giovedì 30 maggio 2013

“Il dottorino”

Alessandro Siani
It-Taljani għandhom ħabta jużaw id-diminuttiv biex juru li ħadu grazzja ma’ xi ħaġa. Mata oġġett jintogħġob minflok caro  jsejħulu carino, jew minflok bello jiġi bellino. Jekk tinzerta tkun Milan din il-ħaġa tosservaha iktar u iktar. Hemmehkk triq issir stradina, id issir manina, u l-omm issir mammina. B’ mod satiriku jsemmi din il-ħaġa l-artist Naplitan Alessandro Siani, fil-film Benvenuti al Nord. Huwa jistaqsi: allura jekk hawnhekk kollox tiggustaw u kollox issejħu fid-diminuttiv, għalfejn il-capuccino imbagħad issejħulu capuccio? Botta ħelwa li turi l-mod satiriku li t-Taljani tan-Nofsinhar jattakkaw lil ħuthom tat-Tramuntana.

Quddiem ir-Rai 2
Minkejja li ma kontx Malta, nhar it-18 ta’ Mejju li għadda, filgħaxija twaħħalt mat-televiżjoni sabiex insegwi il-festival Eurovision. Naħseb li dan l-avveniment huwa l-aktar wieħed li jirnexxielu jgħaqqad lill-Maltin. Inkunu fejn inkunu u nkunu ma’ min inkunu inħossuna fid-dmir li nagħtu l-appoġġ tagħna lil dak l-ambaxxatur li għal 3 minuti jkun qiegħed jirrapreżenta lil kull wieħed u waħda minna l-Maltin.
Intfajt quddiem it-televizjoni mixgħul fuq ir-Rai 2, biex l-ewwel ħaġa nsegwi l-festival u t-tieni ħaġa biex x’ ħin jidher in-numru tat-telefon li fuqu nkun jista’ nivvota lill-art twelidi nkun minn tal-ewwel li nagħmel dan. Sa mill-bidu nett intbaħt bil-mod li l-kummentaturi Taljani bdew jirreferu għar-rapreżentant Malti, Gianluca Bezzina. Sa mill-ewwel kumment tagħhom qalu li kien l-aktar wiċċ simpatiku fost il-kompetituri kollha. Matul il-programm kollu kull meta ssemma Gianluca jew issemmiet Malta dejjem intuża kliem ta’ tifħir u ta’ stima. M’inix sejjer noqgħod ngħid kull ma ntqal għax naf żgur li hemm bosta Maltin oħra li segwew dan l-avveniment fuq l-istess stazzjon li segwejtu jien. Waqt il-votazzjoni il-kummentatur irrefera għal Gianluca bħala “il dottorino.” Uża id-diminuttiv. Għall-ebda kantant jew kantanta oħra ma jidhirli li intużat din il-forma ta’ lingwaġġ. Minn dan jidher li t-Taljani ħadu grazzja ma’ Dr Bezzina kif ukoll mad-diska tiegħu. Ir-riżultat ħareġ fid-deher għax pajjiżna kien premjat b’ vot għoli mill-poplu ġar tagħna.

Blokk mediterranju
Waqt il-votazzjoni, bħal kull sena, spikkat is-simpatija bejn il-ġirien. Il-pajjiżi eks Sovjetiċi qassmu l-voti tagħhom lil xulxin. Il-pajjiżi nordiċi għamlu l-istess. Dan ma huwiex xi sigriet, dil-ħaġa kulħadd jaf biha u rajnieha kull sena u nibqgħu narawha sakemm idum isir dan il-festival. Wieħed mill-kummentaturi tal-istazzjon Taljan li kont qiegħed insegwi qajjem dan il-punt fil-kollegament tiegħu u qal li jkun jaqbel li jinħoloq blokk ta’ pajjiżi mediterranji biex jivvutaw lil xulxin. Spanja, Franza, l-Italja, Malta, l-Albanija, il-Montenegro, is-Slovenja, il-Kroazja, Ċipru, il-Greċja u Iżrael huma kollha pajjiżi mediterranji li jieħdu sehem f’dan il-festival u jekk jingħaqdu bejniethom għandhom mnejn jirnexxielhom irebbħuh lil xi ħadd minnhom. Imma din l-istrateġija ma tkunx tigarantixxi li l-aħjar diska tirbaħ. Jiġifieri nibqgħu fejn aħna.

