mercoledì 27 marzo 2013

Fuq tlieta toqgħod il-borma


Analiżi wara tliet elezzjonijiet


Dan l-aħħar f’ medda ta’ tliet ġimgħat għaddejt minn esperjenza mhux komuni. Bħala saċedot Malti li ngħix parti kbira mis-sena ġewwa l-Italja sibt wiċċi ma’ tliet elezzjonijiet li jolqtuni b’mod dirett: dik tal-Italja li saret bejn l-24 u l-25 ta’ Frar, dik ta’ pajjiżna fit-9 ta’ Marzu u l-għażla tal-Papa fil-konklavi li beda fit-12 ta’ Marzu. Sewwa jgħidu li fuq tlieta toqgħod il-borma! Tkun tinteressak il-politika jew le, ikollok tidħol fl-ispirtu trid jew ma tridx.
Aktar maturità
Kemm fil-kampanja elettorali Taljana kif ukoll f’ dik ta’ Malta nħoss li saru bidliet kbar. L-ewwel ħaġa li nnutajt fiż-żewġ pajjiżi kien in-nuqqas ta’ posters imwaħħlin fejn ġie ġie. Ħames snin ilu kont ngħix Napli. Il-kampanja elettorali ta’ dik is-sena kienet mument fejn inksew bosta ħitan b’ posters politiċi.  Dak iż-żmien Malta konna diġa qtajna l-posters minn mal-ħitan. Din is-sena rajt bidla kbira, rajt aktar organizazzjoni fejn jidħlu posters kemm fl-Italja kif ukoll f’ Malta. Il-bill boards f’ Malta għamlu suċċess imma fl-Italja għadhom jitwaħħlu posters fuq folji tal-pjanċi li jipprovdi l-kunsill. Aħna qegħdin insemmu żewġ elezzjonijiet biss sa issa, imma tajjeb niftakru fl-elezzjoni għas-suċċessur ta’ Benedettu XVI. Minkejja li l-votanti għal dan tal-aħħar ma kienux il-kważi ħamsin miljun u nofs Taljan u lanqas it-tliet mitt elf Malti imma mija u ħmistax-il kardinal, xorta kien hemm min għamilha tal-kanvażer. Fuq l-istess pjanċi fejn twaħħlu l-posters tal-politiċi Taljani, ftit qabel il-konklavi, u waqt li l-gvern Taljan kien għadu ma tfassalx, dehru posters jirrikmandaw lill-Kardinal Peter Turkson bħala l-Papa li kien imiss. Ma ninsewx li qabel il-bidu tal-konklavi il-kardinali eletturi kienu jkunu jippassiġaw fit-toroq ta’ Ruma fil-ħin liberu tagħhom. Għandu mnejn ukoll din il-ħaġa saret b’ ċajta.


L-użu tal-mezzi
It-tqassim tal-fuljetti naqas ukoll f’ dawn il-kampanji elettorali. Sar użu akbar mill-mezzi medjali li nsibu llum. Reklami fuq websites kienu l-aktar li spikkaw fil-kampanja elettorali Maltija. Iż-żewġ partit l-kbar sfruttaw kemm felħu dan il-mezz ta’ komunikazzjoni. Nemmen li dan kien il-mezz l-aktar effettiv fil-kampanja elettorali li kellna ftit ġimgħat ilu. Is-suċċess tal-pubbliċità tidher minn kemm tikkonvinċi nies jixtru mill-prodott tiegħek.
Kemm fl-Italja kif ukoll f’ Malta il-jum ta’ qabel l-elezzjoni huwa jum ta’ riflessjoni u fih ma tista’ ssir l-ebda propoganda politika. Għax bħal li kieku mhux kulħadd ikun iddeċieda lil min ser jivvota! Kemm hi relevanti llum din il-liġi? Mingħajr ma nqanqal trab jew bla ma nixħet melħ fuq il-ferita nixtieq nistaqsi:  bil-mezzi tal-media tal-lum tista’ l-forza tal-ordni tiżgura li ħadd ma jikser din il-liġi? U jekk Malti li jgħix barra l-pajjiż jitfa’ kumment, ritratt jew artiklu ta’ propoganda politika fuq l-internet propju lejlet l-elezzjoni min sejjer itellgħu d-Depot? Nispera li min jista’ jibdel din il-liġi antikwata qiegħed jaqra dan li qed ngħid. Naqbel li dakinhar ma jsirux attivitajiet politiċi tal-massa bħal meetings jew get togethers għax il-poplu jkun imxebba, imma posts fuq l-internet għandhom ikunu esklużi minn din il-liġi. Qiegħed insemmi dawn il-każi għax kien hemm nies li jissimpatiżżaw maż-żewġ partiti politiċi l-kbar li kienu nterrogati.  L-Italja ma smajt b’ ħadd li kien interrogat mill-pulizija dwar ksur ta’ din il-liġi. Dwar it-tielet elezzjoni, dik tal-Papa, hemmhekk storja oħra, dawn mhux talli jkollhom jiem ta’ riflessjoni qabel jivvutaw, imma jibqgħu jirriflettu fis-skiet u bogħod mid-dinja, sakemm jispiċċa l-konklavi.

