domenica 4 maggio 2014

Sotto il Monte Giovanni XXIII

Ir-raħal fejn twieled il-Papa Roncalli

Madwar 17-il kilometru fil-Punent ta’ Bergamo fl-Italja hemm daqxejn ta’ raħal li fih joqgħodu madwar 4,000 ruħ. Tiddomina fuq dan ir-raħal insibu l-muntanja bl-isem Canto, muntanja orfni għax maqtugħa minn ħutha li jiffurmaw il-Prealpi Bergamaski. L-ogħla parti ta’ din il-muntanja hija 2,549 metri ’l fuq mil-livell tal-baħar. Ir-raħal jinsab madwar 300 metru ’l fuq mil-livell tal-baħar. Ir-raħal jinsab bejn żewġ xmajjar: l-Adda, ir-raba’ l-itwal xmara fl-italja, twila 313 kilometru li tispiċċa ġewwa l-Po, l-itwal xmara tal-pajjiż u l-Brembo, li hija twila 74 kilometru u tispiċċa fix-xmara Adda.

Seklu XI  - Seklu XX
Fl-1080 fuq il-muntanja kienet imwaqqfa abbazija ta’ rħieb Benedittini minn Sant’Albertu da Prezzante. Kien għalhekk li dan ir-raħal issemma Sotto il Monte, anzi ismu fil-bidu kien Sotto il monte dei frati. Biż-żmien l-irħieb spiċċaw u magħhom spiċċa wkoll parti mill-isem tar-raħal. Beda jissejjaħ biss Sotto il Monte. Nistgħu ngħidu li sa ftit deċenni ta’ snin ilu l-attività prinċipali tar-raħħala ta’ hawnhekk kienet l-agrikoltura. Il-ħajja kienet iddur mar-raba u mal-knisja parrokkjali iddedikata lil San Ġwann Battista li tiegħu issir festa bil-kbir kull nhar l-24 ta’ Ġunju. Il-bidla bdiet tidher u tinħass għall-ħabta ta’ nofs is-seklu li għadda bl-introduzzjoni tal-makkinarji fir-raba u bl-industrijalizzazzjoni li biddlet il-ħajja tas-Sottomontesi, kif inhuma maghrufin in-nies ta’ hawnhekk.

Għamlu isem
Minn raħal ta’ ftit eluf f’pajjiż ta’ bosta miljuni mhux faċli li ssib nies li jsiru famużi. Imma Sotto il monte huwa marbut ma’ xi ismijiet kbar ukoll. Ġużeppi Turaldi twieled fl-1916 ġewwa Coderno, daħal patri mas-Servi ta’ Marija u ħa l-isem ta’ David Marija. Huwa kien kittieb u poeta li ħalla bosta xogħlijiet. Fl-1964 beda jirrestawra l-abbazija ta’ fuq il-muntajna li diġa semmejna u wara mewtu li ġrat fl-1992 huwa nidfen fiċ-ċimiterju tagħha. Imma bla dubju l-ebda persuna oħra ma tisboq il-fama ta’ Anġlu Ġużeppi Roncalli. Huwa twieled fil-25 ta’ Novembru, 1881 fir-raħal Sotto il monte. Minn qalb dawk in-nies sempliċi, minn qalb il-bdiewa ingħata d-dawl dak li kellu jkun delegat appostoliku tat-Turkija u l-Ġreċja, viżitatur appostoliku fil-Bulgaria, Nunzju Appostoliku ta’ Franza, patrijarka ta’ Venezja u fl-aħħar mexxej tal-Knisja kattolika bl-isem ta’ Ġwanni XXIII.

Ir-raħal u l-Papa
Sa minn meta Roncalli inħatar nunzju huwa għażel li l-arma tiegħu tkun turi torri fuq kamp aħmar b’ faxxa fiddiena orizzontali fin-nofs u fl-irkejjen ta’ fuq insibu żewġ ġilji lewn il-fidda. L-arma ta’ Sotto il monte hija l-istess għajr li f’ rokna minnhom ma hemmx ġilju imma hemm forma ta’ muntanja. Meta Roncalli sar il-patrijarka ta’ Venzja huwa żied l-iljun bil-ġwieneaħ ta’ San Mark, simbolu ta’ din il-belt fl-arma tiegħu, liema arma żamm ukoll bħala Papa. Mal-mewt ta’ dan l-iktar ċittadin magħruf, li ġrat fit-3 ta’ Ġunju 1963, raħal twelidu żied isem il-Papa mal-isem tiegħu u llum huwa magħruf bħala Sotto il monte Giovanni XXIII. Jekk Roncalli ma nesiex raħal twelidu, lanqas raħal twliedu ma jista’ qatt jinsa’ dan l-iben dehen tiegħu.


Illum ir-raħal tal-Papa t-twajjeb iżuruh bosta. Minkejja ċ-ċokon tiegħu xorta wieħed isib x’ jara. Il-knisja ta’ San Ġwann Battista u dik ta’ Santa Marija fejn iċ-ċkejken Anġlu Roncalli irċieva l-magħmudija u fejn qaddes l-ewwel quddiesa tiegħu. Il-Casina Palazzo, fejn twieled Roncalli u il-Cascina Colombera fejn kienet tgħix il-familja Roncalli meta Anġlu kellu 12-il sena.
Kull pass li wieħed jagħmel f’ dan ir-raħal ikun pass fejn mexa Anġlu Roncalli, kull fejn taqa’ l-ħarsa tara dak li ra qabel il-papa t-twajjeb, il-papa li minn għada nibdew insejħulu San Ġwanni XXIII.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 3 ta' Mejju 2014








Nessun commento:

Posta un commento