Jingħad li l-ebda
delitt ma jista’ jkun perfett għax dejjem ikun hemm xi ħaġa li titfa’ dawl fuq
il-ħati. Illum ma rridx niffoka fuq delitt kriminali, omiċidju, serq jew ksur
tal-liġi. Id-delitt li għandi f’ moħħi ma jneħħi l-ħajja ta’ ħadd, ma jisraq
xejn materjali u ma jikser l-ebda liġi. F’moħħi għandi l-qtil jew is-serq
tal-illużjoni tagħna.
Ħrejjef u stejjer
Fl-immaġinazzjoni tiegħi din kienet id-dar ta'Ġuljetta |
Min jaf kemm-il darba smajna stejjer u ħrejjef u dlonk ġewwa moħħna npinġu x-xena ta’ dak li nkunu nisimgħu. Nimmaġinaw prinċpijiet u prinċipessi, kastelli u palazzi, draguni, eroj, dak li jgħin lill-eroj u dak li jtellfu. Niftakar lill-bużnanna tiegħi, qabel norqod, tirrakkontali l-istorja ta’ San Ġorġ: Re u prinċipessa, kavallier u dragun. U jien nitgeddes kemm niflaħ taħt il-friex li ma jmurx dak il-lejl id-dragun jiftillu jinżel Ħal Qormi u jittawwal mit-tieqa tad-dar tagħna. Kemm ħolm sabiħ! L-istess ħaġa jiġri meta naqraw xi rumanz. Nibdew nimmaġinaw lill-personaġġi tal-istorja u nibnu xenarju sħiħ sabiex jikkumpanja lil dak li nkunu qegħdin naqraw. Nimmaġinaw l-uċuħ tal-persuni tar-rumanz, noħolqulhom ambjent jixbaħ lil dak li aħna mdorrijin fih. Meta qrajt ir-rumanz ‘Romeo u Ġuljetta’ kont immaġinajt li t-tfalja toqgħod ġewwa dar li tinsab ftit bogħod mid-dar tal-ġenituri tiegħi. Forsi għax kienet dar kbira b’gallarija tal-ġebel miftuħa u b’arma tal-ġebel ta’ żmien il-kavallieri fuq il-faċċata. Waqt li naqra kont nimmaġina u noħlom li dawk il-fatti ġraw kollha tefgħa ta’ ġebla bogħod minni. Din kienet l-illużjoni tiegħi.
Induru d-dinja
L-illużjoni u
l-fantasija tagħna taħdem bis-sahra meta nibdew naqraw jew nisimgħu fuq pajjiżi
barranin. Waqt il-lezzjonijiet tal-Ġeografija il-moħħ idur id-dinja waqt li
l-ġisem jibqa’ mwaħħal mal-bank. Qabel konna naraw mapep jew xi ritratt. Kollox
kien limitat. Id-dinja għalina kienet tasal sa dak ir-ritratt. Jekk xi ħadd
ried ikun jaf iktar kien irid imur hu stess fuq il-post. Madanakollu l-istudju
tal-pajjiżi, l-ibħra u d-dinja kien ikattar fina ix-xewqa li nżuru pajjiżi
barranin kif ukoll kien ipinġilna f’ moħħna xbihat ta’ bliet, xmajjar jew
ibħra li qatt ma nkunu rajna. Għandu mnejn ix-xbihat li konna nfasslu f’
moħħna ma kien ikollhom x’ jaqsmu xejn mar-realtà. Imma dan kien ikun il-frott
tal-illużoni tagħna.
Kollox f’idejna
Illum
il-fantasija tagħna għażżinniha. Il-ħrejjef u l-istejjer li kienu jgħidulna
n-nanniet tagħna qegħdin narawhom fuq it-televiżjoni. Qabel kont niddeċiedi
jien jekk iż-żiemel ta’ San Ġorġ kienx abjad, ixheb, aħmar jew iswed. Il-prinċipessa
kont noħloqha jien, xagħarha twil dehebi, għajnejha kbar żoroq, liebsa lbies
irjali. Illum dan kollu spiċċa. Jekk il-film iġibli żiemel abjad, dak hu, abjad
u daqshekk ma nista’ nżid xejn. U jekk il-prinċipessa xagħarha jkun iswed, hekk
ikollu jibqa’. L-illużjoni tiegħi ma għadhiex tgħodd għax dak li naħseb li
jista’ jkun qiegħed narah quddiemi bla ebda tama li nista’ nżid jew innaqqas xi
ħaġa minnu.
Google Maps jieħdok fejn trid |
L-istess ngħidu
għall-ġeografija. Illum bis-saħħa tal-internet nistgħu nżuru postijiet mingħajr
ma nkunu fiżikament fihom. Sit eletroniku li jieħdok tista’ tgħid madwar
id-dinja kollha, timxi pass pass fit-toroq. Tara l-monumenti, id-djar,
il-palazzi, il-bibien u nsomma dak kollu li jkun hemm fit-triq. B’ dan il-mod
qegħdin nispiċċaw li qabel insiefru xi mkien inkunu diġa rajna dak nkunu sejrin
niskopru. L-illużjoni tagħna tilfet ix-xogħol. Il-fantasija ħarġet
bil-pensjoni.
Delitt
Dan huwa d-delitt
li semmejt fil-bidu. Delitt perfett għax ma jħalli l-ebda traċċa imma jħalli
effetti kbar. Uliedna ma għadhomx mimlijin fantażija bħalma konna aħna.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'in-Nazjon 24 ta' Mejju 2014
Nessun commento:
Posta un commento