Nieħdu tagħlima
Minn dawn il-kampanji elettorali tajjeb li niftħu għajnejna u naraw lil hinn mir-riżultati tagħhom. Tajjeb li nintebħu li llum il-poplu huwa teknoloġiku. Żgħażagħ ta’ għoxrin jew ħamsa u għoxrin sena twieldu fl-era diġitali u ma jafux b’dinja differenti. Għalhekk dak kollu li huwa barra mid-dinja tagħhom iwarrbuh u ma jagħtux kasu. U dwar dan tajjeb li tiftaħ għajnejha l-Knisja wkoll. Fil-kampanja elettorali kif kont niftaħ l-account tal- e mail tiegħi kont nara stedina biex inżur il-website ta’ Joseph Muscat. Fuq Facebook stajt kieku ridt nitkellem ma’ Lawrence Gonzi. Il-Knisja f’ Malta wkoll qegħda tipprova tadatta ruħha maż-żmien tal-informatika teknoloġika, imma għad fadlilha x’taqdef. Kuntrarjament għall-partiti politiċi, il-kampanja elettorali tal-Knisja ma tintemx. Bħal bosta Knejjes oħra fid-dinja, dik tagħna qegħda tuża l-mezzi medjali opportuni biex twassal leħinha, imma trid tara jekk il-messaġġ huwiex qiegħed jasal fejn għandu jasal, jekk il-kanal li qiegħed iwassal il-messaġġ huwiex il-kanal it-tajjeb. Inutli jkollok ilma tajjeb għax-xorb jekk il-kanal li jgħaddi minnu ma jwassalx biex dak l-ilma jinxtorob imma jwassal għal ġewwa għalqa u jintuża għat-tisqija. Nerġa ngħid li s-suċċess tal-pubbliċità  jitkejjel minn kemm jiżdied il-bejgħ.

U issa li għaddew l-elezzjonijiet tal-Italja, ta’ Malta u tal-Kap tal-Knisja nistgħu ngħidu li erġajna għall-ħajja normli . . . . . .
Fr. Reno Muscat O.P.


In-Nazzjon 27 ta' Marzu 2013

giovedì 21 marzo 2013

Min qiegħed jarani?


Fi tfuliti ġieli rajt xi kwadru li fin-naħa ta’ fuq tiegħu kien ikollu mpittra għajn ta’ bniedem. Dejjem qaluli li dik l-għajn kienet tfisser li Alla jarana dejjem inkunu fejn inkunu. Illum dawn il-kwadri donnhom spiċċaw għal kollox għax ilni ma nara wieħed minnhom. Bis-sekularizazzjoni iktar u iktar ma għadniex naraw kwadri ta’ dan it-tip. Illum il-maġġoranza tagħna temmen li Alla jarana l-ħin kollu imma temmen ukoll li mhux Hu biss qiegħed jgħasses fuqna u jaf fejn inkunu. B’dan ma rridx infisser li teżisti xi qawwa sopranaturali oħra imma rrid ngħid li llum jeżistu makkinarji u apparat li jżommna taħt għajnejh, biex ngħidu hekk.