Festival ta’ spettaklu
Din l-attività anwali hija fuq kollox waħda ta’ spettaklu u ta’ trasmissjoni televiżiva. Matul is-snin kien hemm bidliet fir-regoli u ’l quddiem għandu mnejn isiru aktar bidliet. Illum li waqgħu l-fruntieri bejn il-pajjiżi Ewropej, illum li nitkellmu fuq Ewropa waħda ma baqax żmien li noħolqu blokki, imma huwa żmien ta’ ftehim u kompromessi.
Il-kummentaturi Taljani instemgħu ħerqana li pajjiżhom xi darba jerġa’ jkun il-pajjiż li jospita dan il-festival. U ngħiduha kif inhi, aħna ma nixtiequx ukoll? Apparti mill-problemi li jistgħu jinħolqu jekk Malta, in-nanna fl-Eurovision skont il-kummentaturi tar-Rai 2, għad xi darba takwista l-ewwel post, żgur li ntiru bil-ferħ.

Festival ta’ għaqda
Il-motto tal-Unjoni Ewropea huwa “Magħqudin fid-diversità”. B’ dan il-motto f’ moħħi ġieni ħsieb li nixtieq naqsmu magħkom. Min jaf kieku l-festival Eurovision jibda jsir bejn żewġ pajjiżi flimkien, bejn pajjiż li jospitah u l-pajjiż rebbieħ tas-sena ta’ qabel. Jiġifieri issir lista tal-pajjiżi interessati li jorganizzaw dan il-festival u flimkien mar-rebbieħa jorganizzaw il-festival tas-sena ta’ wara, mhux fil-pajjiż li jkun rebaħ imma fil-pajjiż li jkun imiss skont il-lista. B’ hekk żewġ kulturi differenti u għandu mnejn anke imbegħda minn xulxin ikunu jistgħu joħolqu festival ta’ għaqda u diversità. Immaġinaw ftuħ ta’ festival bejn Malta u n-Noveġja, jew bejn l-Italja u l-Ingilterra.
Gianluca Bezzina, L-aktar wiċċ simpatiku fl-Eurovision 2013

Fuq widnejn torox?
Għandu mnejn dan is-suġġeriment tiegħi diġa sar qabel. Għandu mnejn għadu ma sarx, għandu mnejn jaqa’ fuq widnejn torox u għandu mnejn jinstama’. Tajjeb li min huwa nkarigat jaħseb ftit fuq dan is-suġġeriment. Il-kumitat organizzattiv tal-festival kanzunetta għall-Ewropa, il-ministeru tal-kultura, il-kunsill Malti tal-kultura u arti, il-membri parlamentari Ewropej ta’ Malta, kollha jistgħu jagħtu palata għaliex le? Moviment jinbet bejn żewġ persuni, minn taħdita. Xrara nar tista’ tqabbad ħuġġieġa kbira. Hemm xi ħadd lest iqabbad din ix-xrara nar?

Bdejt bid-dottorino u xieraq intemmu bih ukoll. Prosit u grazzi Dr Bezzina, kburin bik bħalma konna kburin b’ dawk kollha li marru jirrapreżentawna qablek. Grazzi u prosit ukoll lil dawk kollha li b’ xi mod kellhom sehem f’ din l-attività li tant nsitennew b’ ħerqa aħna l-Maltin.


Fr Reno Muscat OP
In-Nazzjon 30 ta' Mejju 2013


giovedì 23 maggio 2013

X' jiswa li jkollok televiżjoni jekk imbagħad ma jkollokx dawl?


