giovedì 22 agosto 2013

Ħin ħieles

Aktarx li matul ix-xhur tas-sajf dak li jkun ifittex iktar li joħroġ mid-dar u jsib xi post fejn ikun jista’ jqatta’ xi ftit ħin, fejn jgħaddi l-ħin liberu tiegħu. Imma mhux kulħadd għandu ħin għalih innifsu. Qabel kont tisma’ min jgħidlek li kien qiegħed jagħmel xi biċċa xogħol biex jgħaddi siegħa żmien jew biex joqtol il-ħin jew biex jehda. Illum aktar nisimgħu min jgħid li ma għandux ħin. Imma b’ xorti tajba għad hemm min għad għandu ħin liberu u jużah sewwa.

Volontarjat
Minkejja li dan il-qasam ma huwiex marbut max-xhur tas-sajf, imma t-temp ikun jippermetti li jsiru aktar attivitajiet ta’ ħidma volontarja b’ risq għaqdiet filantropiċi, soċjali jew oħrajn. Isiru għadd ta’ maratoni b’ għanijiet nobbli. U min jorganizza dawn il-maratoni? L-organizzaturi huma bosta drabi volontiera li jaħdmu mill-qalb fil-ħin ħieles tagħhom sabiex l-attività li jkunu sejrin jorganizzaw tkun suċċess u tħalli l-frott mixtieq. Ħafna mix-xogħol ikun sar qabel, bla ma jidher, fil-ħin liberu tal-volontiera u bla ebda daqq ta’ trombi. Dan huwa mod ta’ kif xi wħud jgħaddu l-ħin ħieles tagħhom.

Safar
Illum daħlet sewwa d-drawwa li l-postijiet tax-xogħol jagħlqu għal ġimgħatejn fis-sajf. Is-Shut down sar mistenni minn ħafna u ħafna ħaddiema. Dawn il-jiem hemm min ikun qiegħed jistenniehom sabiex jagħmel xi safra barra minn Malta. Illum il-ġurnata is-safar sar iktar faċli minn qatt qabel. Tista’ tippjana minn qabel il-ġita tiegħek, fejn trid iżur, fi x’ħin titlaq u fi x’ħin terġa lura, xi tmur iżżur u nsomma tista’ tlesti kollox minn fuq l-internet. Hemm imbagħad dawk li jippreferu jingħaqdu ma xi grupp għal ġita organizzata minn agenzija.

Jien nara differenza kbira bejn is-safar tal-Maltin u s-safar tat-Taljani. Qiegħed insemmi t-Taljani għax magħhom ngħix għaxar xhur mis-sena u ġieli mort vaganzi magħhom. Aħna nippreferu nduru u niskopru bliet, mużewijiet u dak kollu li toffri l-art li nkunu qegħdin inżuru. Għandi l-impressjoni li t-Taljani iktar iħobbu jitnikkru meta jkunu msiefrin. Iqumu tard, jieħdu kolazzjon twil u jibdew argument fuq dik u fuq l-oħra sakemm isir il-ħin għall-pranzu. Filgħaxija jippreferu jsibu post bilqegħda f’ xi pjazza jew ma’ xatt il-baħar milli joqgħodu jimxu. Ma nistax niġġeneralizza, imma sħabi Taljani hekk jagħmlu. Aħna l-Maltin inħobbu nduru aktar.

Sport
Is-sajf jista’ jkun ukoll żmien fejn fil-ħin liberu wieħed jipprattika xi sport. Minkejja li xi attivitajiet sportivi jieqfu fix-xhur tas-sajf minħabba s-sħana hemm sport ieħor li jsir f’ dan iż-żmien. Tajjeb li wieħed jieħu l-opportunita’ u jipprattika xi tip ta’ sport matul il-ħin liberu tas-sajf. U jekk wieħed jibda fis-sajf ikun jista jkomplu wkoll wara.

Fit-toroq Maltin
Kont qiegħed fit-tieqa ta’ kamarti, fil-kunvent tal-Birgu. Barra t-triq kien hemm attivita’ sħiħa. Kienet għaddiet il-festa ta’ San Lawrenz u kienet riesqa l-festa ta’ San Duminku. Grupp ta’ żgħażagħ kien qiegħed iżarma l-armar tal-festa għax issa kienet għaddiet u grupp ieħor kien qiegħed jarma għall-festa li riesqa. Kemm xogħol jagħmlu fil-ħin ħieles tagħhom dawn it-talin! Kemm sigħat mill-ħin liberu tagħhom jgħaddu dawn iż-żgħażagħ u adulti matul is-sena kollha sabiex fil-ġimgħa tal-festa jsebbħu t-toroq tal-belt jew raħal tagħhom. U hawn ma nistgħux ma nsemmux il-baned. Kemm bandisti jipprattikaw matul is-sena kollha u fis-sajf ipaxxuna bin-noti tal-marċi? Tassew li hemm bandisti li jitħallsu tas-servizz li jagħtu, imma żgur li bosta minnhom iktar jaraw il-gost li jagħtu u li jieħdu milli dawk il-ftit ewro li jaqilgħu wara tant sigħat ta’ daqq.

