sabato 26 luglio 2014

Ir-rgħajja u n-nagħaġ

Illum rari biex f’pajjiżna tara xi merħla nagħaġ  tirgħa għax minbarra lil-art xagħri naqset, l-imrieħel jitrabbew fl-irziezet. Madanakollu l-Knisja għadha tuża dawn il-kliem sabiex tirreferi għas-saċerdoti u għall-Insara. Biex jien ukoll nuża dan il-kliem allura sejjer ngħid li illum insibu żewġ realtajiet fid-dinja Kattolika, nagħaġ bla rgħajja u rgħajja bla nagħaġ. Faċli wieħed jipponta subgħu lejn ħaddieħor imma insibuha bi tqila biex nikkritikaw lilna nfusna.Illum jien se nipprova mmur kontra l-kurrent u nikkritika lili nnifsi.

Merħla dejjem iżgħar

Kull ma jmur dawk li jifrekwentaw il-Knisja huma dejjem inqas fin-numru. Dan ma huwiex xi fenomenu ta’ pajjiżna biss imma tad-dinja żviluppata kollha, għalhekk is-saċerdoti jridu jibdlu l-mod kif jirgħu, kif jilħqu lill-Insara. Minn fuq is-siġġu fil-kamra, minn quddiem il-monitor tal-kompjuter ma jintlaħqux l-Insara kollha. Illum ma għadux iż-żmien li n-Nisrani jmur ifittex lis-saċerdot imma l-istorja nqalbet ta’ taħt fuq. Iżda donnu li hawn min ma jridx jiskomoda ruħu u joħroġ fit-triq.

Storja vera

Bilkemm titwemmen din l-istorja li ser ngħdilkom, imma ibqgħu żguri li seħħet tassew. Mela wieħed saċerdot li kien għadu kemm qaddes intbagħat jaqdi l-ministeru tiegħu f’ ċertu żona. Hemmhekk kien hemm saċerdoti oħrajn li spiss kienu jgorru dwar in-nuqqas ta’ attendenza ta’ nies fil-knisja tagħhom. Dan is-saċerdot ġdid beda jitħallat man-nies tal-post, imur fejn ikunu huma, jkellimhom fuq kollox u sar donnu wieħed minn tal-post. Fi żmien il-festa kien imur ħdejn iż-żgħażagħ li kienu jkunu jarmaw, mhux biex jgħinhom imma sempliċiment biex ikun ħdejhom. Kien imur il-każin tal-banda u ġieli mar il-post tan-nar ukoll. Dan is-saċerdot rebaħ qalb ir-raħlin u sar imfittex minnhom sabiex iqerru jew biex jiftħu qalbhom miegħu. Kien dejjem disponibbli għall-qrar, ikun fejn ikun, sew fil-knisja kif ukoll barra t-triq ġieli qarar lil min talbu.

Xi saċerdoti li kienu jservu fl-istess knisja tiegħu ma għoġbithom dil-ħaġa. Għandu mnejn beżgħu li se jitilfu xi ftit mill-poter li kienu ilhom snin iggranfati miegħu. Waslu biex qalgħu xniegħat dwar is-saċerdot li kien għadu kif wasal fir-raħal. Qalu li jmur il-każin biex jisker, li jmur ma’ tal-festa biex jiekol u min jaf x’iktar! Il-verità kienet li dawn it-talin kienu għażżenin u ma riedux joħorġu minn kamrithom biex jagħtu servizz lir-raħħala. Fil-konfessinarju ma kienux jinżlu għax għandu mnejn kienu jbatu bil-klawstrofobia. Ara fuq l-ajruplan jew fil-kabina tal-Cruise liner li spiss kienu jmorru fuqu ma kienux ibatu mill-għeluq. Il-konsolazzjoni tas-saċerdot il-ġdid kienet li l-qlajjiet li qalgħu fuqu ma kienu xejn ħdejn dak li qalu u qalgħu fuq l-imgħallem tiegħu.