Kont qiegħed naqra ktieb u fih sibt fatt interessanti li nixtieq naqsmu magħkom. F’ raħal tas-sajjieda fi Sri Lanka la kien hemm dawl, la ilma u lanqas toroq asfaltati, kien fi ftit kliem raħal minsi mid-dinja. Xi ħadd tefa’ għajnejh fuq dan ir-raħal u beda jwassal blokki kbar tas-silġ lejn dan il-post. B’ hekk is-sajjieda setgħu jbiegħu l-ħut tagħhom lil hinn mir-raħal, setgħu jistadu aktar u l-ħut li jaqbdu jbigħuh fiċ-ċentru tal-pajjiż li huwa mbiegħed sew minn raħalhom u mingħajr is-silġ il-ħut tagħom jilħaq jinten sakemm jasal. B’ dan il-mod is-sajjieda bdew jaqilgħu aktar, biddlu d-dagħajjes tagħhom u x-xbieki tagħhom bdew ikunu tan-nylon. Insomma immodernizzaw. La kiber il-bejgħ bla dubju kiber ukoll il-qliegħ u kien hemm xi sajjieda li mill-faqar, mhux li ngħidu stagħanew, imma bdew jaqilgħuha tajjeb. Il-bejgħ tal-ħut u x-xiri ta’ makkinarju aktar modern laqqa’ lil xi sajjieda ma’ dinja li ma kienux jafu biha qabel. Kien hemm xi wħud minnhom li wara li ħallsu l-fregatina ġdida tagħhom u wara li x-xbiek kien kollu tan-nylon, kellhom biżżejjed flus biex jixtru televiżjoni. U hekk għamlu, xtraw televiżjoni. Il-problema kienet li fir-raħal tagħhom ma kienx hemm dawl. [i]
Il-fatt li xtraw televiżjoni kien juri l-istat tagħhom, l-istatus tagħhom. Issa ma baqgħux jaqilgħuha u jiekluha kif kienu qabel, issa saru jistgħu jagħmlu xi kapriċċ. Dan il-fatt fakkarni fil-kummiedja kapolavur tal-mibki Charles Clews, It-tieġ ta’ Karmena Abdilla. Jgħidu li l-atturi xi kultant kienu jżidu l-versi minn moħħom sabiex ikompli jżidu mal-komiċità tal-kummiedja. L-ewwel darba li rajtha, madwar 35 sena ilu, niftakar lil Karmena Abdilla, parti maħduma mill-mibkija Ġemma Portelli, tgħid li dawk ta’ faċċata xtraw televiżjoni, allura hi qabdet lil Paċifku tagħha jwaħħal kanna fuq il-bejt u filgħaxija fetħu t-tieqa u qagħdu jidħqu sabiex ta’ faċċata jaħsbu li anke huma kellhom televiżjoni. Dan il-fatt juri li t-televiżjoni jagħtina status. Tal-inqas dak iż-żmien kien jagħti status.

Illum ma għadniex inqisu aktar li min għandu televiżjoni għandu status. Dan l-apparat sar parti mill-għamara li ssib f’ kull dar. Mhux hekk biss, illum ma għadniex nargumentaw fuq liema programm sejrin naraw għax fi djarna sar għandna aktar minn televiżjoni wieħed u għalhekk fl-istess ħin ir-raġel jista’ jara l-partita tal-futbol u l-mara tista ssegwi is-sitcom jew is-soap opera favorita u b’ hekk nevitaw il-ġlied u l-gdiedem.

L-istatus ta’ dak li jkun illum ma għadux marbut mat-televiżjoni imma niżbaljaw jekk naħsbu li lllum kulħadd għandu l-istess status. Kultant ilkoll kemm aħhna nagħmlu bħal Karmena Abdilla. L-istatus tagħna isakkarna f’ dik li s-soċologu Max Weber isejjaħ “il-gaġġa tal-azzar” . Nixtiequ noħorġu minnha imma iżżommha ġewwa. L-istatus u l-immaġini ilkoll kemm aħna nibżgħu għalihom.

Illum kulħadd bil-mowbajl fil-but. Imma jkollna nammettu li hemm mowbajl u mowbajl. Jekk noħorġu u mmorru f’ ħanut tal-ikel, jekk ikollna mowbajl ta’ erba’ soldi, dan jibqa’ fil-but, imma jekk ikollna smartphone jispiċċa fuq il-mejda mal-pożati, il-platti u s-srievet. Forsi dan ma jindikax l-istatus tagħna? Nemmen li bosta drabi dan ma jsirx bi ksuħat jew biex wieħed juri li huwa aqwa minn ħaddieħor, imma jsir bla ħsieb, iżda juri l-istatus tagħna.

L-istess ngħidu għal ħaġa aktar sempliċi. Jekk xi ħadd ikun liebes nuċċali tax-xemx tad-ditta, meta jkun fid-dell jew meta jibda jidlam, in-nuċċali ma jmurx fil-kaxxa tiegħu imma jitla’ fuq il-moħħ. Jekk ikun nuċċali tal-ebda valur bosta drabi meta ma jintużax jitpoġġa fil-kaxxa, imma għax in-nuċċali jkun tad-ditta jagħtina status. U x’ differenza hemm bejn arloġġ tal-idejn li jiswa ftit ewro u ieħor li jiswa eluf ta’ ewro? Juruna l-istess ħin imma l-arloġġ li jiswa ħafna jagħtina ċertu status.