L-Etika tal-loisir

Fl-ambjent soċjoloġiku niltaqgħu mal-hekk imsejħa etika tal-loisir. Il-loisir huwa ħin ta’ svog, il-ħin fejn wieħed jagħmel xi ħaġa għalih innifsu. Dan ma huwiex ħin moħli imma ħin tagħna li ħaddieħor tefa’ għajnejh fuqu. Din it-teorija ħareġ biha il-filosofu Edgar Morin. Huwa jgħidilna li llum il-ħin liberu tagħna huwa mmexxi mill-konsumiżmu. Il-konsumiżmu joffrilna attivitajiet għall-ħin liberu tagħna, joffrilna logħob li jew joħdilna mill-ħin ta’ xi attività oħra jew jimlielna l-ħin liberu tagħna. Fl-aħħar mill-aħħar l-iskop ta’ min joffrilna dan id-divettiment huwa li jaqla’ xi ħaġa tal-flus. Din hija l-etika tal-konsumiżmu u din hija l-etika tal-loisir. Araw ftit kemm ikun hemm persuni jistennew tal-linja u joħorġu l-mowbajl u jibdew jilgħabu xi logħba fuqu. Jekk wieħed ikollu smartphone aktarx jidħol fl-internet sakemm tiġi tal-linja. Wieħed għandu mnejn ikompli jilgħab anke fuq tal-linja sakemm jasal fejn għadnu jasal.  Din hija l-etika tal-loisir fil-prattika. Sakemm bniedem qiegħed jistenna li jasal xi mkien jokkupa ruħu b’ xi ħaġa, u minn din il-ħaġa jkun hemm min jagħmel il-qliegħ. F’ dan il-każ il-qliegħ huwa mifhum għall-fatt li bniedem ikun xtara l-mowbajl u jekk jaqbad l-internet ikun qiegħed iħallas tas-servizz.
Anke fejn jidħlu l-vaganzi din l-etika saret tilgħab parti mportant. Illum qegħdin inkunu offerti vaganzi li minflok ma jagħtuna ħin ta’ mistrieħ joffrulna attività 24 siegħa kuljum sebat ijiem fil-ġimgħa. Fejn qabel konna mmorru vaganzi biex nistrieħu llum irridu żmien ta’ mistrieħ wara li niġu lura mill-vaganzi. Il-konsumiżmu u l-etika tal-loisir dak li huma!

Kemm hu tabilħaqq  ħin ħieles?
Issib min jgħidlek li b’ dawn l-argumenti nispiċċaw li mhux tassew li l-bniedem għandu ħin ħieles għax persuna tkun marbuta ma’ attività li tokkupalha l-ħin li suppost ikun iddedikat għaliha stess. Fil-fatt mhux hekk. Ix-xogħol ta’ volontarjat, is-safar, l-isport, ix-xogħol għall-festi Maltin u dak kollu li jsir fil-ħin ħieles tagħna ma għandux jorbotna, ma għandux iġibna skjavi tiegħu imma għandu jservina biex inbiddlu ftit mir-rutina ta’ kuljum, għandu jservina biex fih nirrilassaw.


Fr. Reno Muscat OP

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon tat-22 ta' Awwissu 2013



domenica 18 agosto 2013

San Domenico in Soriano

Ġenna Dumnikana fl-Italja ta’ isfel

Għandi bosta tikfiriet sbieħ ta’ dan il-post mitluf fix-xagħri tal-Calabria, imma l-aktar ħaġa li bqajt niftakar huwa l-kliem li qalli wieħed patri Dumnikan, xwejjaħ fiż-żmien imma żagħżugħ fil-qalb: <<Bologna hemm il-ġisem ta’ Duminku; f’Soriano għandna l-ispirtu – f’Soriano Duminku għadu ħaj”>>.

Qbadt il-ferrovija ma’ Fra Vincenzo minn Napli. Kien għadu kmieni filgħodu. Vjaġġ ta’ madwar erba’ sigħat. Fl-ewwel waqfa tal-ferrovija telgħet mara li kellha biljett li l-post immarkat fuqu kien l-istess ta’ Fra Vincenzo. U iva, hemm postijiet vojta kemm trid u billi tibdel il-post mhux sejra taqa’ d-dinja! F’kull sazzjon li waqafna fih bdew telgħin aktar u aktar nies. Ħriġna mir-reġjun ta’ Campania u dħalna f’ dak ta’ Basilicata. Ġew jikkontrollaw il-biljetti –problema – il-biljetti tagħna kienu doppji. Kien żball min-naħa tal-gabbana tal-biljetti. Mhux sejrin ninżlu hawn żgur – ma tarax! Baqa’ aktar minn siegħa u nofs oħra biex naslu. U issa l-vagun kien mimli kollu! Bit-tajjeb u l-ħażin irranġajna u bqajna bilqegħda fejn konna. Ħallejna l-Basilicata u dħalna fil-Calabria.

Il-ferrovija waqfet fl-istazzjon ta’ Paola – le le mhux Raħal Ġdid! Kienu bosta dawk li niżlu f’dan l-istazzjon. Hawnhekk insibu devozzjoni lejn San Franġisk, mhux dak ta’ Assisi imma San Franġisk ta’ Paola. Dan il-qaddis twieled propju hawnhekk fl-1416; hawn devozzjoni kbira lejh imxerrda mal-Calabria kollha. Bosta minn dawk il-Kalabriżi li jisimhom Francesco huma msemmijin għal dan il-qaddis mir-reġjun tagħhom. Tisfira twila dwiet fl-arja, ingħalqu mill-ġdid il-bibien tal-vaguni u komplejna triqitna.