Global Position System
Madwar sitt snin ilu kont qiegħed insuq minn Ruma sa Napli. Miegħi kelli lil Patri Carlos Aspiros Costa, dak iż-żmien Majjistru Ġenerali tad-Dumnikani. Biex ma nintilifx żgur kelli s-sistema tal-Global Position System (GPS). Dan kultant kien javżana li rridu nduru fuq ix-xellug jew il-lemin jew nibqgħu sejrin dritt. Xejn speċjali, xogħol il-GPS. Ħin minnhom il-Ġeneral qal lili u lit-tnejn l-oħra li kienu magħna li llum ikun hemm min qiegħed isegwina bla ma biss aħna nkunu nafu u prova ta’ dan hija is-sistema tal-GPS. Dakinhar qbilt miegħu. Illum naħsibha xort’ oħra.

Is-sistema tal-GPS taħdem billi fl-ispazju għandha 32 satellita. 24 minnhom huma attivi filwaqt li 8 oħra huma riserva. Dawn is-satelliti jinstabu għoxrin elf kilometru l fuq mid-dinja u jagħmlu dawra mad-dinja kull 12-il siegħa. Inkunu fejn inkunu fid-dinja tal-inqas ħames satelliti jolqtuna. Dawn is-satelliti jibgħatu messaġġ lejn id-dinja kull 30 sekonda. Il-messaġġ ikun fih il-ħin li jintbghat u l-pożizzjoni tas-satellita. Il-messaġġi jaslu fid-dinja 18-il sekonda wara. Meta l-apparat li jkollna fil-karozza jirċievi messaġġi minn 4 satelliti jkun jista’ jikkalkula l-pożizzjoni tagħna fid-dinja. Minkejja li s-sistema mhix preċiża mija fil-mija, l-varjazjoni hija biss ta’ ftit metri u aktar il quddiem sejrin ikollna GPS aktar preċiża. B’ din is-sistema bl-ebda mod ma nistgħu ngħidu li dawn is-satelliti jkunu jafu fejn ninsabu aħna iżda bil-kuntrarju, inkunu nafu aħna fejn huma biex imbagħad insibu fejn qegħdin aħna. Forsi jkun hawn min jistaqsi kif il-GPS isiblek it-triq li trid. Din is-sistema ma hijiex tas-satellita imma hija programmata fuq l-apparat li jkollna fil-karozza. F’ dan l-apparat hemm mappa u l-pożizzjoni tagħna fuq din il-mappa tkun aġġornata kull meta jaslu l-messaġġi ġodda mis-satelliti, jiġifieri kull 30 sekonda imma aħna ma nintebħux b’ dan.

Iċ-Ċellulari

Mhux l-istess nistgħu ngħidu għat-telefonija ċellulari. Din is-sistema tkun taf sewwa fejn ninsabu, sewwa sew kontra is-sistema tal-GPS. Din is-sistema tissejjaħ ċellulari għax taħdem biċ-ċellel, jew żoni. Malli jien bil-mowbajl tiegħi nidħol f’ ċella (żona) niġi assenjat frekwenza u time slot (kull sekonda tinqasam fi 8 partijiet u jien ikolli parti minn kull sekonda, din il-parti ta’ sekonda tissejjaħ time slot). Din tkun frekwenza u time slot tal-mowbajl tiegħi biss u l-ebda telefon ieħor ma jidħol fuqha. Kieku ma kienx hekk konna nisimgħu bosta telefonati fl-istess ħin. Il-frekwenza tingħatalna malli nidħlu f’ċella u mhux bilfors inkunu qed nużaw il-mowbajl dak il-ħin. Billi t-telefon ċellulari huwa maħluq biex nużawh meta nkun miexja, jiġri li ngħaddu minn ċella għal oħra u hawnhekk issir il-handover, ningħataw frekwenza u time slot ġodda. Jekk ninżertaw fuq il-linja dak il-ħin lanqas biss nintebħu li tkun saret din il-handover.

Din is-sistema tkun taf sewwa kull telefon fejn jinstab. Jekk it-telefon jintefa allura jispiċċa kull kuntatt u ħadd ma jkun jaf fejn aħna, imma sakemm ikollna l-mowbajl fil-but ikun hemm min jaf fejn ninstabu. Din is-sistema ġieli għenet lill-pulizija ssib lil xi ħadd mitluf u ġieli għenet il-forza tal-ordni ssolvi każi l-aktar serji.

