venerdì 18 aprile 2014

Mhux Ruma biss

BħaI-lum ġimgħa Giuseppe Girotti O P jkun ibbeatifikat
 
Żgur li fi tmiem il-ġimgħa li ġej għajnejn id-dinja jkunu mdawra lejn il-Belt Eterna. Bħal għada ġimgħa d-dinja Kattolika sejra ssegwi il-kanonizazzjoni ta’ żewġ papiet kbar li bosta minna jiftakru tal-inqas wieħed minnhom. Imma l-Knisja ma tinsabx Ruma biss, il-Knisja hija universali u l-ħajja tagħna tibqa’ sejra anke lil hinn mill-Vatikan. Lejlet dan l-avveniment kbir, fil-belt ta’ Alba sejra ssir beatifikazzjoni ta’ bniedem maqtul f’kamp ta’ konċentrament fit-tieni gwerra dinjija, imma billi kulħadd mehdi fuq il-kanonizazzjoni  għandu mnejn qabżilna l-fatt ta’ din il-beatifikazzjoni.
 
Ġużeppi Girotti
Ġużeppi twieled  ġewwa l-belt ta’ Alba, fil-provinċja ta’ Cuneo ġewwa l-Piemonte l-Italja fid-19 ta’ Lulju tal-1905. Kien l-ewwel wild ta’ Celso u Martina. Il-familja Girotti ma kinietx tat-tajjeb imma dejjem għamlet dak kollu li setgħet biex rabbiet lil Ġużeppi u liż-żewġ ħutu mill-aħjar li setgħet, kemm materjalmenet u iktar u iktar spiritwalment. F’ Jannar 1919 daħal fis-seminarju Dumnikan u fl-1922 huwa libes l-abitu u beda n-novizzjat ġewwa Viterbo. Wara s-sena tan-novizzjat beda l-istudji tal-filosofija ġewwa Fiesole, Viterbo u Chieri fejn kompla wkoll l-istudji tat-teoloġija. Fit- 3 ta’ Awwissu 1930 fra Ġużeppi kien ordnat saċerdot. Wara l-ordinazzjoni  huwa speċjalizza fl-istudju tal-Bibbja kemm f’Ruma kif ukoll f’Ġerusalemm.
Għalliem u kittieb
Fl-1934 huwa beda jgħallem il-kotba Mqaddsa ġewwa Turin. Minbarra t-tagħlim huwa kien jiddedika ħafna ħin għall-kitba u fi ftit snin  huwa ppubblika għadd ta’ kotba dwar l-iskrittura. F’ Jannar 1939 huwa twaqqaf milli jkompli jgħallem. Beda jmur ta’ kuljum ġewwa l-opsizju tal-foqra u x-xjuħ li kien hemm sewwasew quddiem il-kunvent tiegħu. Hemm kien imur iqaddes u jqarar, jassisti l-moribondi u jitkellem ma’ min kien ikun waħdu.  Ftit wara huwa kien mitlub jerġa jibda jgħallem, mhux lid-Dumnikani imma lill-istudenti tal-Istitut Missjunarju tal-Madonna tal-Konsolazzjoni.
Żmien il-gwerra
Kif faqqgħet il-gwerra bosta saċerdoti Nsaragħamluha ta’ missjunarji f’ pajjiżhom stess. Il-mexxej tat-Tielet Reich ried li jeqred lil-Lhud u lil dawk kollha li kien meqjusa bħala għedewwa. Patri Girottiintefa’ b’ ruħu u ġismu biex jgħin lil dak fil-bżonn u dawk fil-periklu tad-deportazzjoni. Wieħed spija għamel tabirruħu li kien partiġjan li kien safa’ ferut. Il-patri ħadu biex jistekenn ġewwa villa fejn kien hemm moħbi il-professur  Lhudi Giuseppe Dien. L-ispija kixef il-ħidma kollha tal-patri u fid-29 ta’ Awwissu 1944 kien arrestat minħabba l-għajnuna li kien jagħti lil ħafna Lhud.
Fil-kamp ta’ konċentrament
Huwa nżamm fil-ħabsijiet  ta’ Turin u ta’ Milan u aktar tard ħaduh fil-kamp ta’ konċentrament li kien hemm f’ Bolzano. Fil-5 ta’ Ottubru Patri Girotti flimkien ma’ bosta oħrajn tgħabba fuq ferrovija sabiex jittieħdu fil-kamp ta’ konċentrament ta’ Dachau fil-Ġermanja. Hemmhekk bdiet il-passjoni ta’ dal-patri. Il-ħajja hemmhekk  ma kinietx xi waħda faċli. Saħħtu kienet ħallietu u kien instab li kellu tumur fil-fwied. Fl-1 ta’ April 1945 ġriet il-kelma li patri Girotti kien miet. Kien għadu lanqas għalaq l-erbgħin sena.  Aktarx li l-uffiċċjali tal-SS kienu injettawh b’ siringa mimlija bil-petrol biex hekk jeħilsu minnu.
Lejn il-qdusija
Fl-1988 il-kurja ta’ Turin bdiet il-proċess għall-qdusija ta’ dan il-bniedem twajjeb. Fl-14 ta’Frar 1995, sewwasew ħamsin sena mill-mewt tiegħu il-gvern ta’ Iżrael tah il-midalja onorarja ta’ “Ġust fost il-poplu” midalja li tingħata lil dawk li ħallew ħajjithom biex jgħinu lil-Lhud fl-olokawst. Fis-27 ta’ Marzu 2013, ġie iffirmat id-digriet tal-beatifikazzjoni tiegħu li sejra ssir fis-26 ta’ April 2014 fid-duomo ta’ Alba, fl-istess post fejn kien tgħammed 109 snin qabel.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 19 ta' April 2014