Hemm min jipprova jagħmel minn kollox biex jgħolli l-istatus tiegħu, u dan huwa l-ħażin meta wieħed jipprova jagħmel pass ikbar milli jiflaħ jagħmel. Ikollna nammettu li lkoll nixtiequ ntejbu l-qagħada tagħna u jkun ħażin meta wieħed ma jippruvax jimxi ’l quddiem.  Il-ħażin huwa meta wieħed jilbes żarbun akbar milli għandu jilbes.

F’ dawn il-każi nkunu qegħdin nagħmlu l-istess bħal Karmena Abdilla, nippruvaw nipproġettaw immaġini tagħna nfusna li hija ‘l fuq minn dik l-immaġini li tabilħaqq tappartjeni lilna. Hemm min jagħmel dan bla ma jinduna imma hemm min jagħmel minn kollox biex jipprova jidher ta’ status ogħla f’ għajnejn in-nies. L-istess bħas-sajjieda tar-raħal fi Sri Lanka. X’ jiswa li kellhom it-televiżjoni fid-dar jekk imbagħad ma kellhomx dak li bih jaħdem. Kif qatt setgħu jaraw programm televiżiv ġewwa darhom jekk ma kellhomx dawl?

Fr Reno Muscat 

In-Nazzjon 23 ta' Mejju 2013







[i] Roger Silverstone, Televisione e vita quotidiana, Il Mulino, Bologna, 1994, p. 137

giovedì 16 maggio 2013

Luteru u t-Torri ta’ Bormla


Il-qari fost il-Maltin


Meta Martin Luteru qaleb il-Bibbja għall-Ġermaniż, u kienet ippubblikata fl-1522, kellha impatt kbir kemm fuq il-Knisja kif ukoll fuq l-ilsien u l-kultura Ġermaniża. Issa kull min kien jaf jaqra kien jista’ jkollu kopja tal-Bibbja u jaqraha bl-aktar mod sempliċi u jifhimha għax kienet miktuba bi kliem li kien juża kuljum. Kuntrarjament għal-Latin li ħlief il-kjreriċi ma kienux jifhmuh. Il-Konċilju ta’ Trento li sar wara l-firda tal-Luterani mill-Knisja ta’ Ruma (1545 – 1563) tkellem dwar il-ħsieb li jiġi intordott il-vernikular, l-ilsien tal-post, fil-liturġija. Il-problema kienet li issa n-nies ma kienux sejrin jagħmlu differenza bejn il-Knisja Luterana u l-Knisja Kattolika jekk it-tnejn jużaw l-istess lingwa fil-liturġija tagħhom. Għalhekk baqa’ kollox kif kien, kollox bil-Latin u kellhom jgħaddu 400 sena biex saret il-bidla l-kbira tal-Konċilju Vatikan II (1962 – 1965).
.
Il-pajjiżi Luterani kellhom il-Bibbja fid-djar tagħhom u bis-saħħa ta’ dan bosta tgħallmu jaqraw. Il-Knisja Kattolika żammet il-Latin imma l-poplu tar-rit Latin ma tgħallimx il-lingwa li biha kienet issir il-liturġija. Min jaf kemm taħwid u ereżijiet intqalu bla ma ħadd induna. U min qalhom ma kellu l-ebda tort għax la ma kienx qiegħed jifhem ma tistax tlumu li jħawwad. Niftakar lill-bużnanna tiegħi wara r-rużarju tgħid il-litanija tal-Madonna bil-Latin. Ta’ tifel żgħir qatt ma stajt nifhem x’ kellu x’ jaqsam it-torri ta’ Bormla mal-litanija u t-talb l-ieħor li kienet tgħid. Kbirt u ndunajt waħdi li mhux ‘Torri ta’ Bormla’ riedet tgħid il-bużnanna imma ‘Turris Eburnea’ li tfisser ‘Torri tal-Avorju’. Imma l-bużnanna, u dawk kollha li kienu jgħidu bħalha, fejn kienu jafu msieken? Din waħda biss, min jaf kemm hemm oħrajn!