Dawn huma żewġ sistemi li ħafna minna għandhom u li għandna mnejn natribwixxu ħaġa b’oħra lis-sistemi li jkollna f’ idejna. L-għajn li darba konna naraw fuq il-kwadri qaddisa għadha tarana u tħarisna, imma llum żidna għajn oħra, mhux onnipotenti bħall-ewwel waħda imma effettiva. U kultant inkunu f’ post u ngħidu “U iva! Min qed jarani hawn?” Jew “Min se jsibni hawn?” Niżbaljaw jekk naħsbu hekk.

Fr. Reno Muscat 
In-Nazzjon, 21 ta' Marzu 2013



giovedì 14 marzo 2013

Malta inġorrok f’ qalbi


Esperjenza turistika f’ pajjiżna stess


Spiss niltaqa’ ma’ nies li meta ngħidilhom li parti kbira mis-sena ngħaddiha Ruma joħorġu b’xi  espressjoni bħal “Xi ġmiel” jew “Sewwa” jew xi kliem ieħor simili. Dawn it-talin ma jkunux qegħdin iġibu quddiem għajnejhom li meta wieħed imur b’ vaganza Ruma hija ħaġa imma meta wieħed ikun jaħdem jew jistudja hemmhekk hija ħaġa totalment differenti. Dawn lanqas jistgħu jimmaġinaw li meta ngħaddi minn quddiem il-Vatikan illum tant drajt li lanqas kważi ngħolli rasi mill-art. Mhux hekk għamilt l-ewwel darba li sibt ruħi f’ dan il-post, imma biż-żmien tant nidraw l-ambjent li nkunu ngħixu fih li xejn ma jibda jimmeraviljana u kollox jibda jkun għalina bħalli kieku xejn. Dan jiġri lil kulħadd, anke lil dawk li jkunu jgħixu f’ post sabiħ li tant jidrawh li ma jibqgħux jagħtu każ tas-sbuħija tiegħu.

Fil-bidu ta’ Frar kelli ftit jiem liberu u ddeċidejt li ninżel Malta. Wieħed kollega tiegħi li kien ilu jixtieq iżur pajjiżna sab ix-xoqqa f’ moxtha u ġie jqatta’ erbat ijiem magħna. Bejni u bejn ruħi ħsibt li jkun jaqbel għalija wkoll jekk bis-saħħa tiegħu nagħmel jumejn vaganzi f’ pajjiżna. Wasal il jum li kellu jasal Malta dan il-kollega u mort nilqgħu l-ajruport u minn hemm ħadtu l-Birgu fejn baqa’ għall-ħamest ijiem li dam f’ artna. Inzerta li dan it-tali jħobb jiġbed ir-ritratti u nista’ ngħid li ma setax isib żmien aħjar biex jiġbed veduti sbieħ ta’ din il-blata f nofs ta’ baħar.
Bdejna d-dawra tagħna billi mill-Birgu nżilna l-Kalkara għal Bigħi, ir-Rinella u wara sa Wied Għammieq. Xi ġmiel! It-temp kompla jiffavorina, temp tar-rebbiegħa. Dawra ma’ parti mill-Port il-Kbir, bil-mixi. Osservajna n-natura imħallta mal-istorja, swar, baħar, xagħri. Mal-ewwel jum ta’ Antonio f’ Malta ħassejtni li kont jien it-turist għax bdjet nara kemm hawn x wieħed jara, bdejt ninduna kemm drabi għaddejt minn dawn il-postijiet, u forsi għax imdorri fihom ma tajtx każ tas-sbuħija tagħom. L-għada morna ġurnata r-Rabat, l-Imdina u Ħad Dingli. U sieħbi jistaqsini u jin inwieġbu mill-aħjar li nista’ u nipprova nqalleb fil-maħżen tal-memorja biex niftakar id-dati u l-ġrajjiet li għaddew minn fuq din l-art ħelwa tagħna.