 

sabato 12 aprile 2014

Bieb magħluq

Il-ħatra ta’ Dr. Marie Louise Coleiro Preca bħala president ta’ Malta hija espressjoni ċara ta’ kemm il-mara mhux biss emanċipat ruħha f’ kull qasam tal-ħajja imma wkoll xhieda tal-ugwaljanza li llum il-mara tgawdi f’bosta pajjiżi żviluppati bħal dak tagħna. Illum insibu nisa li għandhom ħatriet għolja fil-kamp politiku, ġudizjarju u anke kulturali jew sportiv. Hekk jixraq għax wara kollox il-mara kienet maħluqa daqs ir-raġel. Imma hemm bieb li għadu magħluq għall-mara u nemmen li se jibqa’ magħluq. Qiegħed nirreferi għas-saċerdozju tan-nisa fil-Knisja Kattolika.

Saċerdotessi
Fir-reliġjonijiet antiki il-kult tal-mara ma kienx imwarrab, anzi l-mara kienet meqjusa bħala simbolu tal-kreazjoni, tal-fertilità. Il-Griegi kellhom allat nisa bħal Afrodite, Artemis, Demeter u oħrajn. Dawn ir-reliġjonijiet kellhom ukoll mis-saċerdotessi tagħhom. B’differenza għal dawn, il-fidi Lhudija qatt ma kellha saċerdoti ta’ sess femminili minkejja li hija reliġjon antika ħafna wkoll.

Kristjaneżmu
Minkejja li Kristu kien Lhudi huwa kiser bosta drawwiet tal-poplu tiegħu. Kellu nisa jaqduh, kien ikellem lil kulħadd, irġiel u anke nisa li kulħadd kien iqishom bħala nisa ħżiena, midinba u x’naf jien. Kien ikellem mhux biss lin-nisa Lhud imma għandna provi li għalih ma kienx hemm differenza bejn Sammaritani, Feniċji jew Lhud. Imma jkollna nammettu li minkejja li kellu bosta nisa dixxipli li jimxu warajh u jaqduh, huwa għażel 12-il raġel biex ikunu appostli.

Knejjes oħrajn
Knejjes Kristjani imma li ma jappartjenux għall-Knisja Latina illum qegħdin jordnaw saċerdoti nisa. Hawnhekk se nitfgħu l-melħ fuq ferita miftuħa beraħ. Bosta jgħidulna x’ differenza hemm bejn Knisja u oħra, mela Kristu mhux Knisja waħda waqqaf? Iva tassew li Kristu waqqaf Knisja waħda imma biż-żmien kien hemm qsim u firdiet, xiżmi u ħolqien ta’ Knejjes jew setet ġodda biex illum qegħdin fil-qagħda li qegħdin. Inħallu f’ idejn l-Imgħallem biex jiġġudika!

Il-Knisja Latina
Jekk naħsbu li fil-Knisja Kattolika ma hemmx min hu favur is-saċerdoti nisa nkunu qegħdin niżbaljaw, imma bħal kull entità oħra il-Knisja għandha r-regoli u l-liġijiet tagħha. Kontra dawn hemm dawk li jsotnu li fil-mument tal-konsagrazzjoni, meta s-saċerdot jgħid “dan Hu Ġismi” u “dan huwa Demmi” dak il-ħin  ikun Kristu stess, fil-fatt ma jingħadx dan huwa l-ġisem ta’ Kristu imma “Ġismi”. U billi dak il-ħin is-saċerdot isir Kristu ieħor u Kristu kien raġel, allura s-saċerdot għandu jkun raġel ukoll. Biex jonqos id-diżgwid u t-taħwid fl-imħuħ, il-Papa Ġwanni Pawlu II fl-1994 ħareġ l-ittra appostolika Ordinatio Sacerdotalis li fiha jgħid bla talqlieq li jista’ jiġi ordnat saċerdot dak li huwa ta’ sess maskil, adult u jkun mgħammed. Hawn ingħalaq il-bieb għal dawk ħasbu li se nibdew naraw nisa bħala presbiteri, isqfijiet u min jaf kardinali u forsi papessi wkoll.