F’ Soriano ma hemmx stazzjon tal-ferrovija. Għandha xorti tasal tal-linja aħseb u ara l-ferrovija! Waqafna fl-istazzjon ta’ Vibo Valentia. Inżilna, ħriġna mill-istazzjon u sibna lis-superjur tal-kunvent ta’ Soriano jistenniena. Irkibna u tlaqna. F’inqas minn nofs siegħa sibna ruħna Soriano.

ritratt 1.jpg
Il-kwadru mirakoluż li nsibu f’ Soriano 
Aktarx li l-ewwel kunvent tal-Patrijiet Dumnikani f’dan il-post infetaħ fl-1510. Kien ċertu patri Dumnikan minn Catanzaro, pajjiż fil-Calabria wkoll, bl-isem ta’ Vincenzo li waqqaf dan il-kunvent. Jingħad li madwar għoxrin sena wara l-komunità tal-patrijiet kibret mhux ħażin. Ta’ kull filgħodu kmieni l-fra tal-kunvent, Fra Lorenzo minn Grotteria, raħal qrib Reggio Calabria, kien jinżel fil-kor tal-knisja tal-kunvent sabiex jixgħel ix-xemgħat u jlesti għall-matutin. Ta’ min iżomm f moħħu li l-matutin kien talb li l-komunità kienet tgħid flimkien għall-ħabta tat-tlieta ta’ filgħodu. Lejl minnhom waqt li kien qiegħed bħas-soltu jagħmel dax-xogħol, daħlet waħda mara fil-knisja u staqsietu jekk f’dik il-knisja kienex hemm xbieha ta’ San Duminku. Il-fra qalilha li ma kienx hemm, u tabilħaqq ma kienx hemm, u kompla fuq xogħolu bla ma ħabbel rasu min kienet dik il-mara misterjuża. Jingħad li l-għada dik il-mara marret mill-ġdid fil-knisja ta’ Soriano, din id-darba kellha magħha żewġ nisa oħra. Il-mara sejħet lill-fra u tatu f’idu romblu li x’ħin fetħu sab li kienet pittura ta’ San Duminku. Il-qaddis jidher libes l-abitu abjad bil-kappa sewda, kif normalmet ikun rappreżentat fl-arti. Jidher wieqaf u f’ idu tal-lemin qiegħed iżomm ktieb filwaqt li f’dik tax-xellug naraw ġilju abjad. Id-daqs ta’ din il-pittura huwa ta’ 125 ċentimetru b’198 ċentimetru.

Il-fra għadda dik il-pittura lill-patrijiet, li dawn min-naħa tagħhom riedu jkunu jafu x’kif u x’fatta. Kellmu lill-fra, staqsewh elf mistoqsija u l-povru fra qalilhom dak kollu li ra. Mid-deskrizzjoni li tahom kien konkluż li dik il-mara ma kienet ħadd ħlief l-Imqaddsa Marija u ż­-żewġ nisa l-oħra li kellha magħha kienu Santa Marija Maddalena u Santa Katarina ta’ Lixxandra, iż-żewġ qaddisin prottetturi tal-Ordni tal-Predikaturi. Dan il-fatt seħħ fil-lejl ta’ bejn l-14 u l-15 ta’ Settembru, 1530. Sal-lum fil-15 ta’ Settembru f’Soriano għadha tkun iċċelebrata l-festa ta’ San Duminku.[1]
Fdal tal-knisja u l-kunvent ta' San Duminku f’ Soriano
Il-kunvent ta’ Soriano donnu għandu xortiħ ħażina. Huwa ġġarraf f’terremot li seħħ fl-1659, imma l-patrijiet reġgħu bnewh mill-ġdid. Din id-darba l-kunvent inbena f’forma monumentali taħt it-tmexxija tal-Patri Dumnikan Bonaventura Presti li kien ukoll arkitett. Fl-1783 reġgħet messitu l-istess xorti. Terremot ieħor waqqa’ l-kunvent u l-knisja tad-Dumnikani. Biss din id-darba la l-knisja u lanqas il-kunvent ma reġgħu nbnewh. Dak li kien baqa’ wieqaf wara dan it-terremot għadna nistgħu narawh sal-lum. Fadal biss il-fadal ta’ wieħed mill-kjostri u l-faċċata barokka tal-knisja. Il-kunvent ta’ Soriano Calabro kien wieħed kbir ħafna, biss biss kien fih ħames kjostri u knisja kbira ħafna. Fl-1866 bis-sopressjoni tal-ġid tal-ordnijiet, dan il-kunvent ittieħed minn idejn il-patrijiet Dumnikani. Kien fl-14 ta’ Lulju, 1942 li l-patrijiet reġgħu lura fil-kunvent ta’ Soriano Calabro. Illum il-parti waħdanija li kien fadal mill-kunvent hija f’idejn il-kunsill lokali u fiha librerija kif ukoll sala li fiha jsiru bosta wirjiet. Dawk li darba kienu ċ-ċelel tal-patrijiet illum huma uffiċini tal-kunsill lokali. Imma n-nuqqas ta’ aktar minn ħamsa u sebgħin sena ta’ preżenza tad-Dumnikani minn dan il-post ma tefiex il-fjamma tad-devozzjoni u l-imħabba lejn il-qaddis Duminku.