Lil dan sieħbi kont ilu ngħidu li kemm-il darba jiġi Malta jkun irid iżur Għawdex ukoll. It-tielet jum tiegħu magħna għaddejnieh fil-gżira tat-tliet għoljiet. Ridt li mmur kullimkien barra l-postijiet li soltu jieħdu fihom lit-turisti, jew tal-inqas ma ridtx immur f’ dawk il-postijiet mimlija ħwienet u xejn iżjed. Dorna ċ-Ċittadella u r-Rabat, inżilna d-Dwejra, Ħondoq ir-Rummien u Għajnsielem. Xi ġmiel joffri Għawdex fix-Xitwa! Ilum it-temp ma tantx kein favur tagħna, imma b daqshekk ma ħassarna xejn mill-programm li kellna, anzi kważi x-xita nieżla u l-mewġ iħabbat max-xtajta u mal-blat aħrax tad-dwejra offrew ambjent mhux tas-soltu għar-ritratti li beda jiġbed sieħbi.
Ma setax jonqos li niddedikaw ġurnata għall-Belt Kapitali. Il-Barrakka ta’ Fuq, il-barrakka ta’ Isfel, Il-Ġnien ta’ Hastings dornihom sewwa, wara ħadna kafe u biċċa prinjolata billi kien il-karnival. Indunajt kemm anke fejn jidħol ikel u ħelu aħna l-Maltin għandna tradizzjoni tagħna li t-turist japprezza u jkun tajjeb jekk noffruhielu. Dorna xi knejjes fil-Belt u nżilna ħdejn il-breakwater. Jien li bdejt miexi quddiem kultant bdejt nieqaf undur lura u nilmaħ lil sieħbi lura, wieqaf jiġbed ir-ritratti. Mill-Belt qbadna karozza tal-linja li ħaditna dawra ma’ tas-Sliema max-xatt, għal Baħar iċ-Ċagħaq sa Buġibba. Inżilna Buġibba u ħajjartu nagħmlu żewġ  passi imma r-riħ qawwi li ħakem lil artna dakinahr ma ppermettielniex għax bzajt li r-riħ ikaxkar lil Antonio ghax dan jiżebn bejn wieħed u ieħor in-nofs tal-piż tiegħi. Lura lejn il-Birgu qbadna karozza li għaddietna mill-Mosta u l-Imdina.

Min ikun fotografu kullimkien isib fejn jiġbed xi ritratt sabiħ. L-għada telaq lejn l-Italja, imma bil-ħsieb li jerġa jiġi.

Ikolli nammetti li anke jien għamilt ħamest ijiem ta’ turist f’ pajjiżi. Apprezzajt ħafna dak li għandna. Spiss jiġri li tant nidraw l-affarijiet li jkunu madwarna li ma napprezzawhomx. L-isptes skif jiġri lili meta ngħaddi minn quddiem il-Vatikan u ma nagħtix każ daqslikieku nkun għaddej minn quddiem kappella fil-kampanja.

L-għada Antonio bagħtli xi ritratti li kien ħa Malta. L-album li kienu fihom semmieh Malta ti porto nel cuore! Malta inġorrok f’ qalbi! Kemm tgħallimt minnu!

Fr. Reno Muscat OP

In-Nazzjon 14 ta' Marzu 2013


giovedì 7 marzo 2013

Evoluzjoni fil-mod ta’ kif inħallsu


Għadni niftakar ċar li qrib id-dar tal-ġenituri tiegħi kien hemm ħanut tal-merċa. M’ilux xi mitt sena dan li qiegħed insemmi imma riesaq sewwa lejn in-nofs seklu. Dan il-ħanut kien ta’ waħda jisimha Karmena li ovvjament kulħadd kien jafha b’ Karmena tal-ħanut. Kultant kont immur b’ xi qadja f dan il-ħanut, b’ ommi toħroġ fuq il-bankina sabiex tarani sejjer u tarani ġej lura. Il-ħanut ma kienx imbiegħed aktar minn mitt pass mid-dar u għalhekk kont nista’ mmur fih filwaqt li nibqa’ taħt ħarset ommi. Dak iż-żmien forsi kelli ħames jew sitt snin, mhux iktar żgur. Ma’ kull qadja li kont nagħmel kont ningħata sold li bih kont nixtri erba’ ħelwiet. Kien ħelu li konna nsejħulu “tas-sold erbgħa”. Kien ħelu ċkejken u artab togħma ta’ larinġ

