Aħna l-Maltin
għandna qawl li spiss ngħiduh imma għandna mnejn ftit li xejn nifhmuh. Tassew
li kull bidu għandu t-tmiem tiegħu imma t-tmiem irid ifisser ukoll bidla.
It-tmiem ma jistax ikun bħall-bidu, kollox jinbidel, kollox jintemm.
Bħal film
Spiċċa s-sajf
Bosta ħaddiema jkollhom il-vaganzi f’ nofs ix-xahar ta’ Awwissu. Ladarba
jispiċċaw dawn il-jiem u l-ħaddiema jerġgħu lura lejn il-postijiet tax-xogħol,
għalihom ikun spiċċa s-sajf. It-tfal tal-iskola wkoll wara l-jiem ta’ ġiri u
tgawdija iridu jibdew jaħsbu għal sena skolastika oħra. L-istudenti universitarji
wkoll jibdew iħejju rwieħhom sabiex ikomplu l-istudji tagħhom, dawk li jkunu
bdew xi xogħol fis-sajf, issa jkollhom iħalluh biex isibu posthom fl-awli
tal-università.
Kull mibdi mitmun, anke s-sajf jispiċċa u jgħaddu tliet staġuni oħra u jerġa
jiġi sajf ieħor, imma mhux l-istess wieħed, għax dan beda u ntemm.
Ma’ tmiem is-sajf jiġu wkoll fi tmiemhom il-ġranet f’ xatt il-baħar,
l-iljieli taħt il-kwiekeb tas-sena, jintemmu l-barbeques u jispiċċaw il-festi
tal-qaddisin li tant huma popolari ġewwa pajjiżna. Kien waqt il-festa ta’ San
Duminku tal-Birgu li nżilt fil-pjazza ta’ din il-belt. Iltqajt ma’ xi ħbieb
tiegħi li stednuni nidħol magħhom fil-Każin ta’ San Lawrenz biex nixorbu xi ħaġa. Barra
l-każin il-kliem waqa’ fuq kif kienet il-pjazza qabel il-gwerra. Isemma’
t-torri tal-arloġġ, intqal li triq il-Mina l-Kbira kienet idjaq milli hija
llum, li quddiem il-Każin ta’ fuq it-triq kienet ogħla milli hi llum, li l-bini
fil-ġenb tal-pjazza ma kienx jeżisti u li triq il-Kardinal kienet biss bini.
Stajt nilmaħ fuq wiċċ dawk li kienu jitkellmu bħal nostalġija, bħal dispjaċir
għal dak li spiċċa, għal dak li issa ntemm u jiġri x’ jiġri ma jerġax lura.
San Gejtanu
Waħda mill-poeżija li konna nistudjaw fl-ewwel klassi tas-sekondarja kienet
dik ta’ Dun Karm Psaila bl-isem “Int Alla Ħanin”. L-ewwel vers ta’ din
il-poeżija jgħid “Bla bidu, Bla tmiem”. Ta’ tfal żgħar konna
nitgħallmul-poeżija bl-amment sabiex jekk toħroġ fl-eżami nkunu nafuha.
Minkejja li l-għalliem kien jipprova jfisser il-ħsieb tal-poeżija, il-moħħ kien
ikun għadu tari wisq biex jifhem il-bidu u t-tmiem. Kellhom jgħaddu bosta snin
biex fhimt li kull mibdi mitmum, kull ħaġa li tkun maħluqa trid tasal f’ punt
li tisipċċa. Imma Alla le. Alla la għandu bidu u lanqas għandu tmiem. Moħħ
l-ebda bniedem ma jista’ jifhem dil-ħaġa. Kieku Alla kellu bidu kien ikun
magħmul minn xi ħadd ieħor u għalhekk ma kien ikun Alla xejn. Kieku Alla
jispiċċa ma kien ikun Alla xejn. F’ dan il-każ il-qawl Malti ma jgħoddx għax ma
hemmx bidu u għalhekk ma jistax ikun hemm tmiem. Imma
ejjew inħallu dawn it-temi f’ idejn it-teoloġi.
Kull mibdi
mitmum, kull jum jisbaħ biex wara li jgħaddi jħalli post għal-lejl, il-lejl
jintemm u jagħmel wisa’ għall-jum tal-għada, mhux l-istess jum tal-bieraħ imma
jum ġdid għal kollox. Hekk kollox fid-dinja, u aħna kuljum nintemmu u ninbidlu.
L-importanti li ninbidlu għall-aħjar.
Fr Reno Muscat OP
Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon tad-19 ta' Settembru 2013