Qbadt il-gabbjetta tal-gardell, tfajtha taħt għabti, xegħelt sigarru u
tlaqt il barra. Ġbidt lejn il-pjazza, fejn trid tmur? Fost il-ġimgħa ftit li
xejn issib ma’ min tgħid kelma, kulħadd xogħol. Anke dawk li jirreġistraw ma
jkunux jistgħu jiġu l-pjazza għax jew isibu jaqilgħu lira baxx baxx jew
ikollhom joqgħodu jaħslu l-art biex il-mara tmur it-tombla jew il-coffee
morning. Allura jien għandi 'l Joe, il-gardell u miegħu ngħaddi l-isbaħ
nofstanhar il-pjazza. Jgħanni dal-gardell l-aħwa tiegħi! Nistħajlu l-Budaj Alla
jaħfirlu.
Intfajt bilqegħda fuq bank għad-dell. Dendilt il-gabjetta ma’ tabella
tat-traffiku. Kulħadd jaf li mhux suppost jidħlu karozzi minn hemm, bit-tabella
u mingħajrha, imma xorta jidħlu, allura l-aħjar użu tat-tabella sar biex iżżomm
il-gabjetta b’ Joe tiegħi.
Min hawn nara lil kull min jgħaddi. Għaddej il-kappillan. “Bonġu Sur Kapppillan”. Ma jinżilli xejn dal-kappillan. Ta’ qablu kien
aħjar, insomma ma tantx kien fih ħobż lanqas, imma kien aħjar. Kien dilettant
tal-kaċċa u kien spiss jieqaf jgħid kelma magħna. Kien isejħilna il-barunijiet
tal-pjazza għax dejjem hemm inkunu. Imma dan mhu dilettant ta xejn, la
tal-kaċċa, la tan-nar, la tas-sajd. Moħħu biex jaqra l-kotba imbagħad meta
jipprietka ħadd ma jifhem xejn. Aħna fuq xi kuċċarda nifhmu mela fuq dak li
jgħid il-Kappillan nhar ta’ Ħadd.
Isma Joe x’itiha Alla jbierku donnu tape recorder! Ara ħa ngħamel il-qrun
għax għaddej wieħed minn tal-każin l-ieħor li ma jmurx jisħituli, phu għalihom.
Huma ma jaħmlunix hux, imma lanqas jien ma nniżżilhom ta. Inniżżel ħobża ta’
ratal f’ żaqqi imma wieħed mill-każin tagħhom ma nniżlux fl-istonku tiegħi.
Issa minn hawn u ftit ieħor immur nieħu birra mill-każin tal-fitbol. Filgħaxija
ma nersaqx ’l hemm għax idejquni, kulħadd iridha ta’ Pele jew Maradona. Ngħid
jien dawn jiġu l-każin biex jitkellmu fuq il-fitbol? Għax ma jmorrux il-grawn
mela l-każin! Il-każin għal min irid jixrob qiegħed.
Ejja Joe ha mmorru, pssssiiii psssiiii psiiiii. Ara t-tifel ta’ dawk ta’
quddiemna! Sejjer l-università. Jien ma nafx kif daħal l-università daqs kemm
hu njorant missieru. U jgħidu li skont iz-zokk il-fergħa u l-fula bint
il-miżwed u r-razza dejjem tiġbed. U ha ngħidlek ta, fir-razza kellu injoranti
ta, phuuu, allat tal-injoranti kellu. Alla jbierek x’injoranza. Daħal l-università
bilkemm jaf jimxi! Veru li bil-ħbieb tasal kullimkien. Jien ngħid għalija skola
ma nafx, imma noqgħod ħdejha iżda bżieq fuq imnieħri ħadd ma jagħmilli
allavolja ma mortx l-università. Lanqas biss naf fejn hi! Imxi għall-birra Joe!
Qed jitgħallem il-filosofija smajthom jgħidu. Filosofija? Trid titgħallem il-filosofija? Ejja l-pjazza
kuljum u professur ssir bil-garanzija. Agħmilli lager tal-ħanut!
(Reno Muscat)
din il-kitba ma dehret fuq l-ebda ġurnal imma ktibtha meta kellli l-muża tal-kitba. 4 frar 2014.
Il-Peripateo, b Sokrate u Aristotile, mhux dawk ta' Malta imma tal-Greċja. |
Nessun commento:
Posta un commento