Meta niftakar f’ fatti bħal dan li semmejt nintebaħ kemm ikun għadda żmien. U maż-żmien li jkun għadda aħna nkunu nbdilna. Madwarna wkoll ikunu inbidlu bosta ħwejjeġ li għandna mnejn lanqas nintebħu bihom. Per eżempju mix-xena li ppruvajt inwassal f’ l-ewwel paragrafu ta’ dan l-artiklu inbidel tista’ tgħid kollox: Jien mal-ħames jew sitt snin li kelli żdieduli erbgħin oħra, il-ħanut tal-merċa sar garage, il-ħelu li tant kont inħobb ma għadux jeżisti, ma nafx jekk sid il-ħanut għadiex magħna jew le u l-munita ta’ dak iż-żmien inbidlet għal darba tnejn.

money.jpgIl-qalba mis-soldi, sikspensijiet (six pence) u x-xelini għas-sistema deċimali niftakarha. Niftakar wieħed xwejjaħ fuq iż-żuntier tal-knisja jgħid li Alla huwa kontra d-deċimali u favur is-sistma l-antika għax kieku Ġesù ma kienx jagħżel tnax-il appostlu imma għaxra. Ma kienitx faċli li tgħallem is-sistema deċimali lil popolazzjoni li minn dejjem kellha sistema fejn tnax-il sold jagħmlu xelin u għoxrin xelin jagħmlu lira. Imma biż-żmien id-deċimali ndraw ukoll minkejja li termini bħal tmintax irbgħi jew ħames xelini bqajna nisimgħuhom spiss. Il-bidla għall-ewro ġabet inqas inkwiet għax is-sistema hija deċimali wkoll.
Soldi, ċenteżmi jew ewro. L-aqwa li jċekċku fil-but, l-aqwa li dak li nixtiequ nixtruh. Imma matul iż-żmien inbidel ukoll il-mod kif inġorru l-flus fuqna. Il-plastic money ħadet post il-munita u l-karti tal-flus. Komda l-plastic money, tmur xi mkien u tħallas biha, tixtri biha minn fuq l-internet u jekk ikollok bżonn il-flus kontanti f’ idejk sempliċiment issib ATM u tiġbed kemm teħtieġ. Imma l-bniedem ma jieqaf qatt joħlom u joħloq mezzi ġodda biex ħajjitna ssir aktar faċli. Jekk il-plastic money ħadet ħafna minn dak li kien tal-flus kontanti, fil-futur qrib il-ħlasijiet sejrin ikunu jistgħu jibdew isiru b’ mod aktar faċli u mingħajr użu tal-plastic money.

It-tekonoloġija qegħda tiżviluppa dik li tissejjaħ in-Near Field Comunication (NFC). Din is-sistema taħdem billi l-cash register tal-ħanut li fih inkun qiegħed nixtri ikun ikkomunikat mal-internet. L-istess ikun it-telefon ċellulari tiegħi li jkollu wkoll is-sistema NFC. Il-cash register jibgħat messaġġ bl-ammont lill-mowbajl tiegħi u jiena kemm naċċetta l-kont. Dak it-total jiġi mnaqqas mill-kont tal-bank tiegħi u jiġi mdaħħal fil-kont tal-ħanut. Il-vantaġġ ta’ din is-sistema huwa li anke ammonti żgħar ħafna li normalment wieħed ma jħallashom bil-credit card, jkunu jistgħu jitħallsu bla nkwiet ta’ xejn. Dan kollu jnaqqas il-flus kontanti mill-idejn.
Qrajt li din is-sena din is-sistema sejra iġġib fix-xejn il-flus kontanti u l-plastic money. Naħseb li hija esegerazzjoni, imma llum jew għada hemm irridu naslu. Fil-fatt il-manifatturi l-kbar tal-mowbajls diġa qegħdin jipproduċu mudelli li għandhom it-tekonoloġija NFC imdaħħla fihom. Bil-mod li qegħdin jinbidlu l-affarijiet fid-dinja tal-lum, ħaġa bħal din tfisser li ma ndumux ma naffaċċjaw din il-bidla.