Papa Franġisku
Billi l-Papa Bergoglio huwa meqjuż bħala papa modern, dan l-aħħar erġajna bdejna nisimgħu li jista’ jkun li l quddiemm ikollna saċerdoti nisa anke fil-Knisja Kattolika. Imma lil dawk li bdew jaħsbu hekk, l-Arġentin malajr qatgħalhom l-għatx bil-perżut għax fl-Eżortazzj
oni Appostolika tiegħu Evangelii Gaudium qal li l-Knisja ma għandiex il-poter li tordna saċerdoti nisa.
Tassew li dan jidher daqs li kieku huwa bieb magħluq għas-sess femminili, imma dan ma jfissirx li l-Knisja ma tistmax lin-nisa. Hija biss prattika, liġi, tradizzjoni. Mill-banda l-oħra fil-Knisja kien hemm u għad hemm bosta nisa li għamlu ġid kbir minkejja li qatt ma kienu ordnati.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 12 ta' April 2014



mercoledì 9 aprile 2014

A misa n Cruci


L-istorja l-kbira kompliet meta Pilatu staqsihom: “Imma x’ għamel ħażin?”  Huma aktar bdew jgħajtu u jgħidu: “Sallbu!” Meta ra li kollox kien għalxejn ... telqilhom lil Barabba u lil Ġesù, wara li tah is-swat, tahulhom biex isallbuh.  Din kienet is-sentenza ta’ Ġesù, din kienet xortih – Mewt! U x’mewt! Mewt ta’ kriminal, mewt fuq is-salib. Salib skandlu għal-Lhud u blugħa għall-pagani. Iva hekk ried li li tkun tafu d-dinja. Ried li jiftaħ dirgħajh beraħ fuq salib biex b’dirgħajh miftuħa jilqa’ l-umanità kollha. Din hija x-xbieha tal-aktar bniedem magħruf. Bniedem imdendel ma’ zokk ta’ siġra, imma iva, dan huwa l-Bniedem Alla.

Bla telf ta’ żmien sabu għuda, middewha fuq spallejn Ġesù u qabbduh it-triq lejn il-qorriegħa. Iva fuq spaltu stess Ġesù rafa’ salibu. Kien hu stess li qabel kien qal : “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu kuljum u jimxi warajja”. U l-folla daret miegħu. U l-folla daħqet bih. U l-folla maqdritu. U l-folla għatxana għad-demm imxiet miegħu biex tara t-tmiem traġiku ta’ dan id-dramm reali. U jien nimxi mal-folla għax jien ukoll irrid nara kif se jkun it-tmiem. Iva naf li se jkun tmiem imdemmi, tmiem fuq salib, imma jien ukoll irrid inkun parti mill-folla. Jien ukoll irrid nidħaq, nibki, nolfoq. Jien ukoll nagħmel parti mill-folla. Jien ukoll irrid nimxi bis-salib fuq spalti.

Kull mixja, twila kemm hi twila, tibda bl-ewwel pass. Pass tqil kien dak ta’ Kristu lejn il-Golgota. Mgħobbi s-salib, wara tant swat, pass wara pass beda riesaq sabiex iwettaq dak li għalih kien twieled. . . .  "jiena ma ġejtx biex naħkem imma ġejt biex inkun nista' naqdi". Dan kien kliem tiegħu stess u issa sejjer joffri s-sagrifiċċju. Sagrifiċċju u vittma. U aħna qegħdin hemm, mitlufin fil-folla, fost id-daħq, fost it-tgħajjir, fost il-biki, fost dawk li għexu miegħu, fost dawk li semgħu kliemu, fost dawk li rawh b’ għajnejhom jagħti d-dawl lill-għomja, il-kliem lill-imbikkma, is-smiegħ lit-torox u l-ħajja lill-mejtin. Hemm qegħdin aħna wkoll naraw lil Kristu riesaq lejn it-tron tiegħu, lejn l-altar tas-sagrifiċċju. Se joffri lilu nnifsu.