Il-knisja li nsibu llum, ovvjament iddedikata lil San Duminku, ma nbnietx fil-post fejn kien hemm il-knisja l-qadima imma minflok wieħed mill-kjostri. Fil-fdal tal-knisja l-qadima llum għadhom isiru xi attivitajiet kulturali u reliġjużi – dejjem jekk it-temp ikun jippermetti għax din hija knisja bla saqaf. Il-kunvent li fih tgħix il-komunità Dumnikana llum huwa wieħed żgħir ħafna. U l-kwadru ta’ San Duminku x’ sar minnu? Il-kwadru għadu jinstab fil-knisja. Jinsab fuq l-altar maġġur u quddiemu hemm prospettiva tal-bronż indurata bid-deheb. Il-kwadru ma jidhirx jekk il-bieba tal-bronż li hemm quddiemu ma tkunx miftuħa. Din il-bieba saret biex tipproteġi t-tila mill-ħsara li tista’ ssirlu bl-elementi tan-natura. [2]

Il-k wadru ta’ San Duminku ta’ Soriano fl-ermitaġġ ta’ 
San Pietruburgu r-Russja. (Pedro  A. Boccanegra c 1660)
Ix-xbieha ta’ San Domenico in Soriano saret waħda devozzjonali u dlonk bdiet tinfirex mal-Italja u mal-pajjiżi fejn kien hemm il-preżenza tal-patrijiet Dumnikani jew tal-inqas id-devozzjoni lejn il-qaddis. Bdejna nsibu pittura li tirrappreżenta lil San Domenico in Soriano. Xi xbiehat juru lil San Duminku kif jidher fit-tila oriġinali u xi pitturi oħra juru lill-Madonna tippreżenta t-tila lil Fra Lorenzo, filwaqt li f’oħrajn jidhru wkoll Santa Marija Maddalena u Santa Katerian ta’ Lixxandra. Fl-Italja nsibu xbiehat ta’ San Domenico in Soriano fl-ibliet ta’ Bari, Benevento, Bologna, Bolzano, Brindisi, Catania, Firenze, Ġenova, Lecce, Lucca, Napli, Palermo, Parma, Pesaro, Prato, Reggio Calabria, Ruma, Savona, Siena, u Vercelli. L-Awstrija, Franza, il-Belġju, il-Ġermanja, il-Kroazja, il-Messiku, il-Peru, il-Polonja, il-Portugall, ir-Repubblika Ċeka, ir-Russja, Spanja u fl-aħħar u mhux l-inqas Malta wkoll għandhom xbieħat ta’ San Domenico in Soriano. Xbieha fuq dik ta’ Soriano, jiġifieri mingħajr il-figuri tal-Madonna, tal-qaddisin nisa jew ta’ Fra Lorenzo, insibuha fil-knisja tal-kunvent tal-patrijiet Dumnikani tar-Rabat, xogħol tal-Isqalli Giuseppe Ragazzo.[3] Ta’ min jgħid ukoll li qabel ma l-bombi qerrieda tat-tieni gwerra dinjija waqqgħu l-knisja tal-Lunzjata tal-Birgu, fiha kellna l-artal ta’ San Duminku ta’ Soriano.

L-artal ta' San Duminku ta' Soriano,
fil-knisja l-qadima tal-Luzjata, il-Birgu
Soriano baqa’ raħal ċkejken minkejja l-mijiet ta’ snin li ilu jeżisti. In-numru ta’ nies li joqgħodu fih ma jaqbiżx it-tlett elef. Bħala attrazzjoni prinċipali nsibu bla dubju l-fdalijiet tal-knisja u l-kunvent tad-Dumnikani. Bħala festi jsiru bla ebda dubju dik ta’ San Domenico in Soriano fil-15 ta’ Settembru imma fit-8 ta’ Awwissu jkun iċċelebrat ukoll San Duminku. Fil-11 ta’ Novembru ssir il-festa ta’ San Martin filwaqt li fl-Għid il-kbir issir purċissjoni bl-istatwi ta’ Kristu, l-Madonna u San Ġwann Battista.

Bħal kull parti oħra tal-Italja, f’Soriano insibu l-ikel tipiku tal-post. Tgħaddi minn quddiem id-djar u xxomm riħa ta’ ikel taqsamlek qalbek! Forsi għax jien żaqqieq? Ma nafx imma naf li l-kċina tal-Calabria hija waħda li toffri tjubija li mhux faċli tfissirha bil-kitba. Jekk tkun tħobb l-ikel pikanti hawn issib il-ġenna . . . . jew aħjar l-infern għax il-bżar aħmar tal-Calabria jaħraq daqs in-nar tal-infern. Qrib dan ir-raħal hemm irħula oħra li daqsu huma nteressanti: Sorianello, raħal mill-isbaħ li tista’ tmur għalih minn Soriano anke bil-mixi. Ftit aktar imbiegħed hemm Serra San Bruno, bl-abatija taċ-Ċertosini (patrijiet tal-klawsura) mibnija fl-1095. Din l-abatija hija d-dar ta’ bosta partijiet minn diversi partijiet tad-dinja. It-triq bejn Soriano u Serra San Bruno tgħaddi minn bosk. Kien hawnhekk li l-ewwel darba f’ħajti rajt volpi. Ma kontx nimmaġina li dan l-annimal għadu jinstab tant qrib ta’ pajjiżna. Donnu kelb baxx b’denb oħxon. Pizzo Calabro, post fejn il-baħar fejn issib ġelat tant tajjeb li wara l-ewwel wieħed ma toqgħodx jekk ma dduqx it-tieni, u jekk tinsa l-kaloriji tieħu t-tielet ukoll!