Dan l-aħħar qrajt li minn stħarriġ li sar dwar il-qari, fost 45 pajjiż, Malta ġiet il-35 post. Ma tanx huwa awgurju sabiħ. Ghad li m’aħniex fil-qiegħ nett xorta ta’ min jinkwieta. Pajjiż li ma jaqrax jinqata’ mir-realtà, ma jkunx jaf x’qiegħed jiġri la madwaru u inqas w inqas lil hinn minnu. Barra minn hekk, poplu li ma jħarriġx l-ilsien tiegħu jitilfu. Biżżejjed tara kummenti ta’ bosta Maltin li jiktbu fuq social network. Grammatika ma teżistix, l-għajn tilfet postha, akka saret ħaġa tal-imgħoddi u l-ie ndaħħluha meta niftakru fiha. Dan kollu juri nuqqas ta’ qari, nuqqas ta’ taħriġ. M’iniex ngħid li kulħadd għandu jkun kittieb tal-Malti perfett, imma tal-anqas kulħadd għandu jkollu il-bażi. Tassew li xi kliem fl-ilsien tagħna mhux faċli tiftakar kif jinkiteb għax ikun fih l-għajn jew l-akka. Imma naraw żbalji redikoli li jistgħu jiġu evitati bi ftit aktar attenzjoni. Araw il-bosta posters li jitwaħħlu fil-knejjes Maltin. Parti kbira minnhom ikunu mimlijin żbalji.

Jekk in-natura tagħna ma tgħiniex biex naqraw, nemmen li lanqas għandna l-meżżi meħtieġa biex nirbħu dan in-nuqqas. Id-dar ta’ ommi niftakar kien hemm żewġ kotba jisimgħhom ‘Ġabra ta’ Ward’. Dawn kienu il-kotba li fuqhom kienu jistudjaw il-Malti ommi u missieri meta kienu għadhom tfal tal-iskola. Kont nitgħaxxaq naqra xi ħaġa minnhon, u nistqarr li jekk jiġu f’ idejja issa ma niddejjaq xejn nerġa’ naqra xi ħaġa minnhom. Qrajtha kemm-il darba ‘Ir-rebħa ta’ Pupull’. Ġaħan kont narah simpatiku minkejja li qatel il-flieles ta’ ommu u għadni nimmaġinah sal-lum jiġbed i-bieb tar-remissa ta’ ommu warajh mid-dar sal-knisja. Naqrahom kemm naqrahom ma kont nixba qatt u kont kull darba donni nistenna tmiem ġdid minkejja li l-istorja kont inkun nafha. Min studja fuq il-kotba ‘Ġabra ta’ Ward’ jew min bħali qrahom jaf xi rrid ngħid. Min qatt ma sema’ bihom ikolli ngħid li tilef biċċa mill-folklor ta’ pajjiżna.
Illum kemm qegħdin insibu materjal li nieħdu gost naqrawh? Tassew li l-ħin liberu naqas u għalhekk naqas il-ħin li fih nistgħu naqraw. Il-mezzi ta’ komunikazzjoni komplew serqulna mill-ħin ħieles tagħna b’ detriment li spiċċajna ma naqraw xejn. Imma kemm taqbilħaqq għandna kotba ta’ mogħdija taż-żmien? Fejn spiċċa Fra Mudest u kemm ilhom li mietu Kunċett u Marinton? Wenzu u Rożi għadhom jiġġieldu u l-Kappillan ma għadux fl-istess parroċċa? (Għall-benefiċċju ta’ min ma fehmx min huma dawn il-personaġġi ngħid li Fra Mudest huwa karattru maħluq minn Charles Casha, Kunċett u Marinton huma karattri maħluqin minn Trevor Zahra, Wenzu u Rozi kopja xiħa li kiteb il-praspar tagħha Ġorġ Zammit u l-Kappillan kien karattru maħluq minn Tusè Costa.) Dawn kienu kotba li konna naqraw fi ċkuniti. Illum ma nafx għadhomx jinqraw.

Tajjeb li wieħed jaħseb fuq dan il-punt. Tajjeb ukoll li min hu kompetenti jippromwovi l-kitbiet bil-Malti, imma liż-żgħar tagħna rridu nagħtuhom għodda li ma jiddejqux juzawha. Bħal Luteru, għax kien reliġjuż huwa ta l-għodda reliġjuża lin-nies ta’ pajjiżu, liema għodda dak i­ż-żmien kienet tintuża mill-poplu bl-akbar entużjażmu. Ta’ min jerġa’ jrawwem l-imħabba lejn il-qari tal-Malti għax jekk nibqgħu sejrin hekk it-torri ta’ Bormla ser jispiċċa agħar mit-torri ta’ Babel. Għodda għandna, trid biss lil min isinnha, ejjew insinnuha!