Ejjew nieqfu u naħsbu ftit!. . . . . Dan Ġesù li hu l-iben ta’ Alla, għamel tant għeġubijiet. Qal hu stess li kieku ried kien jitlob lill-Missier biex jibgħatlu eżerċitu biex jeħilsu minn idejn l-għedewwa.  Allura għalfejn għażel li jbati? Seta’ għażel triq oħra minflok din. Iva seta’ għax huwa Alla. . . . .  Insibu tarf ta’ din id-domanda fil-ktieb tal-profeta Iżaija. “Hu refa’ fuqu l-mard tagħna, tgħabba bin-niket tagħna. Aħna ħsiebnih bħal wieħed ikkastigat, milqut minn Alla u miġjub fix-xejn. Iżda hu kien miġruħ minħabba dnubietna, misħuq minħabba fi ħżunitna. Għas-saħħa tagħna waqa’ l-kastig fuqu, u bis-swat tiegħu sibna l-fejqan tagħna”. Iva għalhekk għażel dan kollu!

Il-ħajja ta’ Kristu hija minsuġa ħaġa waħda mal-ħajja ta’ ommu Marija. Mit-tnissil għat-twelid, għall-ħajja pubblika u issa fi triqtu lejn l-esekuzzjoni tiegħu Marija kienet dejjem hemm. Liema fomm jista’ qatt isib kliem biex ifisser dak li ħassew il-qlub ta’ Kristu u ta’ ommu x’ ħin kienu f’ din il-qagħda. Liema kliem jista’ qatt jinkiteb biex jispjega xi tħoss omm quddiem binha waħdieni sejjer għall-mewt. Liema pittura qatt tista’ turi dak il-qsim ta’ qalb? Iva qsim ta’ qalb li kien imlissen sa mill-ewwel jiem tat-twelid ta’ Ġesù. Hekk kien ħabbar Xmun fit-tempju: “se jkun sinjal li jmeruh, - u int ukoll sejf jinfidlek ruħek! – biex jinkixfu l-ħsibijiet moħbija fil-qlub ta’ ħafna”.  Is-sejf issa kien dieħed fil-qalb tarija tal-Omm. Is-sejf issa kien qiegħed tabilħaqq jinfed ir-ruħ ta’ dik li tatu l-ħajja. Is-sejf issa kien qiegħed iwettaq l-aħħar parti ta’ ħidmietu.

It-triq tas-salib hija bħat-triq tal-ħajja tagħna: Kultant insibu l-lixx, kultant l-imħarbat, kultant inkunu nifilħu nimxuha u kultant inħossu li l-piż tas-salib li nkunu qegħdin inġorru jkun tqil wisq għalina. Inħossuna deħlin fl-art bit-toqol li jkollna fuq spallejna. Ċirinew irid ikun biex jgħinna. Iva Ċirinew li jidħol taħt salibi biex jgħinni nkompli miexi pass wara pass jien ukoll lejn il-post imħejji għalija. Ċirinew li mhux jerfali salibi meta jaqbel lilu imma meta nkun tassew neħtieġu. Ġesù kien mgħejjun miċ-Ċirinew fit-triq tal-Kalvarju imma kultant ikun hu wkoll Ċirinew għalija, għalik, għal dak u għal dik. Ċirinew li jerfa’ s-salib tagħna hu. Ċirinew li jaf x’jiġifieri t-toqol, jaf x’ inhi t-tbatija, jaf x’inhu s-swat, jaf x’inhu l-mard. Għalhekk jerfalna salibna!

U waslu fil-post fejn kollhom jaslu, Kristu għajjien, imbenġel,. .  . imsawwat, . . . . bla saħħa. Is-suldati ħadu l-ilbies ta’ Ġesù u qasmuh f’erbgħa, sehem lil kull wieħed minnhom. U ħadu wkoll it-tunika: din kienet libsa bla ħjata, minsuġa biċċa waħda minn fuq s’isfel. Ftiehmu bejniethom u qalu: “Ma nqattagħuhiex, iżda nitfgħu x-xorti għaliha, u lil min tmiss jeħodha”. Ġesù kien imneżża mhux biss minn ħwejġu imma mid-dinjità tiegħu, mill-unur tiegħu ta’ bniedem uman. Ġesù imċaħħad minn dak kollu li kellu tiegħu, ilbiesu! Il-folla issa kienet infirxet. Kien hemm minn beża’ u mar issakkar f’daru. Kien hemm min sogħob bih għax ċaħdu. Kien hemm min bkieh għax kien jaf li ma kienx jistħoqqlu hekk. Kien hemm min induna li żbalja meta tradih għal ftit muniti. Kien hemm min emmen. Imma madanakollu kważi kulħadd telqu u ħallih waħdu, għeri, mneżża, bla ħwejjeġ, mitluq, agunija.

