Apparat li llum il-ġurnata
kulħadd għandu huwa t-telefon. Sa ftit għexieren ta’ snin ilu dan l-apparat,
jew aħjar l-antenat tiegħu, kien meqjus bħala xi ħaġa ta’ lussu. Bil-mod il-mod
beda jidħol aktar fi djarna sakemm illum kulħadd, jew nistgħu ngħidu
l-maġġoranza kbira tal-poplu, għandu telefon personali, dak li nsejħulu
l-mobile.
Alexander Graham Bell
Alexander Graham Bell |
Bell twieled f'Edinburgh il-belt kapitali tal-Iskozja
nhar it-3 ta' Marzu, 1847. Id-dar tal-familja Bell kienet f'South Charlotte
Street, dar li sal-lum għandna naraw magħha skrizzjoni tal-ġebel li timmarkaha
bħala l-post fejn twieldet missier it-telefon. Alexander kellu żewġ ħutu:
Melville James Bell (1845–1870) u Edward Charles Bell (1848–1867). Missieru
kien Alexander Melville Bell u ommu kienet Eliza Grace Bell née Symonds. Missieru kien tabib li jispeċjalizza
fis-smieħ. Isem l-iben kien biss "Alexander Bell" imma fl-età ta' 10
snin huwa għamel talba lil missieru biex ikollu isem tan-nofs bħaż-żewġ ħutu. Għal
għeluq il-11-il sena tiegħu, missieru aċċetta u ħallieh jadotta l-isem
"Graham", magħżul b'rispett lejn Alexander Graham, Kanadiż li kien pazjent
ta’ missieru u li kien sar ħabib tal-familja. Madanakollu fost il-qraba u l-ħbieb
tiegħu huwa baqa’ dejjem jissejjaħ "Aleck". Sa mill-ewwel snin
tiegħu, Bell wera natura sensittiva u talent għall-arti, il-poeżija u l-mużika
li kien imħeġġeġ fiha minn ommu. Bla ebda taħriġ formali, ħadem pjanu u sar il-pjanista tal-familja. Bħala
tifel żgħir, Bell, bħal ħutu, irċieva l-ewwel tagħlim tiegħu d-dar mingħand
missieru. F’età żgħira, kien
irreġistrat fir-Royal High School ta’ Edinburgh,
li ħalla fl-età ta’ 15-il sena. Hemm ħafna xi tgħid dwar dan il-bniedem,
fosthom li huwa kkoppja, jew seraq l-idea tat-telefon. L-ewwel konverżazzjoni
telefonika bidirezzjonali, jiġifieri li żewġ bnedmin jitkellmu u jisimgħu
fl-istess waqt, fuq linja seħħet bejn Cambridge u Boston, distanza ta’ ftit
aktar minn 3 kilometri fid-9 ta’ Ottubru, 1876. Sal-1904, fl-Istati
Uniti kienu jeżistu aktar minn tliet miljun telefon.
Illum lanqas timmaġinak li tmur
tagħmel telefonata minn telefon pubbliku, biss dan kien il-mezz li bih konna
nikkomunikaw fi tfulitna qabel ma kellna t-telefon id-dar. Il-kaxxi jew gabini
tat-telefon pubbliku kienu introdotti fir-Renju Unit fl-1852. Ma kienx
it-telefon li nafu bih illum. Billi Malta kienet kolonja tal-Ingliżi, dan
l-apparat ma damx wisq ma wasal fostna. Fl-1862 kienu mwaħħlin gabbani
tat-telefon f’xi għases tal-pulizija ta’ Malta. Maż-żmien dawn il-gabbani bdew
jiżdiedu u saru komuni f’kull belt u raħal tagħna. Dawn il-gabbani kien
ikollhom il-kuruna rjali fuq il-faċċata tagħhom u fl-1975 bil-għan li titnaqqas
ir-rabta kolonjali minn Malta, xi wħud minn dawn il-kuruni ġew imneħħijin. X’ħasra!
Ara l-isorja jistax iħassarha xi ħadd! Kien hemm żmien li l-gabini tat-telefon
inżebgħu blu u kien hemm żmien ukoll li bdew jitneħħew u jsiru oħrajn
minnflokhom tal-ġebel jew tal-aluminium. Kien hemm minn dawn il-gabbani li
tneħħew għal kollox, u llum min jaf fejn sabu posthom. Imnalla li sar intervent
f’waqtu u dawn il-gabbani ġew protetti għax kieku naħseb li lanqas waħda ma
fadal. Illum madwar Malta u Għawdex fadal 68 gabbana tat-telefon tal-ħadid
fondud, aħjar mix-xejn!
Biż-żmien bdejna nsibu t-telefon
fid-dar. Niftakar li l-ewwel telefon fit-triq tagħna kienet daħħlitu n-nanna.
Biex inċemplu liz-ziju li kien joqgħod Raħal Ġdid konna l-ewwel naqbdu
mal-operator u mbagħad ngħidulu n-numru li rridu u hu jqabbadna. Biex inċemplu
barra minn Malta konna nibbukjaw telefonata. Konna niftakru n-numri tat-telefon
tagħna u tal-ħbieb u tal-qraba. Illum bil-mobile hawn min lanqas in-numru tiegħu
stess ma jiftakar. Is-set tat-telefon kien ikollu rota bin-numri u ddawwar
in-numru li trid. Aktar tard is-settijiet
inbidlu u saru bil-buttuni tan-numri. X’differenza mil-lum!
Il-mobile
U llum għandna l-mobile li
bażikament huwa telefon imma nużawh għal elf ħaġa oħra u aktarx li l-inqas li
nużawh huwa biex nagħmlu xi telefonata. Nużawh għar-ritratti, nibgħatu
l-messaġġi, niktbu l-appuntamenti fuqu, naraw l-emails li jaslulna u
nirrisponduhom u nsomma elf ħaġa oħra bla ma forsi nintebħu li dak l-apparat
prinċipalment huwa apparat biex titkellem u tisma’ lil min ikellmek minnu. Mur
ġib lil Alexander Graham Bell jara l-apparat li tant ħadem fuqu kemm evolva u
kemm inbidel!
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 27 ta' April 2024