Imma mhux bilfors toħroġ barra mir-raħal. Il-Knisja u l-bitħa tal-kunvent ta’ San Duminku joffru l-ħajja għal Soriano Calabro. Fil-knisja spiss isiru programmi u kunċerti mużikali, filwaqt li l-bitħa tal-kunvent spiss tkun il-post fejn wieħed jgħaddi siegħa jgħid kelma mal-ħbieb. Jekk wieħed ikun ixxurtjat biżżejjed għandu mnejn jinzerta lil xi ħadd bil-kitarra. Lejl minnhom inzertajt lil Domenico, żagħżugħ ferrieħi u fuq tiegħu, bil-kitarra, li dawwar miegħu għadd ta’  nies u beda jkanta kanzunetti tipiċi tal-Calabria. Niftakru fost oħrajn ikanta Lu Maritiello ta’ Tony Santagata – Vino, vino eccolo qua, vino vino e tira campa’!

Imma f’qalb kull raħħal jew raħħala, żagħżugħ jew żagħżugħa, tifel jew tifla hemm imħabba qawwija lejn San Duminku. Kulħadd ikellmek dwar il-festa li jagħmlulu, kulħadd jgħidlek kemm iħobbuh lill-qaddis patrun tagħhom Duminku. Tinduna bl-imħabba li għandhom lejn il-qaddis għax għajnejhom jixgħelu x’ħin isemmuh. Jgħidulek kemm pelleġrinaġġi jiġu biex iżuru l-knisja tagħhom. U tabiħaqq jaslu ħafna u ħafna pelleġrinaġġi hawnhekk. Kemm kien qalli sewwa Patri Michele Miele O.P.: <<Bologna hemm il-ġisem ta’ Duminku; f’Soriano għandna l-ispirtu – f’Soriano Duminku għadu ħaj”>>. Fil-ftit jiem li qattajt ġewwa Soriano Calabro nista’ ngħid li għandu raġun mija fil-mija.

Fr. Reno Muscat OP


Dan l-artiklu deher fil-Programm tal-Festa San Duminku Birgu 2013



[1] Calcara G., San Domenico in Soriano, Monteleone, Palermo, 2004, pp. 26-27.
[2] Milella O. (ed), I domenicani in Calabria. Storia e architettura dal XV al XVIII secolo, Gangemi, Napoli, 2004, pp 143-145.
[3] Fasadi M., Il-Madonna tal-Għar, Pubblikazzjoni Dumnikani, Rabat, 1980, p. 20.

giovedì 15 agosto 2013

Il-Malti – Identità Tagħna.



Ħaġa li spiss inħobb nagħmel hija li niftaħ il-Bibbja bla ma noqgħod infittex u naqra dak li jkun hemm fil-paġna ta’ quddiemi. M’ ilux ftaħt il-Bibbja u bdejt naqra silta mill-Evanġelju ta’ San Luqa fejn Ġesu jaqra fis-sinagoga. Moħħi malajr ġera bija u bdejt naħseb dwar il-lingwa li Ġesu kien juża biex jitkellem kif ukoll jaqra. Dlonk ġie f’ moħħi l-kliem li kien qalli wieħed patri, li l-ilsien tagħna jixbaħ ferm lil dak li kien jitkellem Ġesu.

U moħħi mar aktar il bogħod u ndunajt kemm aħna fortunati li għandna l-ilsien tagħna. Ikollna nammettu li ilsienna jaqdi biss lilna. Ma tmur imkien fid-dinja fejn tista’ tinqeda bl-ilsien Malti. Iżda xorta waħda għandna ngħożżuh għax huwa parti mportanti mill-identità tagħna. Minkejja li l-Malti huwa lsien mitkellem minn ftit eluf, illum sab postu ma’ ilsna uffiċċjali oħra ta’ l-Unjoni Ewropeja. Dan il-fatt ikompli jsaħħaħ il-punt li ilsien art twelidna huwa lsien ħaj.

Iżda aħna kemm napprezzawh? Ma nistax ngħid li ma hawnx min iħobb tabilħaqq il-Malti u jitkellmu u jiktbu sewwa. M’ inix ngħid għal nies bħal Dun Karm li qalilna“ Għalfejn tarmieh l-ilsien li tatek ommok?” għax dan il-kliem inkiteb fi żmien meta l-ilsien Malti kien għaddej minn tbatija kbira minħabba l-kwistjoni tal-lingwa. Qiegħed ngħid għal nies li għadhom magħna bħal Kilin, (illum mejjet) li sa minn ċkuniti niftakru jikteb artikli sabiex ilsienna jinkiteb u jiġi mitkellem tajjeb. F’ moħħi jiġi wkoll is-Sur Anthony Mercieca, (miet ftit jeim ilu) għalliem tal-Malti għal bosta snin, li fuq kelma Maltija waħda kapaċi jagħtik lezzjoni tal-grammatika. Ma’ dawn hemm bosta oħrajn li jinpenjaw irwieħom sabiex l-ilsien Malti mhux biss ma jmutx iżda jibqa’ miexi ‘l quddiem.

Biss sfortunatament il-mezzi ta’ komunikazzjoni moderni qegħdin ikissru l-grammatika ta’ lsienna. Rari tirċievi Sms b’ Malti miktub tajjeb. Mhux qed ngħid għall-ħ bis-sink fuq rasha jew għall-ġ, iċ-ċ u ż-ż bit-tikka, għax dawn ma jeżistux f’ telfon ċellulari, iżda għal kliem li minħabba l-għaġla jinkiteb ħażin. Sirna neliminaw l-għajn u l-akka u l-ie biex inħaffu. Kliem bħal dawn tarhom ukoll jekk tidħol f’xi chat room Maltija. Il-Konsegwenza ta’ dan kollu huwa li meta niġu biex niktbuinkunu drajna naqtgħu fil-qasir u nispiċċaw biex niktbu ħażin.