A misa n cruci. Meta waslu fil-post igħidulu l-Qorriegħa, sallbuhom hemm, lilu u lil ħatja, wieħed fuq il-lemin u l-ieħor fuq ix-xellug... Il-poplu kollu waqaf hemm iħares, waqt li l-kapijiet bdew jiddieħku b’Ġesù ...Is-suldati wkoll bdew igħadduh biż-żmien; u resqu lejh, u newlulu nbid qares...Fuq rasu kien hemm ukoll kitba li kienet tgħid: “Dan huwa s-sultan tal-Lhud”. Dan huwa il-Mulej tagħna Ġesù Kristu, li offra ħajtu għan-ngħaġ tiegħu. U aħna mbegħda,  lkoll inħarsu lejn is-salib,  miblugħin,  lanqas irridu nemmnu dak li qiegħed jiġri quddiema.  Irridu ngħajtu; imma l-ebda karba ma għandha ħerqa toħroġ minn ġo fommna. Irridu niġru biex ma nħossuniex parti minn dan id-dramm traġiku li qiegħed jinħdem quddiemna;  imma saqajna donnhom imsammra mal-art sabiex naraw lil Kristu fuq is-salib.  A misa n cruci. Kollox mitmum.  Iva issa kollox huwa mitmum.


Għall-ħabta ta’ nofsinhar waqgħet dalma kbira fuq il-pajjiż kollu sat-tlieta, għax ix-xemx iddalmet. Il-velu tas-santwarju ċċarat minn nofs. Imbagħad Ġesù għajjat għajta kbira u qal; “Missier f’idejk jien nerħi ruħi”. U kif qal hekk, ħarġet ruħu. . . .  Kristu bla ħajja fuq is-salib jinsab quddiemna. Iva rridu nagħlqu għajnejna biex ma narawhx, imma d-deħra ta’ Alla mdendel mal-għuda ma tistax tmur minn quddiem għajnejna. Irridu nsoddu widnejna biex ma nisimgħux lil min jikkundannana talli konna aħna wkoll imseħbin mal-qattiela tiegħu. Irridu nneħħu s-sinjal tas-salib. Iva ma rridux naraw aktar slaleb la fit-toroq la fid-djar la fl-iskejjel, IMKIEN.. . . . . Ma rridux aktar slaleb! Imma kemm nistgħu tabilħaqq ineħħu s-salib li ta’ kuljum? Irridu jew ma rridux aħna wkoll  ikollna ngorru salibna  tul it-triq tal-ħajja? A misa n cruci. Salib int li kont saħta, Salib, int li kont blugħa. Salib int li kont mistkerraħ minn kulħadd u issa sirt it-tron tas-Salvatur. A misa n cruci. Salib inti sirt fidwa.

Fr. Reno Muscat OP

Dawn il-ħsibijiet akkumpanjaw il-programm ta' marċi Funerbi bl-isem A Misa n Cruci imtella' mill-Banda Anici
Ħal Qormi 8 ta' April 2014

sabato 5 aprile 2014

Russell fil-Krimea

Il-fatti li ġraw dan l-aħħar u li reġgħu wasslulna ġewwa djarna ismijiet li ftit aħna midħla tagħhom, bħal Ukrajna, Krimea u Russja ġegħluni niftakar mhux biss f din il-parti tad-dinja imma wkoll f’ xi avvenimenti oħra. Ftakart fil-gwerra tal-Krimea u f’ xi ħaġa li ġrat l-ewwel darba f’din il-gwerra u li llum nistennewha li ssir kull meta sfortunatament tfaqqa xi gwerra.

Gwerra tal-Krimea
Il-gwerra tal-Orjent, jew kif nafuha aħjar, tal-Krimea bdiet fl-1853 bejn l-Imperu Russu taz-Zar Nikola I u l-Imperu Ottoman, Franza, ir-Renju Unit u r-Renju ta’ Sardenja. Kollox beda  meta Franza u r-Russja ma qablux dwar min kellu jieħu ħsieb il-postijiet sagri tal-Insara li kienu jinstabu fit-teritorju tal-Imperu Ottoman, li kien diġa beda riesaq ġmielu lejn it-tmiem. Meta l-imperu Tork qabel ma’ dak li riedet Franza, ir-Russja attakkat lit-Turkija. Iz-Zar qatt ma basar li t-Torok kienu sejrin jidħlu fi gwerra minħabba raġunijiet mhux iżlamiċi, imma l-fatti kienu mod ieħor milli ħaseb iz-Zar. Franza għenet lit-Torok imma dan ma kienx biżżejjed. Il-Gran Brittanja daħlet f’ din il-gwerra minħabba l-biża’ li r-Russja tesaq lejn il-Mediterran għalhekk ingħaqdet ma’ Franza.  Aktar tard daħal fil-gwerra ir-Renju ta’ Sardenja. Il-gwerra intemmet fl-1856.

