sabato 8 febbraio 2014

L-istat u n-Nazzjon

Il-problema tal-etniċità

Spiss nisimgħu aħbarijiet ta’ ġlied bejn poplu ta’ stat wieħed. Dan l-aħħar smajna bi ġlied u saħansitra bi mwiet li seħħew fit-toroq ta’ Kiev, il-belt kapitali tal-Ukrajna. Forsi l-aħbarijiet li jaslu għandna l-aħħar, inessuna xi ftit minn dawk li nkunu smajna bihom qabel. Konflitti etniċi jew soċjo-politiċi ilna nisimgħu bihom. Niftakru fil-Baski, fil-Palestinjani, fil-Kurdi. Imma apparti l-kwistjonijiet politċi, x’inhuma l-għeruq ta’ dan kollu?

Stat u nazzjon
Mhux minn dejjem kien jeżisti l-istat kif nafuh illum. Nazzjon huwa ġens li għandu bosta ħwejjeġ komuni, bħall-ilsien, kultura, reliġjon u aktar. Stat nazzjon huwa għaqda ta’ nazzjonijiet bl-iskop li l-popli jgħixu flimkien bla ġlied. Pajjiż bħal dan jissejjaħ stat multietniku jew kultant multinazjonali. Gruppi etniċi f’ dawn il-pajjiżi jiffurmaw l-identità tagħhom skont l-ilsien li jitkemmu, bħalma nsibu fil-Belġju u fl-Iżvizzera. Tista’ tkun ir-reliġjon li tifforma grupp bħal dawn, bħalma nsibu l-gruppi tas-Sikh, tal-Musulmani u tal-Indu fl-Indja, jew inkella skont ir-razza bħall-każ tal-Afrika ta’ Isfel. Gruppi bħal dawn jippruvaw jiddistingwu ruħhom mill-bqija tal-istat.

Insibu wkoll każi fejn  l-istat ma jirikonoxxix id-diversità etnika fi ħdanu. Każi bħal dawn ma nsibuhomx f’ pajjiżi mhux demokratiċi anzi jinstabu fil-qalba taċ-ċiviltà Ewropeja bħal Franza li ma tiddistingwix bejn bniedem minn Pariġi u ieħor minn Korsika. Inkella fir-Renju Unit li għall-gvern bniedem mill-Ingilterra u ieħor mill-Iskożja huma ndaqs. Insibu wkoll stati federali bħall-Ġermanja u l-Kanada fejn is-sistema politika tagħti aktar awtonomija lill-gruppi bħalma qegħdin insemmu.

Aktar stati
Sal-bidu tat-tieni gwerra dinjija l-istati rikonoxxuti kienu madwar 75. Illum ilaħqu kważi 200. Wara l-gwerra bosta kolonji bdew jingħataw l-indipendenza. Imma kemm tabilħaqq il-qsim tal-art f’dawn il-pajjiżi li kienu kolonji sar bil-għaqal? Jekk naqbdu mappa tal-Afrika naraw li xi wħud mill-fruntieri tal-pajjiżi huma dritti donnhom maqtugħin b’ riga u lapis. Meta taħseb ftit dlonk tinduna li l-politika li intużat biex saru l-konfini ta’ dak l-istat ma ħasbitx fil-gruppi etniċi li jeżistu fl-inħawi. Insibu wkoll każi fejn inħolqu stati għal grupp etniku bħal fil-każ tal-Pakistan li nħoloq biex ikun l-istat tal-Musulmani Indjani.

Mal-waqgħa tal-Komuniżmu dawk il-pajjiżi li kienu ffurmati minn aktar minn poplu wieħed inqasmu, L-akbar qasma kienet ix-xoljiment tal-Unjoni Sovjetika imma mhijiex il-qasma waħdanija. Il-Jugoslavja u ċ-Ċekoslovakkja per eżempju wkoll spiċċaw. Sa qabel is-snin 90 l-istati tad-dinja kienu madwar 175, illum 196 stat huwa rikonoxxut fuq livell internazzjonali u xi oħrajn li għandhom rikonoxximent minoritarju.

Inkwiet etniku
Ma nistgħux ninjoraw l-għadd ta’ ġlied etniku li seħħ fil-kwadru ġeo-politiku dawn l-aħħar deċenni. Nibdew insemmu? Il-Libanu, is-Sri Lanka, l-Indja, it-Timor, l-Irlanda ta’ Fuq, Ċipru, l-Eritrea, il-Burundi, in-Nikaragwa. Dawn il-konflitti jheddu l-istabilità tal-pajjiż u juru d-debbolezza tal-istruttura politika li teżisiti. Juru li ma hemmx struttura politika li kapaċi twassal li l-partijiet konċernati jsibu soluzzjoni. Bosta drabi sitwazzjoni bħal din tispiċċa b’ xeni vjolenti fil-pjazez u t-toroq. Ħafna drabi il-problema ta’ dan il-ġlied ikun l-isfond etniku tal-gruppi rivali. L-etniċità hemm min jaraha bħala rabta importanti biex stat nazzjon iżomm fuq saqajh u jimxi ’l quddiem bla ġlied, filwaqt li hemm oħrajn li jgħidu li l-etniċità ma hija xejn għajr arma politika li jużaha l-ġrupp meta jkollu bżonnha.

Hi x’inhi. Li nafu żgur hu li bil-vjolenza, bil-ġlied u t-taqbid ma qiegħed jirbaħ ħadd anzi it-telfa qegħda tkun għall-partijiet kollha


Fr Reno Muscat OP

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 8 ta' Frar 2014





Nessun commento:

Posta un commento