Ta’ min hi l-ħtija?

Meta tisma’ jew iġġarrab esperjenza bħal ta’ dan is-saċerdot tibda tinduna  x’ wassal biex il-Knisja qegħda fiex qegħda llum. Jien personalment meta nisma’ stejjer bħal din nistgħaġeb mhux kif in-nies ma għadiex tersaq lejn il-Knisja imma niskanta b’ dawk li għadhom imorru. Forsi għalhekk hemm min lill-Papa Franġisku qed jarah bħala theddida għax niżel minn fuq il-pedestall, minn fuq it-tron li bena matul is-snin. Kristu ma kellux tronijiet, ma kellux pedestalli. Kristu ma kienx jibża’ jitħallat ma’ kull xorta ta’ nies. Kristu ma kienx jagħti każ x’ jgħidu fuqu imma stieden biex min irid ikun bħalu, jerfa salibu kuljum u jimxi warajh.

Hemm bżonn li min għażel minn jeddu li jkun ‘ragħaj’ jagħmel xogħolu u dmirijeitlu lejn ‘in-nagħaġ’ u ma joqgħodx jinħela jilħaq salib ħaddieħor. Isir aktar ġid jekk tipprova tirranġa lilek innifsek milli tipprova tħammeġ lil ħaddieħor.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher fin-Nazzjon, 26 ta' Lulju 2014


venerdì 18 luglio 2014

Ħbiberija

Il-Malti jgħid li aħjar ħabib fis-suq minn mitt skud fis-senduq. Dan il-qawl juri kemm hu sewwa li l-bniedem ikollu min jista’ jgħinu f’ waqtiet li jkun jeħtieġ l-għajnuna. Qawl Malti ieħor imbagħad jgħidlek li l-ħbieb sa wara l-bieb u la qbadna mal-qwiel insemmu wkoll dak li jgħid li l-akbar ġlieda hija bejn il-ħbieb. Imma x’ inhi il-ħbiberija? Jista’ bniedem jgħix mingħajr ħbieb? Hawn xi ħadd fid-dinja li ma għandux tal-inqas ħabib wieħed jew ħabiba waħda?

Rabta
Il-ħbiberija nistgħu nqisuha bħala rabta soċjali akkumpanjat minn sensazzjoni ta’ affezzjoni reċiproku bejn żewġ persuni jew aktar tal-istess sess jew ta’ sess differenti. Fi kliem eħfef nistgħu ngħidu li il-ħbiberija hija ġibda lejn peruna jew persuni, tal-istess sess tiegħek jew tas-sess oppost, liema ġibda tkun tinħass mill-partijiet kollha li jkun hemm f’ din il-ħbiberija.

Il-ħbiberija minkejja li hija differnti mill-imħabba, hija bħall-imħabba, ibbażata fuq rispett reċiproku. Kuntrarjamnet għal-imħabba, il-ħbiberija ma hijiex sentiment esklussiv, jiġifieri l-ħbiberija ma teskludix li l-parti l-oħra jkollha relazzjoni ta’ mħabba, relazzjoni affettiva jew sesswali ma’ ħaddieħor. Żewġt iħbieb jibqgħu ħbieb anke meta xi ħadd minnhom jitgħarras, jiżżewweġ jew isib partner.