It-Times ta’ Londra
l-aktar gazzetta influwenti fl-Ingilterra bla dubju ta’ xejn minn dejjem kienet it-Times. Din bdiet toħroġ fl-1785 bl-isem ta’ The Daily Universal Register imma tliet snin wara biddlet isimha għal TheTimes. Il-livell tal-gazzetta minn dejjem kien wieħed għoli u l-importanza ewlenija kienet l-informazzjoni malajr lill-qarrejja. Fil-gwerra tal-Krimea li qegħdin isemmu din il-gazzetta kisbet id-dritt li ħaddiem minn tagħha jmur mas-suldati Ingliżi fuq il-kamp tal-battalja biex ikun jista’ jirraporta dak li jkun qiegħed iseħħ. Illum ma naraw xejn stramb f’ din l-affari imma sal-1853 l-ebda ġurnalist ieħor, la Inġliż u lanqas mhux, qatt ma kien mar jirrapporta x’ kien qiegħed jiġri fit-taqbid tal-eserċti tal-pajjiż.

William Russel
l-Irlandiż William Howard Russell beda jaħdem mat-Times ta’ Londra fl-1844, meta kellu 24 sena. Kien żagħżugħ ħafif u mimli enerġija. Kien jiġri madwar il-belt ta’ Londra sabiex jiġbor l-aħbarijiet interessanti li jkunu seħħew. Id-diriġenti tal-gazzetta intebħu bil-ħila ta’ dan Russell u meta ġiet ix-xoqqa f’moxtha bagħtuh mas-suldati fil-Krimea.

Bħalma kienet minn dejjem il-politika ta’ dan il-ġurnal Ingliż, l-imparzjalità u l-indipendenza jiġu l-ewwel. Minkejja li Russell kien mar il-Krimea mal-eżerċitu Brittaniku qatt ma ħasibha darbtejn biex jikkritika lill-Ġenerali xjuħ li kienu jmexxu l-gwerra mingħajr ma kellhom tagħrif sewwa fuq it-teknika tal-gwerra għal dak iż-żmien modern. L-għan tiegħu ma kienx li juri kemm hu b saħħtu l-Imperu Ingliż imma li jwassal eżatt x’ qed jiġri.  L-artikli tiegħu ma tantx ġibdu simpatija tas-suldati Ingliżi u spiss kien isib ruħu maqlugħ il barra mill-gruppi tagħhom. Kien ikollu jiekol waħdu għax ħadd ma kien ikun iridu ħdejh bil-biża li dan il-ġurnalist joħodlu xi tagħrif minn moħħu u jġibu fl-inkwiet. Ħadd ma kien iridu fit-tinda miegħu u għalhekk kellu jagħmel kwazi sentejn jorqod u jgħix f’ tinda għalih waħdu.

Minkejja kollox Russel jibqa’ msemmi bħala l-ewwel korrispondent tal-gwerra. Illum lanqas biss noħolmu li ġurnalist fil-gwerra jrid jgħix mas-suldati.

Kienu l-fatti li seħħew dan l-aħħar li fakkruniu f’ dan il-bniedem li forsi mhux magħruf wisq ma min mhux midħla tal-istorja tal-ġurnaliżmu, imma inti li qiegħed taqra, bil-ġurnal f’idejk xieraq li tkun taf b’dan il-bniedem li ta’ sehmu għall-progress tal-ġurnaliżmu fid-dinja.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 5 ta' April 2014






giovedì 3 aprile 2014

Iż-żmien


 Iż-żmien itir, iż-żmien ma jistenna ‘l ħadd, iż-żmien isajjar il-bajtar, iż-żmien itwal miz-zalzett. Konxji mill-valur taż-żmien, aħna l-maltin għandna għadd ġmielu ta’ qwiel u idjomi li jitrattaw dan is-suġġett. Jekk niġu mistoqsijin x’ inhu ż-żmien, faċli nirrispondu li ż-żmien huwa dak li jiġi mkejjel bl-arloġġ. Iżda din ir-risposta għad li fiha nfisha hija tajba, tiġbor biss parti żgħira mit-tifsira taż-żmien. Santu Wistin għandu frażi famuża dwar dan is-suġġett. Huwa kien qal: “Jiena naf x’ inhu ż-żmien sakemm ħadd ma jistaqsini x’ inhu!” U tabilħaqq għandu raġun biex ibigħ.