Fr Reno Muscat OP
In-Nazzjon 16 ta' Mejju 2013


giovedì 2 maggio 2013

Id-dar


Mhux biss il-ħitan u s-saqaf!


Iddur kemm iddur, tmur fejn tmur, illum jew għada lejn id-dar trid terġa’ tmur. Din il-ħaġa tiġini f’ moħħi kull meta nkun qiegħed nirritorna lejn Malta wara żmien li nkun imsiefer. Naħseb fiha aktar meta niltaqa’ ma xi persuna li tkun irritornat lura Malta minn xi pajjiż li tkun emergrat fih bosta snin qabel. Għax id-dar ma ssib imkien bħalha. Mhux id-dar tal-ġebel biss, il-pajjiż li tkun twelidt u trabbejt fih jibqa’ dejjem darek.

Għandu mnejn li l-ħaġa li tiġbidna lejn darna hija l-għadqa, il-ġabra tal-familja. Ħadd ma huwa maħluq biex jgħix waħdu. Il-bniedem maħluq biex jikkomunika mal-oħrajn u din il-komunikazzjoni ssir aktar intima jekk dawk li nikkomunikaw magħhom ikunu familjari tagħna, ħbieb tagħna, persuni li magħhom nieħdu gost, nies li l-kumpanija tagħhom timliena bil-ferħ.

Is-subborgi
Qabel ma bdew jinħolqu is-subborgi kienu jeżistu bliet u rħula. Bir-rivoluzzjoni industrijali u bil-mezzi tat-trasport in-nies ħarġet mill-belt u marret toqgħod fis-subborg. In-nies tal-kampanja ma baqgħetx issib wisq xogħol fir-raba għax il-makkinarju beda jagħmel xogħolha u għalhekk hija wkoll ħalliet l-għodda tar-raba, ħalliet l-għorfa u fittxet dar fis-subborg. Forsi f’ Malta ma tantx kellna effett ta’ dan iċ-ċaqlieq, imma lanqas nistgħu ngħidu li ma sarx ċaqlieq. Bosta snin wara r-rivoluzzjoni industrijali, f’ Malta  inbnew għadd ta’ fabbriki u lukandi li lkoll huma mbiegħda mid-dar tal-ħaddiema li jaħdmu fihom. Dan huwa effett ċkejken meta mqabbel mal-effett li kien hemm f’ pajjiżi kbar fejn id-distanzi ma humiex ta’ ftit kilometri imma ta’ ftit mijiet ta’ kilometri.
Wieħed mill-akbar effetti li ġabet magħhom r-rivoluzzjoni industrijali kien iċ-ċaqlieq tal-massa mill-kampanja lejn is-subborgi, sewwasew kif isemmieh Karl Marx. Dan l-awtur jgħid li l-urbanizzazzjoni toħloq soċjetà ta’ massa u ta’ folla li tisfaxxa l-għaqda tal-familja. Huwa jgħid li issa l-ħaddiem ma għadux imur l-għalqa jew fil-ħanut tax-xogħol tiegħu  u martu tmur miegħu u tieħu lill-uliedha magħhom. Issa t-tfal ma għadhomx jaraw lill-missierhom jaħdem ir-raba jew jinċana l-fallakki jew jagħti bil-mazza fuq l-inkwina. Issa l-familja ma għadiex tinġabar flimkien biex tiekol għax waqt ħin l-ikel kulħadd ikun fuq xogħolu, imbiegħed mill-membri l-oħra tal-familja.