Fl-iżvilupp
Il-ħbiberija tgħin fl-iżvilupp tal-individwu. L-ewwel forom ta’ ħbiberija jistgħu jinbtu fl-ewwel snin tal-ħajja tal-bniedem meta tarbija tibda taqsam il-logħob tagħha ma’ ħaddieħor. It-tfal żgħar jiltaqgħu ma’ dawk ta’ mparhom u bejniethom titwieled relazzjoni li lanqas nistgħu nsejħulha ħbiberija. Żewġt itfal jibdew jiltaqgħu biex jilgħabu flimkien, jaqsmu l-ġugarelli bejniethom imma lanqas nistgħu ngħidu li dawn isiru ħbieb. Meta t-tfal jibdew imorru l-iskola hemm jibdew jinbtu l-gruppi, tifel jew tifla tibda’ tfittex il-kumpanija ta’ tifel jew tifla oħra u b’ hekk jinħolqu l-ewwel gruppi ta’ ħbieb. Aktar ma jikbru aktar jibdew jgħaddu ħin flimkien u aktar tikber il-ħbiberija bejniethom.  Aktarx li tfal ta’ età żghira jfittxu ħbieb tal-istess sess, biss din ma hijiex xi regola li ma jistax ikollha eċċezzjonijiet. Dawn il-ħbiberiji huma importanti fl-iżvilupp tal-persuna umana.

Fl-era tekonolġika
Issa li t-tekonloġija avvanzata  ġabet lid-dinja raħal wieħed il-ħbiberija wkoll saret titfittex fuq mezzi teknoloġiċi ġodda. Illum tista’ jkollok ħbieb li titkellem magħhom spiss bla ma qatt tkun rajthom b’ għajnejk. Ejjew inħallu barra l-punt ta’ kemm din tkun ħbiberija veru, imma jeżistu ħbiberiji bħal din. Tajjeb ngħidu li minn kull tmien żwiġijiet li jsiru fl-Amerika, koppja minnhom tkun iltaqgħet permezz tal-internet, l-aktar fuq Facebook.


Il-Ħbiberija bħala virtù
Tumas ta' Akwinu
Il-filosfu Aristotile jikkonsidra l-ħbiberija bħala virtù indispensabbli għall-bniedem tant li ħadd ma jgħażel li jgħix ħajja mingħajr ħbieb. Skont dan il-filosfu il-ħbieb huma l-aktar possess li bniedem jista jkollu. Dak li għandu l-ġid kollu ma jkollux bżonn tal-ħbieb għal xi ħaġa materjali imma biex magħhom jaqsam kliemu u ħsibijietu. Allura min ikollu ħbiberija vera jkollu virtù[1]. San Tumas ta’ Akwinu jżomm dak li qal bosta snin qablu l-filosfu Griek u jżid li l-ħbiberija hija virtù mogħti minn Alla lill-żewġ (jew aktar) ħlejjaq imżejna bl-intelliġenza. Huwa jgħid jeżistu għadd ta’ ħbiberiji differenti. Jgħidilna wkoll li mhux kull imħabba jixraqilha tissejjaħ ħbiberija imma dik biss li jkun fiha l-benevolenza, cioè dik l-imħabba li tkun tixtieq il-ġid lill-ħaddieħor, dik l-imħabba ta’ dak li jkun li jqis lil ħaddieħor bħalu nnifsu[2].

Għeluq
Kemm kitbiet, kemm kanzunetti, kemm films trattaw dan l-argument. Dan kollu juri l-importanza tal-ħbiberija f’ ħajjitna. L-ebda bniedem ma jista’ jgħix mingħajr ħbiberija,. Dan huwa sentiment importanti, allura tajjeb wieħed jibża’ għall-elementi ta’ dan is-sentiment, tajjeb wieħed jibża’ għall-ħbieb.





Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher fin-Nazzjon 20 ta' Lulju 2014




[1] Aristotele, Etica a Nicomano, Ktieb VIII.
[2] Tumas ta’ Akwinu, Somma teologica, II-II,23,1

sabato 12 luglio 2014

Fejn hu n-Netikett

Hawn min forsi jistaqsi x’ kelma hi din “Netikett”. Hija neoloġiżmu, jew aħjar kelma ġdida li tgħaqqad żewġ kelmiet flimkien. Mill-kelma Ingliża “network” u dik franċiża “etiquette” ħarġet il-kelma “netiquette” li mbagħad bil-Malti ġieli rajtha miktubha “Netikett”. F’ kelma waħda din tfisser kif wieħed għandu jġib ruħu fuq l-internet. Huma sett ta’ regoli li minkejja li ma huma marbuta mal-ebda liġi, jiddixxiplinaw il-komportament ta’ dak li jkun qiegħed fuq l-internet.