Jekk nieħdu ż-żmien psikologiku naraw li l-bniedem jista’ jgħaddi minn żmien li metaforikament itir u jista’ jkollu żmien li ma jkun irid jgħaddi b’ xejn. Iż-żmien tal-ferħ, it-tfulija u ż-żgħożija huma żmien li jgħaddu bħal ħolma, imma mhux l-istess nistgħu ngħidu għal bniedem li jkun jinsab f’ qiegħ ta’ sodda. Madanakollu il-jum huwa twil 24 siegħa għal kulħadd, izda għal min jgħaddu malajr u għal min ma jkunu jridu jgħaddu b’xejn.

Għan-negozjant iż-żmien huwa flus. Kull minuta tgħodd. U l-kapitaliżmu darriena din it-teorija u ħafna drabi tkaxkarna mal-kurrent tagħha. Għall-filosfu ż-żmien huwa argument mill-aktar diffiċli u huwa dak li jirreġistra dak kollu li jiġri fl-univers. Għax-xjenzat iż-żmien huwa id-dawrien tad-dinja madwar ix-xemx. Għall-istoriku ż-żmien huwa l-mutur li jiġġenera l-ġrajjiet biex tinbena l-istorja. Għal Alla ż-żmien ma jeżisitix. L-eżistenza ta’ Alla ma hijiex fiż-żmien imma hija fl-eternita, bla bidu u bla tmiem. Hekk jgħid is-salmista <<Elf sena huma għalik bħal jum tal-bieraħ li għadda, jew bħal sahra tal-lejl.>> (Salm 90, 4)
 
Ninsabu fi żmien tas-sajf, u s-sajf Malti jnaqqas sewwa ir-rutina tal-ħajja. Ninsabu fi żmien il-mistrieħ, iżda l-mistireħ ma jfissirx għazz. Huwa tajjeb, anżi meħtieġ, iż-żmien tal-vaganzi, imma b’ daqshekk ma jfissirx li fil-vaganzi għandna nitfgħu kollox wara daharna. L-istudent ma għandux jinsa l-istudju għax ftit jiem u l-iskola terġa tibda. Il-ħaddiem li jieqaf għal ftit żmien minn xogħolu waqt li għandu jfittex il-mistrieħ tiegħu, għandu wkoll jagħmel xi xogħol id-dar, liema xogħol ma jkunx jista jsir matul is-sena. U fuq kollox waqt li nkunu bil-vaganzi ma għandniex insew l-obligi religjużi tagħna.

Iż-żmien itir u ma jistenna ‘l ħadd. Il-minuta li għaddiet hija passat u b’ xejn ma tista’ terġa’ tiġi lura. Kull muvument jista’ jitreġġa lura imma ż-żmien ma jista’ jerġa lura qatt. Eżempju: jekk nipparkja l-karozza ħażin u meta noħroġ minna ninduna bl-iżball, nista’ nerġa nidħol fiha u nirranġalha postha, imma iż-żmien li għadda ma nistax nerġa lura fih. Għalhekk wieħed għandu jippjana żmien il-vaganzi sewwa għax dawn jgħaddu malajr u jsiru parti mill-passat. U l-passat iġorr miegħu ir-riperkussjoni għall-preżent kif il-preżent iġorr miegħu ir-riperkussjoni għall-futur.


Reno Muscat O.P.

Artiklu li deher f' In-Nazzjon f' Lulju 2006




mercoledì 2 aprile 2014

ANTROPOĊENTRIŻMU



Meta taqra din il-kelma ħaġa żgħira titfixkel u tgħid bejnek u bejn ruħek x'inhi. Hija kelma ffurmata minn żewġ kelmiet, bħal bosta kliem ieħor li ftit li xejn nużaw u ftit wisq aktar nifhmu! Antropos hija kelma Griega li tfisser bniedem, ċentriżmu hija kelma li nużawha spiss, u li lkoll nafu li tfisser il-qofol, il-pern, dak li kollox idur madwaru. Għalhekk antropoċentriżmu tfisser li kollox idur madwar il-bniedem. Din l-idea saret ukoll ideoloġija, l-aktar fis-snin ta' wara l-gwerra l-kbira sal-aħħar snin tas-seklu l-ieħor. Il-bniedem huwa sid ta' kollox u għalhekk kollox qiegħed għas-servizz tiegħu! Imma b' din l-ideoloġija u b' dan l-istil ta' ħajja irrovinajna id-dar tagħna stess, jiġifieri ħloqna ambjent xejn pjacevoli għalina stess.