Meta tkompli taħseb ma tieħux bi kbira l-ammont ta' żgħażagħ li ma jgħaddux mill-matsec tal-Malti. Naf li l-awtoritajiet huma konxji ta’ din is-sitwazzjoni. U la semmejtil-matsec, tajjeb ngħid li smajt li r-riżultati ta’ din is-sena fil-Malti kienu aħjar minn ta’ dawn l-aħħar snin. Nispera li jibqgħu sejrin hekk għax dan juri li qegħdin nibżgħugħal ilsienna li huwa wieħed mill-pilastri fundamentali ta’ l-identità tagħna l-Maltin.

Br. Reno Muscat O.P.
22 ta' Settembru 2005

Mur bigħ kulma għandek

Fl-Evanġelju skont San Mattew (Mt 19, 16-22), f’ dak skont San Mark (Mk 10, 17-22) f’ dak skont  San Luqa (Lq 18, 18-23) insibu l-ġrajja ta’ dak iż-żagħżugħ għani li staqsa lil Ġesù x’ kellu jagħmel biex jidħol fis-saltna tas-sema. It-tweġiba ta’ Ġesù nafuha. It-tliet Evanġelji Sinottiċi jgħidulna li Ġesù qallu “mur bigħ li għandek u agħtih  lill-fqar.” Bosta drabi din is-silta mill-Evanġelju tintuża minn dawk li jkunu jridu jattakkaw lill-Knisja Kattolika u bosta drabi ħafna jaqgħu fin-nassa tagħhom u jemmnuhom bla ma jkunu jafu sewwa l-fatti.

L-għana tal-Knisja
Il-Kattidral ta' Malta
Ma nistgħux niċħdu li l-Knisja Kattolika għandha partimonju kbir ħafna, patrimonji li jammonta għal ammont ta’ flus mhux ħażin. Imma ma rridux ninsew ukoll li hija istituzzjoni li għadha kważi elfejn sena. F’ elfejn sena inħolqu teżori kbar li llum nistgħu narawhom fi knejjes jew f’mużewijiet madwar id-dinja. Ħadd ma għandu jistgħaġeb b’ dan ghax anke persuna li tgħix sebgħin jew tmemin sena normalment ikollha il-partimonju tagħha, aħseb u ara x’ patrimonju jinbena f’ elfejn sena.

Tajjeb niftakru wkoll li l-Knisja bosta drabi kienet imċaħħda minn dak li huwa tagħha. Napuljun kull fejn mar kien iżarma l-knejjes. Dan seħħ anke f’ pajjiżna. Per eżempju s-sett tal-istatwi tal-appostli li naraw fil-mużew tal-Kattidral tal-Imdina u li jintramaw fuq l-altar maġġur fil-festi prinċipali jirrakkontaw storja li ta’ min ikun jafha. Dawk oriġinarjament kienu tal-Knisja Konventwali ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta. Is-Suldati Franċiżi ħaduhom u xtrahom mingħandhom il-Kapitlu tal-Kattidral. Meta l-istess suldati waslu biex jaraw x’ kien hemm jgħodd għalihom ġewwa l-Imdina reġgħu riedu dak is-sett ta’ statwi u għat-tieni darba l-kapitlu ħallas għalihom. Inxtraw dabtejn. Bis-saħħa ta’ hekk għadna nistgħu ngawdu dawn l-opri. Kieku ma kienx hekk min jaf fejn spiċċaw.

Il-mużew tal-Vatikan
Jekk tkun Ruma u mill-pjazza san Pietru u timxi mas-swar tal-belt tal-Vatikan, lejn Piazza Risorgimento u tibqa’ sejjer sa Viale Vaticano issib bieb kbir li fuqu hemm miktub Musei Vaticani. Fis-sewwa hawnhekk insibu numru ta’ mużewijiet, wieħed imiss mal-ieħor u meta wieħed jidħol minn dan il-bieb li semmejna jkun jista’ jżur dawn il-mużewijiet kollha.

Hawnhekk insibu ġabra ta’ opri artistiċi, forsi waħda mill-ikbar tad-dinja. Din hija ġabra ta’ opri li jew kienu mogħtija lill-Papiet matul is-snin jew opri li kkummissjonaw il-Papiet stess. Il-mużew jaf il-bidu tiegħu fis-seklu XVI. Kien il-Papa Ġulju II (1503 – 1513) li beda dan il-mużew. Nistgħu ngħidu li l-kollezzjoni bdiet billi kienet akkwistata l-iskultura fl-irħam ta’ Lakonte u wliedu, li skont il-mitoloġija Griega kien saċerdot li  pprova jikkonvinċi lin-nies ta’ Trojja biex ma jdaħħlux iż-żiemel tal-injam li ħallewlhom il-Ġrieġi. Din l-istatwa kienet instabet fl-14 ta’ Jannar, 1506 qrib il-bażilika ta’ Santa Maria Maggiore, ġewwa Ruma. Il-Papa Ġulju II kien bagħat lil Giuliano da Sangallo u lil Michelangelo Buonarroti, li kienu qegħdin jaħdmu fil-Vatikan, sabiex jeżaminaw din is-sejba. Bla telf ta’ żmien il-Papa xtara din l-iskultura mingħand sid l-għalqa li fiha nstabet. Xahar wara s-sejba tagħha, kienet għall-wiri fil-Vatikan. U hekk nistgħu ngħidu bdiet din il-ġabra mill-isbaħ li llum tissejjaħ il-muzew tal-Vatikan.  Ħames mitt sena ilu beda dan il-mużew u llum insibu fih full xorta ta’ opri artistiċi, kollha imprezzabbli.

