sabato 31 maggio 2014

Ittra lill-Papa

Ftit tal-jiem ilu intbagħtet ittra lill-Papa Franġisku. Nimmaġina li jaslulu mijiet ta’ ittri kuljum imma din kienet partikolari u sirna nafu biha għax ixxandret fil-ġurnali u fuq mezzi oħra. Din kienet ittra minn 26 mara Taljana li kellhom jew li għad għandhom relazzjoni ma’ xi saċerdot. Fiha huma talbu biex iċ-ċelebat, jiġifieri l-obligu li saċerdot ma jiżżewwiġx, jitneħħa għal kollox u b’hekk kemm huma kif ukoll il-ħafna nisa oħrajn li jinsabu fl-istess qagħda tagħhom ikunu jistgħu jirregolaw ħajjithom. Huma talbu lill-Papa jipprova jifhem minn kemm tbatija jgħaddu minħabba l-qagħda irregolari tagħhom.

Min se jitfa’ l-ewwel ġebla?
Bl-ebda mod ma rrid ngħid li saċerdot li qiegħed f’ relazzjoni qiegħed fit-triq it-tajba, imma rrid nagħmel bħalma tgħallem il-Knisja, irrid nikkundanna l-att imma mhux lil min jagħmlu. Faċli wieħed jiskandalizza ruħu meta jisma’ jew jiltaqa’ ma’ każi bħal dawn, imma xi dritt għandna aħna niġġudikaw bla ma nkunu nafu l-istorja kollha – mill-bidu nett sal-aħħar nett? Tajjeb li nżommu f’ moħħna kliem Ġesù: Min huwa bla dnub jitfa’ l-ewwel ġebla. Min se jkun dak il-prużuntuż li jitfaha l-ewwel ġebla?

Ambjenti li ma jgħinux
Ftit ġimgħat ilu kelli okkażjoni nsir naf xi kappillani Taljani. Dawn qaluli li huma kappillani ta’ rħula fil-muntanji, irħula maqtugħin mill-kumplament tad-dinja. Fil-parroċċi tagħhom ma għandhomx viċijiet, huma l-uniċi saċerdoti. Immaġinaw saċerdot li jum wara jum, gimgħa wara ġimgħa, xahar wara xahar u sena wara sena jgħix f’xi raħal bħal dawn waħdu. Bogħod mill-familja, bogħod minn kulħadd. L-ewwel persuna li toffri lil dan is-saċerdot ftit tal-ħbiberija żgur li se jaċċettaha. Jista’ jagħti l-kaz li din il-ħbiberija tibda bħal dik li kien hemm bejn San Franġisk u Santa Kjara u tispiċċa bħal dik ta’ Romeo u Ġuljetta. L-ittra lill-Papa hija xhieda ta’ dan.

Mhux hekk biss
Semmejt il-kappillani li jgħixu waħdehom imma l-problema ma hijiex tagħhom biss. Minkejja li hemm saċerdoti li huma marbutin bil-ħajja komunitarja, sfortunatament din il-ħajja ma għadiex toffri dak li kienet toffri ftit deċenji ta’ snin ilu. U hawn nerġgħu nħabbtu wiċċna mal-istess problema. Min ilumu lil dak il-patri li fil-kunvent jispiċċa dejjem waħdu għax kulħadd mgħobbi bix-xogħol,  jekk isib min joffrilu biex joħroġ miegħu u huwa jaċċetta? Min ilumu lil dak il-patri li jixba’ ta’ kull filgħaxija jiekol ħobż bil-butir għax ma jsib xejn iżjed x’jiekol u ma jistax imur jixtri xi ħaġa għax il-pocket money tiegħu huwa inqas minn ewro kuljum, jekk imbagħad isib minn jistiednu jmur jieħu xi ħaġa miegħu d-dar u dan jaċċetta? Min ilumu lil dak il-patri li jkollu appuntament xi mkien u jrid jitlaq xi siegħa u nofs qabel għax karozza ma għandux, u jsib xi waħda ttih rikba u joħodha? B’inqas minn €1 kuljum lanqas għal tal-linja ma jservuh aħseb u ara kemm ikun jista’ jaqla’ taxi!

U hekk jibda l-inkwiet, l-ewwel is-saċerdot jiġi offrut dak li jkun imċaħħad minnu fid-dar, ħbiberija, kumpanija, ikel u ħtiġijiet bażiċi oħra, imbagħad jgħaddi għat-tieni pass, ħafna drabi mhux għax ikun irid imma għax huwa wkoll uman. U meta jiġri hekk hija sfortuna kbira kemm għal dak is-saċerdot , kemm għal dik il-persuna l-oħra kif ukoll għall-Knisja inġenerali. Imma jekk ikollna nwaddbu ġebla lil min inwaddbuha, lil min waqa’ jew lil min ħalla s-sitwazzjoni miżera li ġiegħlet lil dak is-saċerdot jiġi f’ dak li ġie?

Jien ma nwaddab ġebel lil ħadd għax naf li wara dak li jidher dejjem ikun hemm storja, dejjem ikun hemm dik l-“GĦAX”, dik l-“IMMA”. Napprezza li kien hemm 26 mara li wrew kuraġġ u tkellmu biex forsi jekk ma jitneħħiex iċ-ċelebat jiġu rranġati s-sitwazzjonijiet li jġiegħlu lis-saċerdot jiżvija, forsi s-superjuri jistenbħu.


