwar il-belt kollha. Filwaqt li jista’ ma jinstemax wisq apetituż, tripas à moda do Porto fil-fatt huwa platt delizzjuż u li huwa perfett għal ikla tax-xitwa, imma tajjeb ukoll għas-sajf. Bifanas huma speċjalità oħra ta' Porto u wkoll xi ħaġa li tara fuq il-menus madwar il-belt kollha. Dawn huma tip ta’ sandwiches magħmulin bil-majjal mixwi u ġeneralment jiġu servuti bil-mustarda u l-patata moqlija. Bifanas huma tajbin għal ikla ta’ malajr jew snack ħafif – insomma ħafif, mhux wisq! Sandwich ieħor popolari huwa dak li jissejjaħ Francesinha. Dan is-sandwich huwa magħmul bil-ħobż mimli bil-perżut, zalzett u dawra laħam u jinkesa b’zalza tat-tadam u tal-birra. Ġieli jiġi servut ukoll ukoll b’bajda moqlija fuqu. Il-Francesinha huwa l-aktar ikel famuż ta' Porto u għalhekk l-aktar mibjugħ. Billi Porto hija belt max-xatt tal-Atlantiku ma jistax jonqos li hawn insibu platti fuq bażi ta’ ħut. Bla ma noqgħod insemmi, ngħid biss li wieħed isib għadd ta’ platti tal-bakkaljaw kif ukoll isib ħafna sardin moqli. Aħjar nieqaf hawn għax ser niftħilkom l-aptit!

Illum ħaddkom xi ftit bogħod minn pajjiżna. Morna l-Portugall, fit-tramuntana tal-pajjiż, f’belt magħrufa għall-istorja, il-ġmiel tagħha kif ukoll għall-ikel u –inbid uniku tagħha.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 5 ta' Awwissu 2023