Dak li forsi ma jafux il-kritiċi
Bosta jistgħaġbu bir-rikkezzi li fih dan il-mużew u xi wħud saħansitra jikkritikaw lill-Knisja Kattolika għax tippossedi daqstant għana. Xi wħud jinsistu li l-Knisja għandha tbiegħ minn dawn ir-rikkezzi biex il-flus li jinġabru jitqassmu lill-foqra. Imma tajjeb inkunu nafu li fil-patti tal-Lateran tal-1929, li bih twaqqaf l-Istat tal-Belt tal-Vatikan hemm stipultat li s-Santa Sede ma tistax tbiegħ jew tirreġala jew tinnegozja dak kollu li jinstab fil-mużew. Is-Santa Sede tista’ biss tirregola l-ħinijiet u l-jiem tad-dħul fil-mużew u ma tistax tirrifjuta li turisti u studjużi jidħlu jaraw dan il-mużew. Allura nistgħu ngħidu li minkejja li dawn ir-rikkezzi huma fil-Vatikan, imma fil veru sens tal-kelma il-Knisja ma għandha xejn minnhom.

Tiegħek u tiegħi
Ejjew nimmaġinaw li l-Vatikan u kull djoċesi oħra, fosthom dik Maltija, jibdew ibigħu dawn l-opri lil min joffri l-aktar. Ejjew nimmaġinaw li din il-ħaġa tista’ ssir għax fil-verita’ ma tistax. Fejn jispiċċaw dawn l-opri? Kemm se jkunu aċċessibli għal min iħobb l-arti jew għall-istudjużi? Illum dawn l-opri bis-saħħa ta’ ftehim u liġijiet huma patrimonju tiegħek u tiegħi u nistgħu mmorru narawhom meta rridu. Jekk ikollhom jinbiegħu jispiċċaw f’ xi kollezzjoni privata u ftit ikunu dawk li jistgħu jammiraw l-arti tal-opri ta’ ġo fiha.

Għalhekk ħabib jekk inti wieħed minn dawk li  kont titkaża bil-psewdo - ġid tal-Knisja, ma għandekx għalfejn tibqa’ titkaża għax minn dawk ir-rikkezzi li kont taħseb li għandha fil-verità ma għandha xejn. Illum dawk ir-rikkezzi huma patrimonju tal-umanità, jiġifieri tiegħek u tiegħi. Il-frażi “Mur bigħ kull ma għandek’ ma tistax tintuża għal dan l-argument.


Fr Reno Muscat OP

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon tal-15 ta' Awwissu 2013


L'immagine può contenere: 1 persona

giovedì 8 agosto 2013

81% tal-Maltin iħossuhom ''Ewropej''

Qrajt b’ interess li “81% tal-Maltin iħossuhom Ewropej. Dan jagħmel lill-Maltin it-tieni l-iktar poplu li jħoss li hu ċittadin tal-Unjoni Ewropa wara l-popolazzjoni tal-Lussemburgu.” (In-Nazzjon, l-Erbgħa 24 ta’ Lulju 2013, paġna 4) Qagħadt naħseb ftit fuq din l-Ewropa, li mhux biss nagħmlu parti minnha, imma nħossuna wkoll parti minnha.

Żmien Karlu Manju
Karlu Manju
Fil-lejl tal-Milied tas-sena 800, il-Papa Ljun III poġġa l-kuruna ta’ imperatur fuq ras Karlu Manju u ddikkjarah bħala Imperatur u prottettur tal-Knisja ta’ Kristu. Dan l-imperatur irnexxielu jgħaqqad kważi dak kollu  li kien għad fadal mid-dinja ċċivilizzata tal-Ewropa Oċċidentali. Huwa għaqqad kollox taħt il-kappa tal-Sagru Imperu Ruman. F’ dawk iż-żminijiet kien ikun is-sultan li jikmanda kollox saħansitra liema twemmin kellhom iħaddnu is-sudditi tiegħu. Nistgħu ngħidu li din kienet l-ewwel għaqda Ewropea, l-ewwel pass li identifika żona parikolari, żona li għaqdet bosta popli flimkien taħt impertatur wieħed, ħaġa li kienet ilha ma sseħħ mill-waqgħa tal-Imperu Ruman u l-invażjoni tal-popli Barbari fuq l-art tal-kultura antika. Biż-żmien anke is-Sagru Imperu Ruman spiċċa u l-Ewropa saret art ta’ Fewdali, Prinċpijiet, Duki u Esarkati sakemm ir-revoluzzjoni Franċiża tat il-bidu għall-istat modern. Anke l-istat modern kellu għadd ta’ turġien fil-mixja tiegħu, mill-istat assolut għadda għall-istat soċjali u xi stati oħra għaddew żmien ta’ totalitariżu.

Storja moderna
Iżda l-bniedem ma jistax jiqata’ għalih waħdu, ma jistax jibqa’ iżolat u mbiegħed minn dawk li l-aktar ikunu qrib tiegħu. Hekk ukoll l-istati moderni ma setgħux jibqgħu jitqatlu bejniethom b’ telf kbir għall-partijiet kollha. L-istorja moderna tal-Ewropa hija minsuġa b’ numru bla għadd ta’ ġlied battalji u gwerer. Is-seklu għoxrin bl-iżviluppi tekniċi li ġab miegħu kabbar il-ferita tal-gwerer. Kabbar il-vittmi, kabbar il-ħsara, kabbar it-telf. F’ Settembru 1945 intemmet it-tieni ġwerra dinjija. L-istorja tgħid li kien hemm ir-rebbieħa u kien hemm it-telliefa f’ din il-gwerra – ovvjament bħal kull gwerra oħra. Imma kemm tabilħaqq kien hemm rebbieħa? Aktarx li kulħadd tellief ħareġ għax anke min rebaħ politikament, tilef fuq li tilef ekonomikament, biex ma nsemmix it-telf ta’ ħajjiet.