Fr. Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon, 31 ta' Mejju 2014







sabato 24 maggio 2014

Delitt perfett

Jingħad li l-ebda delitt ma jista’ jkun perfett għax dejjem ikun hemm xi ħaġa li titfa’ dawl fuq il-ħati. Illum ma rridx niffoka fuq delitt kriminali, omiċidju, serq jew ksur tal-liġi. Id-delitt li għandi f’ moħħi ma jneħħi l-ħajja ta’ ħadd, ma jisraq xejn materjali u ma jikser l-ebda liġi. F’moħħi għandi l-qtil jew is-serq tal-illużjoni tagħna.

Ħrejjef u stejjer
Fl-immaġinazzjoni tiegħi 
din kienet id-dar ta'Ġuljetta

Min jaf kemm-il darba smajna stejjer u ħrejjef u dlonk ġewwa moħħna npinġu x-xena ta’ dak li nkunu nisimgħu. Nimmaġinaw prinċpijiet u prinċipessi, kastelli u palazzi, draguni, eroj, dak li jgħin lill-eroj u dak li jtellfu. Niftakar lill-bużnanna tiegħi, qabel norqod, tirrakkontali l-istorja ta’ San Ġorġ: Re u prinċipessa, kavallier u dragun. U jien nitgeddes kemm niflaħ taħt il-friex li ma jmurx dak il-lejl id-dragun jiftillu jinżel Ħal Qormi u jittawwal mit-tieqa tad-dar tagħna. Kemm ħolm sabiħ! L-istess ħaġa jiġri meta naqraw xi rumanz. Nibdew nimmaġinaw lill-personaġġi tal-istorja u nibnu xenarju sħiħ sabiex jikkumpanja lil dak li nkunu qegħdin naqraw. Nimmaġinaw l-uċuħ tal-persuni tar-rumanz, noħolqulhom ambjent jixbaħ lil dak li aħna mdorrijin fih. Meta qrajt ir-rumanz ‘Romeo u Ġuljetta’ kont immaġinajt li t-tfalja toqgħod ġewwa dar li tinsab ftit bogħod mid-dar tal-ġenituri tiegħi. Forsi għax kienet dar kbira b’gallarija tal-ġebel miftuħa u b’arma tal-ġebel ta’ żmien il-kavallieri fuq il-faċċata. Waqt li naqra kont nimmaġina u noħlom li dawk il-fatti ġraw kollha tefgħa ta’ ġebla bogħod minni. Din kienet l-illużjoni tiegħi.

Induru d-dinja
L-illużjoni u l-fantasija tagħna taħdem bis-sahra meta nibdew naqraw jew nisimgħu fuq pajjiżi barranin. Waqt il-lezzjonijiet tal-Ġeografija il-moħħ idur id-dinja waqt li l-ġisem jibqa’ mwaħħal mal-bank. Qabel konna naraw mapep jew xi ritratt. Kollox kien limitat. Id-dinja għalina kienet tasal sa dak ir-ritratt. Jekk xi ħadd ried ikun jaf iktar kien irid imur hu stess fuq il-post. Madanakollu l-istudju tal-pajjiżi, l-ibħra u d-dinja kien ikattar fina ix-xewqa li nżuru pajjiżi barranin kif ukoll kien ipinġilna f’ moħħna xbihat ta’ bliet, xmajjar jew ibħra li qatt ma nkunu rajna. Għandu mnejn ix-xbihat li konna nfasslu f’ moħħna ma kien ikollhom x’ jaqsmu xejn mar-realtà. Imma dan kien ikun il-frott tal-illużoni tagħna.

Kollox f’idejna
Illum il-fantasija tagħna għażżinniha. Il-ħrejjef u l-istejjer li kienu jgħidulna n-nanniet tagħna qegħdin narawhom fuq it-televiżjoni. Qabel kont niddeċiedi jien jekk iż-żiemel ta’ San Ġorġ kienx abjad, ixheb, aħmar jew iswed. Il-prinċipessa kont noħloqha jien, xagħarha twil dehebi, għajnejha kbar żoroq, liebsa lbies irjali. Illum dan kollu spiċċa. Jekk il-film iġibli żiemel abjad, dak hu, abjad u daqshekk ma nista’ nżid xejn. U jekk il-prinċipessa xagħarha jkun iswed, hekk ikollu jibqa’. L-illużjoni tiegħi ma għadhiex tgħodd għax dak li naħseb li jista’ jkun qiegħed narah quddiemi bla ebda tama li nista’ nżid jew innaqqas xi ħaġa minnu.

Google Maps jieħdok fejn trid

L-istess ngħidu għall-ġeografija. Illum bis-saħħa tal-internet nistgħu nżuru postijiet mingħajr ma nkunu fiżikament fihom. Sit eletroniku li jieħdok tista’ tgħid madwar id-dinja kollha, timxi pass pass fit-toroq. Tara l-monumenti, id-djar, il-palazzi, il-bibien u nsomma dak kollu li jkun hemm fit-triq. B’ dan il-mod qegħdin nispiċċaw li qabel insiefru xi mkien inkunu diġa rajna dak nkunu sejrin niskopru. L-illużjoni tagħna tilfet ix-xogħol. Il-fantasija ħarġet bil-pensjoni.


Delitt
Dan huwa d-delitt li semmejt fil-bidu. Delitt perfett għax ma jħalli l-ebda traċċa imma jħalli effetti kbar. Uliedna ma għadhomx mimlijin fantażija bħalma konna aħna.


Fr Reno Muscat 

Dan l-artiklu deher f'in-Nazjon 24 ta' Mejju 2014