Ħanut mhux tal-ħaxix imma tal-ħaxixa |
Madwar 20 stat
Amerikan, fosthom il-kapitlai Washington illegalizzaw b’ xi mod jew ieħor
it-tkabbir, il-bejgħ jew it-tipjip tal-marijuana. Issa dak il-gvern federali li
kien jikkonsidra l-cannabis bħala droga illegali ser ikollu jagħlaq għajn waħda
u f’ ċerti każi jagħlaqhom it-tnejn li huma.
Aħbar falza
Mal-ftuħ ta’ dawn
il-ħwienet ġriet l-aħbar li fl-ewwel jum tagħhom kienu mietu 37 persuna
b’overdose ta’ marijuana. Aħbar li dlonk ġiet miċħuda. Statistiċi juru li ħadd
qatt ma miet b’overdose ta’ konsum ta’ ħaxixa. Kien ikun aħjar li min xerred
dik l-aħbar kien jagħmel ftit xogħol u jara l-verità li tista’ tkun allarmanti
iktar minn overdose finta.
X inhi il-verità?
Din l-istess
mistoqsija li kien għamel Pilatu għamiltha jien u ppruvajt insib tweġiba
għaliha. Il-verità hi li fl-Istati Uniti hemm 17-il miljun persuna li għandhom il
fuq minn 12-il sena li jpejpu l-ħaxixa. Il-bejgħ tal-ħaxixa fid-19-il stat
Amerikan li fihom il-ħaxixa tinbiegħ għal skop mediku laħħaq għal kważi biljun dollaru
u nofs. Huwa stmat li mill-bejgħ tal-marijuana mill-ħwienet legali, l-istat ta’
Colorado sejjer idaħħal 70 miljun dollaru. Imma mistoqsija oħra li ma sibtx
tweġiba għaliha hija dwar jekk hemmx xi xibka kriminali, hemmx xi
organizzazzjoni korrotta, hemmx prattiċi illegali moħbija wara dan kollu. Din
hija verità li tajjeb li l-poplu jkun jafha kif sar jaf iċ-ċifri li semmejt
qabel.
L-Italja
Marini, is-Sindku ta' Ruma |
Fl-Italja ftit
jiem ilu ġew fi tmiemhom it-taħdidiet parlamentari dwar il-liġi hekk imsejħa
Fini-Giovanardi li fi ftit kliem tgħid li l-abbbuż ta’ droga, tkun liema tkun, jiġi
kkastigat bl-istess mod. Din il-liġi ma għaddietx mill-kmamar tad-deputati
Taljani. Fl-istess jiem is-Sindku ta’ Ruma Ignazio Marini ħareġ bit-teorija li
jekk ikollu tifel adolexxenti li jkun irid jesperimenta l-ħaxixa aħjar isib
jixtriha b’mod legali milli jiċċappas ma’ suq ta’ kriminali. Personalment din
naraha teorija “għal gol-ħajt”. Jekk ikolli tifel adolexxenti nippreferi nurih
il-veduta kollha, bir-riskji kemm rigward is-saħħa kif ukoll rigward
il-kondotta, milli nippreżentalu t-tentazzjoni fuq platt tal-fidda. Imma dak x’
naħseb jien, u dak li naħeb jien ftit li xejn għandu valur fejn kliem is-sindku
ta’ Ruma.
Ma nistax nifhem
Ħaġa li tħawwadni
u tħallini perpless għall-aħħar hija kif minn banda hemm il-ġlieda kontra
d-drogi u mill-banda l-oħra ftaħna l-bieb għal-legalizzazzjoni tagħha. Ma
nistax nifhem lanqas jekk bil-legalizzazzjoni tal-ħaxixa huwiex sejjer jispiċċa
is-suq klandestin. Ma huwiex xi sigriet il-fatt li hemm suq klandestin fejn
tidħol id-droga. Hemm min qiegħed jistaqsi diġa jekk il-prezz tal-ħaxixa huwiex
ser jorħos.
Xejn mhu xejn
F’ soċjetà li ma
temminx fil-valuri, f’ poplu li għalih xejn ma hu xejn, ma nieħdu xejn bi kbir
li nisimgħu b’ aħbarijiet bħal dawn. Imma min għandu ftit melħ f’ moħħu bilfors
jinkwieta. Illum id-drittijiet tal-minoranzi qegħdin ikunu mismugħin, u hekk
għandu jkun, imma ċerti drittijiet ta’ xi minoranzi jistgħu jkunu ta’ detriment
għad-drittijiet tal-maġġoranza. Hemm hi l-problema! Tajjeb li nagħtu leħen
liċ-ċkejken, imma ma rridux noħonqu lill-kbir lanqas. Tajjeb li nżommu ftit
il-brejkijiet għax jekk nibdew nagħtu dritt li kull min jiftaħ ħalqu sejrin
nispiċċaw b’ ħafna drittijiet mgħawġin. Nistgħu nispiċċaw fil-bassezzi,
fir-redikolu. Nistgħu nitilfu kull sens ta’ bilanċ u direzzjoni u nibdew ngħixu
f’ ġungla ta’ drittijiet.
Din hija verità
li għandna llum, verità li rridu jew ma rridux, togħġobna jew le ikollna
naffaċċjawha. Verità li għandha mnejn tasal ukoll f’ pajjiżna. Għalhekk tajjeb
inkunu nafu dwarha u minn issa noħolqu kuxjenza
Fr Reno Muscat OP