Jackob Hackert u Dun Karm
Il-Ħsad tal-qamħ tal-artist Hackert
Dan il-ħsieb marksita dejjem ifakkarni fil-pittura ta’ Jackob P. Hackert li hemm fil-palazz irjali ta’ Caserta fl-Italja. Dan il-kwadru, li jġib l-isem “Il-Ħsad tal-qamħ” juri bosta ħaddiema fir-raba jaħsdu l-qamħ u taħt tinda magħmula minn liżar kbir hemm in-nisa tal-bdiewa kif ukoll xi tfal iħarsu. Ifakakrni wkoll fil-poeżija ta’ Dun Karm Psaila: “Żjara lil Ġesù”. Silta minn din il-poeżija tgħid:




Ftakart fik żmien ħelu,
Meta kont għadni f’ dar missieri
U mejda waħda kienet tiġborna lkoll f’ rabta ta’ mħabba,
Lili, lil ħuti u ’l dawk li nissluna,
Imma l-aktar fik j’ omm . . . . . . .

Tant din il-poeżija nara fiha sens profond li fil-mewt ta’ ommi ridt li fuq is-santa tagħha jkun hemm miktub silta minnha, fost oħrajn din is-silta li semmejt hawn fuq.

Identità
Fil-kitba tal-poeta nazzjonali naraw il-ħsieb tal-mejda li tiġbor il-familja. Id-dar tal-missier u l-mejda tal-omm. Din il-poeżija nkitbet fl-1915, dawk iż-żminijiet il-belt jew  ir-raħal Malti kien għadu mhux biss l-espressjoni arkitettonika jew spażjali imma forma distinata tas-soċjetà.  Jekk kont ngħid “Jien Belti” (biex inġib eżempju – għax fil-verità jien minn Ħal Qormi!) kienet tfisser bil-wisq aktar milli twelidt u ngħix il-Belt Valletta. Kienet (u f’ ċertu sens għadha) tfisser “Jien uniku”, jien m’inix Furjaniz jew Ħamruniz jew minn xi pajjiż ieħor. Kienet tagħti identità. Tfisser jiena kantun mill-istruttura tal-belt, jiena wieħed mill-ħafna li nifformaw dak li aħna. Kien żmien meta x-xogħol tal-missier kien għajn ewlenija tal-għejxien tal-familja filwaqt li l-omm kienet tehda żżomm id-dar nadifa xummiema u trabbi lill-uliedha fl-akbar għożża u mħabba; l-omm kienet is-sultana tad-dar. Marx twieled kważi mitt sena qabel ma Dun Karm kiteb il-poeżija li semmejt, sewwasew sebgħa u disgħin sena u miet fl-1883, tnax il-sena wara li twieled il-poeta Żebbuġi. Hackert miet disa’ snin qabel ma twieled Marx. Qatt ma ltaqgħu imma sa ċertu punt ħasbu l-istess ħaġa fuq il-familja. L-artist pitter dak li kien jara spiss, għadnu mnejn hu stess kien imur fl-għelieqi fi żmien il-ħsad. Is-saċerdot kien qiegħed jiftakar fiż-żmien l-imgħoddi, żmien tfulitu li issa ma għadiex iktar għax kiber. Il-filosfu mill-Prussja semma l-familja li ma għadiex tinġabar flimkien minħabba l-progress.

Dinja sub urbana
Illum Malta laħqet ir-ritmu ta’ pajjiżi kbar u f’pajjiżna wkoll insibu d-dinja sub urbana li minkejja li ma hijiex l-istess bħal dik li nsibu fi bliet kbar, xorta ħalla l-effett tiegħu fuq id-dar Maltija. Illum ftit huma dawk li għandhom il-ħanut tax-xogħol tagħhom imiss mad-dar u għalhekk ftit huma dawk li f’ nofsinhar jagħlqu l-bieb u jmorru jieklu xi ħaġa d-dar. U min jaħdem bogħod mid-dar u għandu l-mezzi biex imur jew ma jkollux ħin biżżejjed jew inkella ma jkun hemm ħadd id-dar waqt il-ħin li jieqaf mix-xogħol biex jieħu biċċa ħobż.

Il-vantaġġ ta’ pajjiżna huwa ċ-ċokon tiegħu. Tal-anqas wara ġurnata xogħol kulħadd jista’ jerġa lura lejn daru. Matul dawn l-aħħar snin li ilni ngħix barra minn Malta iltqajt ma bosta li jdumu ma jmorru jaraw lill-familjari tagħhom xhur sħaħ. Għand ikollegi li iżuru lill-familja tagħhom fil-Milied u fl-Għid. Aħna minkejja t-tibdil soċjali kollu għadna ngawdu minn dik il-ħaġa li tgħaqqadna, għadna ninġabru d-dar.

Fr. Reno Muscat OP

In-Nazzjon 2 ta' Mejju 2013