sabato 17 maggio 2014

Knisja Muta

Mons. Isqof Mario Grech
President tal-Konferenza Episkopali Maltija
Ma tridx wisq biex tinduna kemm kliem l-isqfijiet tagħna huwa minnu meta jgħidu li l-Knisja jekk titkellem taqlagħha u jekk ma tgħid xejn taqlagħha xorta waħda. Din il-ħaġa ma hijiex xi fenomenu ta' pajjizna imma konna u għadna nsibha fid-dinja kollha. Dan ġara ma' bosta papiet ukoll, allura ma nistaġbu xejn jekk isir anke mal-mexxejja tal-Knisja f' pajjizna.


Qabel id-divorzju



Qabel ma' pajjizna introduċa l-ligi tad-divorzju ftit snin ilu, kien hemm min stenna li l-qassisin jgħidu ċar u tond li l-Knisja Kattolika għandha t-tagħlim tagħha dwar dan is-suggett. Mhux għax ma kienx hemm min qal ċar u tond, imma f’pajjiżna kollox għandu l-ħabta jiġi politiċizzat allura ħafna serħu moħħhom mill-maturità tal-poplu Malti. Tajjeb ngħidu li dawk li kellhom id-dritt tal-vot kienu kollha adulti u ta' adulti kellhom ukoll dmir li jfittxu x'inhu t-tagħlim tal-Knisja dwar dan is-suggest. Kellhom dritt jistqasu jew ifittxu.

Sfortunatment mhux talli ma sarx hekk imma kien hemm membri tal-kleru li aktar gerfxu l-imħuħ milli gwidaw il-poplu ta' Alla. Spiċċajna biex kellha argumenti kontra xulxin minn saċerdoti Maltin u dawn spiċċaw aktar ħawdu lil min ma kienx jaf is-sewwa kollu.




Il-Papa Frangisku

Minn meta daħal id-divorzju f'pajjizna inbidel mhux biss il-gvern ta' Malta imma nbidel ukoll il-Papa. Madankollu it-tagħlim tal-Knisja ma nbidilx, dak li kien jgħodd qabel għadu jgħodd illum ukoll. Xi mezzi tal-media, bdew jinterpretaw id-diskorsi ta' Papa Bergoglio kif jaqbel lilhom. Jekk il-Papa jitkellem dwar il-ħtieġa li nħennu u nħobbu l-persuni ddivorzjati dlonk insibu xi mezzi tax-xandir li jgħidu li l-Papa qal li l-persuni ddivorzjati u miżżewġin mill-gdid jistgħu jitqarbnu. Din ma tkun xejn għajr gidba ħoxna u l-Vatikan spiss igiddeb xniehat bhal dawn. Il-Papa ma jkun qal xejn ġdid għajr li dawk li ma sabux xorti fil-ħajja miżżewġa tagħhom, ma humiex esklużi mill-Knisja. Huwa jkun qiegħed jgħidilna li għandna nħennu u nħobbu lil dawn il-persuni xorta waħda għax huma wkoll ulied Alla. Il fatt li ż-żwieġ tagħhom ma rnexxiex ma jfissirx li ma jistħoqqilhomx imħabba u rispett. Xejn ġdid, dan huwa t-tagħlim ta' Ġesù Kristu.

Kun sinċier miegħek innifsek u wiegeb din il-mistoqsija: Hemm bżonn tabilħaqq li jgħidulek x'inhu s-sewwa u x' mhux? Hemm bżonn li jingħatalek kollox bl-imgħarfa?



Unjoni ċivili

Issa li Malta saret wieħed mill-pajjiżi li għandhom il-liġi tal-unjoni ċivili, kien hemm min reġa' beda jikkritika lill-Knisja. U nerġa' nagħmel l-istess mistoqsija li għamilt qabel, u disgħa u disgħin fil-mija naf x' inhi t-tweġiba tiegħek. Tajjeb Inżommu f'moħħna wkoll li żmien l'ancien regime għadda. Illum ma għadux is-sultan li jiddeċiedi liema fidi jħaddnu s-sudditi tiegħu. Illum Stat u Knisja huma żewġ entitajiet differenti li jimxu mal-istess pubbliku imma jistgħu jsegwu toroq differenti.

Kliem Kristu

Kien Kristu stess li qal biex lil Ċesari nagħtuh dak li hu tiegħu u dak li hu ta' Alla nagħtuh lil Alla. Noqgħodu attenti għax dan ma jfissirx li dak li hu ta' Ċesari nagħtuhulu u miegħu nagħtuh dak ukoll li hu ta' Alla. Le nifhmuh sew dal-kliem. Imbagħad min iħoss li dan il-kliem ma jgħoddx għalih allura dik storja oħra.



Imbagħad ngħidu li l-Knisja hija muta. Il-knisja twassal kliem Kristu u mhux kliemha u għalhekk il-messaggi li twassal jistgħu ma jkunux messaggi verbali imma messaġġi mod ieħor. Ngħidu li l-Knisja tibqa' muta meta nsoddu widnejna biex ma nisimgħux kliem min waqafha.



Fr Reno Muscat 

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 17 ta' Mejju 2014


Nessun commento:

Posta un commento