Laqgħa ġewwa Pariġi
Fid-9 ta’ Mejju, 1950 kien ippreżentat il-pjan ta’ koperazzjoni ekonomika ta’ Robert Schuman. Ġewwa Pariġi kienet qegħda tinżamm laqgħa ġewwa l-palazz  Quai d'Orsay. Dakinhar nistgħu ngħidu li sar l-ewwel diskors politiku uffiċċjali bħala Ewropa magħquda. Dakinhar kien twieled l-ewwel nukleu ekonomiku Ewropew. F’ inqas minn sena twaqqfet il-Komunjità Ewropea tal-faħam u l-azzar. Fil-25 ta’ Marzu, 1957 kien iffirmat it-trattat ta’ Ruma. Is-sitt pajjiżi fundaturi tal-UE kienu: il-Belġju, Franza, il-Ġermanja tal-Punent, l-Italja, il-Lussemburgu u l-Olanda. Minn dakinhar inħoloq is-Suq Komuni li wara bdiet tissejjaħ i-Komunita Ekonomika Ewropea. Fl-1973 issieħbu mal-pajjiżi fundaturi, d-Danimarka, l-Irlanda, u r-Renju Unit, fl-1981 daħlet ukoll il-Greċja. Il-Portugall u Spanja bdew jiffurmaw parti minn din l-għaqda fl-1986. Fis-7 ta’ Frar, 1992 kien iffirmat it-trattat ta’ Maastricht u din l-għaqda bdiet tissejjaħ Unjoni Ewropea. Fl-1995 ingħadqu l-Awstrija, il-Finlandja u l-Iżvezja. L-akbar tkabbri sar fl-2004 fejn pajjiżna flimkien ma’ Ċipru, r-Repubblika Ċeka, l-Estonja, l-Ungerija, il-Latvja, il-Litwanja, il- Polonja, is-Slovakkja u s-Slovenja bdew jagħmlu parti minn din l-akbar għaqda politika li qatt eżistiet fil-kontinent l-antik. Il-Bulgarija u r-Rumanija issieħbu fl-2007. F’ Lulju ta' din is-sena l-Unjoni Ewropea  laqgħet fi ħdana it-28 pajjiż – il-Kroazja

Simboli Ewropej
Il-kelma simbolu ġejja mill-kliem Grieg Sym (σύμ) u Bole (bolḗ). L-ewwel kelma tfisser flimkien u t-tieni tfisser titfa, tpoġġi, tqiegħed. Allura l-kelma simblu tfisser titfa’ flimkien. L-Unjoni Ewropea għandha bosta simboli. Bla dubju l-aktar simbolu magħruf huwa l-bandiera; fuq sfond ikħal jidhru tnax-il stilla b’ ħames ponot kull waħda ta’ lewn dehbi, jiffurmaw ċirku fin-nofs tal-bandiera. Din il-bandiera hija simbolu tal-għaqda u tal-identità tal-Unjoni Ewropea, tissimbolizza l-armonija bejn il-popli Ewropej. In-numru 12 jirrapreżenta il-kompletezza u l-unità. Din l-istituzzjoni għadha wkoll l-innu tagħha. Dan l-innu huwa meħud mid-disa’ sinfonija ta’ Beethoven, magħruf ukoll bħala l-Għanja tal-Ferħ. Minkejja li dan l-innu għandu l-kliem bosta drabi jindaqq biss u ma jkunx kantat. Dan l-innu sar dak uffiċjali tal-Unjoni fl-1985. Din għaqda politika għandha wkoll il-motto tagħha - Magħquda fid-diversità. Dan il-motto intgħażel minn fost bosta oħrajn mibgħutin minn studenti minn madwar l-Ewropa kollha. Intgħażel bħala motto uffiċjali fis-sena 2000.

L-Ewro
Simbolu ieħor ta’ din il-għaqda huwa l-munita Ewro. Minkejja li mhux il-pajjiżi kollha fi ħdan l-UE huma fiż-żona Ewro, xorta jibqa’ l-fatt li dan huwa simboli li jidentifika l-għaqda Ewropea. Fil-pajjiżi taż-żona Ewro, il-flus karti huma kollha l-istess u l-muniti jvarjaw biss fuq il-faċċata ta’ wara. L-Ewro beda jiċċirkola fl-1 ta’ Jannar, 2002. Sal-lum hemm 17-il pajjiż fiż-żona Euro.Ħaġa oħra li tissimbolizza din l-unjoni hija l-ġurnata tad-9 ta’ Mejju – jum l-Ewropa.

Din l-għaqda li minkejja li għadha qiegħda tevolvi, xorta tiġborna fi ħdanha, xorta tistedinna nappartjenu għaliha. L-Ewropa hija waħda, l-Ewropa ma tistax tkun mifruda. L-istorja dejjem uriet li dan il-kontinent antik huwa wieħed. Hekk kien u hekk għandu jibqa’  - mifrudin tkissirna, mifrudin iġġilidna, mifrudin qtilna lil xulin. Flimkien nistgħu ngħixu magħqudin fid-diversità.


Fr Reno Muscat OP

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon tat- 8 ta' Awwissu 2013