Illejla l-Knisja Kattolika tkun
bla mexxej
Kienet il-festa
tal-Madonna ta’ Lourdes, kien il-jum dinji tal-morda, kien l-84 anniversarju
mit-trattat tal-Lateran li bih twaqqaf uffiċjalment l-Istat Belt tal-Vatikan,
kien il-11 ta’ Frar, 2013. Fil-11 ta’ filgħodu ġewwa s-Sala tal-Konċistorju
fil-palazz appostoliku inġabru l-Kardinali flimkien mal-Papa Benedettu XVI
sabiex japprovaw il-kanonizzazzjoni tal-Beati Antonio Primaldo u sħabu martri, Laura
ta’ Santa Katarina ta’ Siena Montoya y Upegui u Maria Guadalupe García Zavala.
Fid-diskors tiegħu il-Papa ħabbar li kien sejjaħ dan il-konċistorju mhux biss
minħabba l-kanonizzazzjoni imma għax kellu xi ħaġa ta’ importanza kbira xi
jwassal. Din il-ħaġa mportanti kienet li minħabba raġunijiet ta’ saħħa u
minħabba l-età tiegħu kien sejjer iwarrab minn fuq it-tron ta’ Pietru.
Id-diskors sar bil-latin u minkejja li dawk miġbura lkoll kemm huma studjaw
il-Latin, ma fehmux sewwa, jew ma riedux jemmnu dak li semgħu. Dimissjoni ta’
Papa kienet ilha ma sseħħ mill-1417. Kien il-Papa Girgor XII l-aħħar Papa li
warrab. Ma kienx l-uniku. Minkejja li x-xniegħa li l-Papa se jirreżenja kienet
ilha tiġri fil-ġerarkija ekkleżjastika, ħadd ma basar li din ix-xniegħa kellha
ssir realtà, l-aktar wara l-Pontifikat tal-Papa Ġwanni Pawlu II, li fuqu wkoll
kienu spiss jgħidu li se jħalli postu, imma baqa’ jmexxi kif jista’ l-Knisja
ta’ Kristu sal-aħħar nifs. Josef Ratzinger imma ma huwiex Carol Wojtyla. Dak li
ma għamilx wieħed għamlu l-ieħor u llejla il-Knisja Kattolika sejra jkollha
l-hekk imsejjaħ Sede Vacante. Għada
aħna s-saċerdoti fil-quddiesa ma nsemmux lill-Papa, insemmu biss lill-Isqof.
L-arma tal-Vatikan waqt is-Sede Vacante |
Il-mewt tal-Papa
Wojtyla sabet lill-Kardinal Ratzinger bħala d-dekan tal-kulleġġ tal-kardinali.
Din il-pożizzjoni kienet titlob li huwa jmexxi l-funeral tal-Papa. Dan sar nhar
il-Ġimgħa, 8 ta’ April, 2005. Il-konklavi bdew għaxart ijiem wara. Fil-għodwa
ta’ dak il-jum saret il-quddiesa msejħa Pro
Eligendo Romano Pontifice u waranofsinhar saret l-ewwel votazzjoni
mill-115-il kardinal preżenti – daħna sewda. L-għada filgħodu il-kardinali
kienu mill-ġdid fil-Kappella Sisitna għal vot ieħor. Fid-19 ta’ April filgħodu
dehru żewġ daħniet suwed miċ-ċumnija tal-Kappella Sistina, imma dakinahr
waranofsinhar, sewwa sew fil-5.56, deher ħiereġ duħħan abjad, ftit minuti wara
il-qniepen tal-bażilika ta’ San Pietru semmgħu leħinhom u magħhom ingħaqdu
l-ilħna tal-qniepen tal-knejjes l-oħra kollha tad-dinja. Habemus Papam! Ftit wara deher il-Protodjaknu, il-Kardinal Jorge
Arturo Medina Estévez fil-loġġa ta’ fuq il-bieb ċentrali tal-Vatikan u ħabbar
dak li d-dinja kienet fuq ix-xwiek biex tisma’ : Annuntio vobis gaudium magnum: Habemus Papam! Dawk il-ftit sekondi
sakemm tħabbar l-isem dehru donnhom sigħat.
Eminentissimum ac
reverendissimum Dominum Dominum Josephum,Sanctæ Romanæ Ecclesiæ Cardinalem
Ratzinger. L-għażla ta’ Ratzinger
ġabet reazjonijiet diversi.
Il-lejla l-Knisja
se tkun bla ragħaj uman. Mil-lejla il-Knisja se tkun f’ idejn ir-Ragħaj Etern
sakemm ftit jiem oħra naraw daħna bajda tielgħa miċ-ċumnija tal-Kappella
Sistina u nistennew bil-ħerqa il Protodjaknu
jħabbrilna “Annuntio vobis gaudium
magnum: Habemus Papam!”
Fr. Reno Muscat
OP
In-Nazzjon 28 ta' Frar 2013