Mill-Web 1.0 għall-Web 2.0



Għall-bidu s-servizz tal-internet kien unidirezzjonali, one way traffic, fejn wieħed kien jikteb u ieħor jaqra, fejn wieħed jimposta u ieħor jirċievi. Il-webmaster jitma’ dak li jrid u min jidhol fis-sit elettroniku jiekol minn dak li joffri l-webmaster. Kien żmien li l-internet joffri biss informazzjoni li  tinqara imma ma kellux post għal min ried jirribatti, jinnega jew jopponi dak li jkun hemm miktub. Maż-żmien it-tekonoloġija nbidlet u biex ngħidlu hekk it-triq twessat u saret bidirezzjonali, mhux iktar one way imma two way. Mill-web 1.0 għaddejna għall-web 2.0 u llum nisimgħu wkoll bil-web 3.0 u anke l-web 4.0. Din hija l-evoluzzjoni fil-qasam tat-teknoloġija tal-informatika, dak li nistgħu nsejħulu l-ħobż ta’ kuljum għall-bniedem tat-tielet millenju.

Social Media

Illum permezz tas-social media kulħadd jista’ jsemma’ leħnu. U la bdejna bil-kliem li forsi mhux kulħadd midħla tiegħu, allura nkomplu sejrin. Nisimgħu wkoll bl-alfabetizazzjoni diġitali. Fi kliem ħafif din tfisser li tkun taf tuża t-tekonoloġija moderna. Jaqbel li nkunu nafu nużawha għax inkella nispiċċaw maqtugħin mir-realtà dinjija. Ma jfissirx li kulħadd għandu l-istess kapaċitajiet fejn tidħol id-dinja diġitali, imma l-bażiku huwa importanti li jkun jafu kulħadd, jew kważi kulħadd.

Il-media soċjali llum huma vasti u nsibu social networking, micro blogging, photo sharing, audio jew video, search engines, live casting u aktar. Għażla bla qies ta’ media li tqarribna lejn xulxin u tagħtina l-opportunità li nesprimu lilna nnifisna.

Beppe Grillo u Daphne Caruana Galizia

Image result for daphne caruana galizia
Daphne Caruana Galizia
Jingħad li ġewwa l-Italja l-aktar blog popolari huwa dak ta’ Beppe Grillo. Grillo juża l-blog tiegħu bħala leħen għall-moviment li waqqaf hu stess, 5 stelle. Huwa jiddikjara li l-blog tiegħu kien l-ewwel magazin online biss. Bosta jidħlu fil-blog ta’ dan il-politiku sempliċiment għall-kurżità, oħrajn biex jinfurmaw ruħhom u oħrajn biex jiktbu xi kumment.

Malta wkoll għandna blogger li fl-opinjoni tiegħi tmexxi l-aktar blog popolari f’ pajjiżna. Qiegħed ngħid għal Daphne Caruana Galizia. Żgur li dan il-blog iżuruh eluf ta’ Maltin, min għax jaqbel mal-kummenti li tħalli l-blogger, min għall-kurżità, min biex jikkritika, min biex jikteb favur u min biex jikteb kontra. Taqbel jew ma taqbilx ma’ Daphne, dlonk tinduna kemm din il-mara għarfet tuża it-teknoloġija web 2.0.  Wieħed ħabib tiegħi qalli li ta’ kull filgħaxija jidħol fil-blog ta’ Caruana Galizia għax hemm ikun jaf mill-ewwel x’ ikun qed jiġri f’ Malta.