Lanqas nimmaġinani sejjer għand Karmena tal-ħanut għal xi qadja u minflok flus nieħu l-mowbajl miegħi! Insomma dak iż-żmien ma kienx hawn mowbajls. Imma fi ċkuniti ma konniex nimmaġinaw ħafna affarijiet li llum drajniehom u kważi kważi lanqas ngħaddu mingħajrhom, sistemi li saru parti integrali mill-ħajja ta’ kuljum.

Fr Reno Muscat OP

In-Nazzjon 7 ta' Marzu 2013



lunedì 4 marzo 2013

Ġojjelli ta’ arti u storja fil-belt ta’ Napli


Meta wieħed ikun qiegħed idur il-belt ta’ Napli bla ma jrid jintebaħ bl-għadd ta’ knejjes li jinstabu f’ din il-belt antika u sabiħa. Forsi wieħed jistaqsi kif f’ Napli insibu dawn il-knejjes kollha. Tajjeb niftakru li għal bosta snin dinil-belt keinet imperu. Ma rridux naħsbu fuq Napli u fuq l Italja tal-lum imma rridu nġibu quddiem għajnejna is-sitwazzjoni qabel l-unifikazzjoni tal-Italja, fl-1861, meta allura Napli kienet il-kapitali tar-renju taż-żewġ Sqalliji, (Regno delle Due Sicilie). F’ din il-belt kapitali bosta ordnijiet reliġjużi kif ukoll id-djoċesi ħasbu biex jibnu knejjes sbieħ u jimlewhom bl-aqwa opri tal-arti. Illum dawn il-knejjes huma ġojjelli ta’ arti li jirrakkuntaw ukoll storja glorjuża. Ejjew naraw ftit xi wħud mill-aktar knejjes popolari li nsibu f’ din il-belt meraviljuża, knejejs li għenu sabiex din il-parti tal-belt issir wirt tal-umanità, iddikjarata mill-UNESCO fl-1995.
Duomo tà Napli
Ma nistgħux nibdew jekk ma nsemmux lil San Ġennaro u d-duomo iddedikat lilu sewwasew fiċ-ċentru tal-belt. Biex ngħidu s-sewwa dan il-kattidral huwa ddeidikat lill-Assunta imma l-ebda Naplitan ma jgħidlek dan għax kulħadd jafu bħala d-duomo ta’ San Ġennaro. Dan il-kattedral huwa mibni fuq il-fdalijiet ta’ żewġ knejjes qodma u nbena fis-seklu telttax. Mibarra il-bosta opri artistiċi li nsibu hawnhekk insemmu biss il-kappella ta’ San Ġennaro fejn insibu bosta opri tal-arti kemm bħala pittura kif ukoll bħala skultura fil-fidda. F’ din il-kappella hemm mizmuma l-aktar relikwija għażiża għan-Naplitani, l-urna bid-demm ta’ San Ġennaro li kull kull l-ewwel sibt ta’ Mejju u fid-19 ta’ Settembru waqt li jiġi esebit lill-pubbliku. Meta dan id-demm ma jdubx in-Naplitani jemmnu li jkun ġej l-inkwiet fuq belthom. Faċċata tan il-kappella insibu kappella oħra sabiħa fejn fiha hemm il-fdal ta’ santa Restituta. F’ danil-kattedral hemm ukoll l-oqbra tal-Papa Innoċenż IV u tas-Sultan Karlu l-ewwel ta’ Napli.
Mhux bogħod wisq mill-kattedral insibu il-Knisja ta’ San Paolo Maggiore. Din hija knisja barokka mibnija fuq il-fdal ta’ tempju pagan iddedikat lil Dioskuri. Fl-1538 din il-knisja għaddiet f’idejn it-Teatini, ordni ta’ kanoniċi regulari imwaqqfa minn San Gejtanu. Dawn bnew mill-ġdid din il-knisja fil-forma li għandha llum. Din il-knisja inlaqtet mill-bombi tal-allejati fl-1943. Dakinhar intilfu bosta freski antiki u minkejja li l-knisja reġgħet imbniet il-ħsara artistika mitlufa hija waħda irreparabbli. Xorta waħda għad fadal fiha bosta opri tal-arti li mhxu ta min jitlef l-okkażjoi li jarahom. Taħt din il-knisja insibu l-kripta sabiħa li fiħa il-fdal ta’ San Gejtanu. Il-qabar huwa tal-irħam abjad mill-isbaħ. F’ din il-kripta jista wkoll isir quddies fuq il-qabar ta’ dan il-qaddis.