Xi wħud mill-ħassieba jitfgħu t-tort ta' din il-mentalità fuq il-fidi Nisranija u jsejħulha Antropoċentriżmu Kristjan. L-għeruq ta' din it-teżi ġejja mill-Bibbja stess. Fil-ktieb tal-Ġenesi fl-ewwel kapitlu nsibu miktub: «U berikhom Alla u qalilhom: ̋Nisslu u oktru, u imlew l-art, u aħkmuha; u saltnu fuq il- ħut tal-baħar u t-tajr tal-ajru u l-ħlejjaq kollha li jitkaxkru fuq l-art.̏ » (Ġen 1, 28)

Imma lkoll nafu li l-ktieb tal-Ġenesi huwa ktieb mhux biss tal-Insara imma prinċiparjament huwa ktieb tal-Lhud. Il-problema li jsostnu dawn il-ħassieba hija li l-bniedem, jew aħjar in-Nisrani ħadha kelma b' kelma din il-parti tal-Kotba Mqaddsa, bir-riżultat li wasalna fl-istat li wasalna. Min isostni din it-teorija jgħid li kieku il-ktieb tal-Ġenesi baqa' biss ktieb tar-reliġjon Ebrajka, u kienu jkunu il-Lhud biss li jsostnu li l-bniedem huwa s-sid tal-art u tal-ħlejjaq kollha, ftit li xejn kienet issir ħsara u l-ħsara li kienet issir fil-bicca art żgħira, fit-tarf tal-baħar Mediterran fejn kienu u għadhom,  jgħammru l-Lhud, l-impatt ma kienx ikun wieħed globali. Imma billi l-fidi tan-Nazzarenu nxterdet mal-erbat irjeħ tad-dinja, imxterdet magħha l-idea li kulma jinstab fid-dinja huwa għall-qadi tal-bniedem u jista' jużah kif irid.

Naqblu jew ma naqblux ikollna nammettu li l-ħsara saret. Bosta jsostnu li l-Knisja għandha titkellem dwar dan il-punt ukoll. Ikun jiżbalja min jaħseb li l-Knisja tibqa' b' ħalqha magħluq quddiem sitwazzjoni gravi bħal din. Kemm-il darba il-Papa Ġwanni Pawlu II irrefera għal din il-problema fid-diskorsi jew fil-kitbiet tiegħu. Insemmi biss l-Eżortazzjoni Appostolika Christifideles Laici miktuba fl-1988. «Is-setgħa li l-bniedem ingħata biex jaħkem l-art kienet setgħa li jikkultiva il-ġnien.» Din hija setgħa u dover, «li kull bniedem għandu josserva u jaqdi.» (161) U aktar qabel, il Koncilju Vatikan II wkoll fil-Kostituzzjoni Pastorali Gaudium et Spes, jiddedika il-kapitlu 69 għal din il-problema.

Forsi tgħidu li jiena bil-fors nitkellem hekk għax jiena patri u obbligat niddefendi lill-Knisja. Imma nafu tajjeb li l-ħsara li saret ma saritx minn Insara biss. Bosta gvernijiet ma jxaqilbu lejn l-ebda reliġjon u minkejja dan f' pajjiżhom isiru delitti kontra l-ambjent, kontra d-dinja, kontra d-dar tagħna. Biżżejjed naħsbu fil-qerda ta' bosta foresti. Is-siġar jixorbu l-ilma tax-xita. Fejn spiċċaw is-siġar l-ilma tax-xita jmur il-baħar bil-konsegwenza li jżid mal-problema li l-ibħra qegħdin jogħlew anke minħabba li s-silġ qiegħed idub kawża tal-effett serra. Il-qerda tal-foresti ma ġabithiex il-Knisja imma l-gvernijiet li ma ppjanawx politika ta' sussidjarjetà, fejn tinqata' siġra u titħawwel oħra. Bosta gvernijiet raw biss sa mneħirhom, raw il-ġid li jakwista pajjiżhom (sic) u ma rawx aktar.


Argumet twil dan jekk wieħed ikollu jibda jitkellem fit-tul dwaru. Kulħadd għandu bicca mit-tort, min ftit  u min ħafna. Kieku kellna nieħdu l-eżempju ta' San Franġisk ta' Assisi, patrun tal-ekoloġija nibdew inħossuna parti mid-dinja u mhux aktar dominaturi tagħha. Ma ninsewx li dan il-qaddis sejjaħ lil qamar ħuh u lix-xemx oħtu. Min jaf jekk f moħħu kellux li d-dinja hija aħna stess?


Fr. Reno Muscat OP




artiklu li deher f' In-Nazzjon Marzu 2011