San Domenico Maggiore
Quddiem San Paolo Maggiore insibu il-Bażilika ta’ San Lorenzo Maggiore. Hija knisja sabiħa li mhux ta’ min ma jżuriex. L-istil arkitettoniku tagħha huwa wieħed xi ftit differenti mill-knejjes l-oħra li semmejna sa issa imma hemm biċċiet ta’ arti rinaxximentali li jkun dnub li wieħed jgħaddi minn hemm bla ma jarahom.
Mhux bogħod wisq insibu il-bażilika ta’ San Domenico Maggiore. Din hija waħda mill-aktr knejjes importanti mill-punt storiku u artistiku. Hija knisja kbira ħafna u fiha għadd ta’ kappelli laterali. F’ kappelal minnhom insibu is-salib li jingħad li kelelm lil San Tumas ta’ Akwinu. Is-saqaf tal-knisja huwa tal-injam u għandu stil tassew sabiħ. Fis-sagristija tal-knisja insibu l-fdalijiet tas-sovrani aragoniżi. Interessanti l-fatt li f’ din is-sagristija insibu midfun lil Richard Luke Concanen, l-ewwel isqof kattoliku ta’ New York. iL-knisj ahija msebbħa b’ għadd kbir ta’ opri artistiċi.
Gesu Nuovo
Qrib ħafna ta’ San Domenico insibu il-kappella magħrufa bħala ta’ Sansevero. F’ din il-kappella barokka insibu numru kbir ta’ opri artistiċi fosthom skultura fl-irħam. Ma nistgħux ma nsemmux l-istatwa ta’ Cristo velato. Minkejja ċ-ċokon tal-kappella l-għadd ta’ opri artistiċi huwa kbir ħafna.
Qrib ukoll insibu il-knisja ta’ Santa Kjara, knisja gotika li jmiss magħha għandha kjostru mill-isbaħ li ta’ min iżuru. Ftit passi bogħod insibu il-knsija Del Gesu Nuovo. Knisja kbira u sabiha iddedikata lit-Trinità imma magħrufa bħala Gesu Nuovo. Hija knisja kbira mimlija skultura, pittura u opri oħra tal-arti. L-irħam intarzjat li nsibu f’ din il-knisja jixhed b’liema devozzjoni keinu jzommu id-dar ta’ Alla in-Naplitani. F’ din il-knisja insibu l-fdalijiet ta’ San Giuseppe Moscati, it-tabib qaddis. Insibu wkoll mużew dwar dan il-qaddis ta’ żmienna.
Ma nistgħux imħallu barra il-knisja ta’ San Franġisk ta’ Paola. Din il-knisja tagħmel parti mill-palazz irjali li jinsab sewwasew quddiem il-Knisja fi Paizza Plebbiscito. Din il-knisja neoklassika inbniet mir-re Federiku l-ewwel bħala ħajr lil dan il-qaddis talli reġa ġa f’ idejh ir-renju. Hija mibnija forma tonda u l-koppla tagħha hija għolja 53 metru. Fiha jsiru bosta tiġijiet u jekk wieħed ikun ixxutjat biżżejjed jista jekk ikun hemm xi tieġ jidħol iżurha.
Għamilma mixja ta’ mhux aktar min kilometru u nofs, jew tnejn, imma dakli żorna ħadna lura sekli sħaħ. Dawn huma ġojjelli ta’ arti u storja. Kull pass li wieħed jagħmel f’ dan il-knejjes ikun qiegħed jgħix l-istorja. Kull fejn taqa’ ħarstu ssib xi opra li warajha minn  jaf kemm-il storja, kemm-il- leġġenda, kemm-il wegħda hemm moħbija warajha. Napli, il-belt li darba kienet il-kapitali ta’ imperu llum għadha tista’ tiftaħar li għandha dawn il-ġojjelli ta’ storja u arti, ġojjeli li l-kliem ma jistax ifissirhom u l-kitba tista’ tnaqsilhom mill-glorja tagħhom għax huma wisq sbieħ biex tiddeskrivihom.

Fr. Reno Muscat OP