Nerġgħu għan-Netikett

Billi llum kulħadd jista’ jikteb u jippubblika li jrid fuq l-internet hawn tidħol il-ħtieġa li nużaw in-netikett. L-internet huwa lok pubbliku u għandu post għal kulħadd għalhekk ħadd ma għandu jabbuża minnu, ħadd ma għandu dritt idejjaq lil ħaddieħor. Sfotunatament ir-realtà hija wisq bogħod mill-etikett mitlub. Kemm kummenti bla sens, kummenti baxxi, kattivi, mimlijin mibgħeda naqraw fuq is-social media! Kont namministra pagna Facebook għalaqtha minħabba kummenti bla sens u mimlijin mibgħeda minn xi persuni li bilkemm għadhom telqu jimxu. Kummenti li joħolqu firda bejn żewġ għadqiet fl-istess parroċċa. U allura nistaqsi: fejn hu n-netikett?

Fr Reno Muscat 

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon, 12 ta' Lulju 2014

L'immagine può contenere: 2 persone





sabato 5 luglio 2014

Diżabilità

Illum il-ġurnata il-kuxjenza lejn persuni bi ħtiġijiet differenti minn dawk li normament jaqgħu f’ moħħna kibbret ħafna. Ma nistgħux ngħidu li ilħaqna l-ogħla livell fejn jidħlu servizzi offruti lill-persuni li llum sirna nsejħulhom “b’diżabilità”, imma tal-inqas il-livell huwa ħafna aħjar minn dak li kien ftit għexieren ta’ snin ilu, u dan mhux biss f’pajjiżna iżda fil-pajjiżi żviluppati kollha.

Min għandu diżabilità?

Meta nsemmu nies b’diżabilità dlonk naħsbu f’ dawk li fiżikament ma jistgħux jagħmlu kollox waħedhom. Imma stenna daqxejn, min minna jista’ jagħmel kollox waħdu? Anke jekk illum għandu mnejn li jeżisti xi ħadd li ma għandux bżonn ta’ ħaddieħor biex jgħix ħajtu bla tfixkil, għad jiġi żmien li saħtu tonqoslu u dak li llum jagħmel waħdu jkollu bżonn l-għajnuna biex jagħmlu. Allura f’ kelma waħda nistgħu ngħidu li lkoll kemm aħna għandna d-diżabiltajiet tagħna, min b’ mod u min b’iehor, min bi ftit u min b’ ħafna.

Nuqqas ta’ ħsieb

Fi djarna u fit-toroq tagħna kultant niltaqgħu ma’ inkonvenjenti li jikkawżaw tbatija bla bżonn. Ngħid id-dritt ma kontx nifhem għalfejn l-awtoritajiet ma kienux jagħtu permess li ssir rampa ta’ garage fuq bankina. Illum nifhem li min ikun għaddej minn fuq il-bankina se jinħoloqlu inkonvenjent b’ dik ir-rampa. M’inix nirreferi għal xi persuna li tkun għaddejja minn hemm fuq siġġu tar-roti, imma għal persuna li tkun għaddejja b’ pushchair jew b’ shopping carrier. Bosta drabi dawn il-persuni ma jkunux jistgħu jibqgħu għaddejjin minn fuq il-bankina u jkollhom jinżlu fit-triq biex ikomplu sejrin fejn kienu sejrin. Ġieli t-triq tkun dejqa u traffikuża u għalhek dawn it-talin ikunu esposti għall-periklu.

Każ li dejjem tani fastidu hija rampa quddiem dar tal-anzjani f’ wieħed mill-irħula Maltin. Id-diriġenti ta’ din id-dar għollew il-bankina b' madwar metru biex l-anzjani tad-dar ma jkollomx jinżlu taraġ meta joħorġu. Sa hawn kollox sew, anzi prosit, imma l-gwaj hu li fuq il-bankina inħolqot rampa u min ikun għaddej min hemm jew ikollu jitla’ u jinżel ir-rampa jew inkella jkollu jinżel minn fuq il-bankina u jimxi fit-triq, li minbarra li hija dejqa hija wkoll traffikuża. Issa l-anzjani tad-dar tnaqqsilhom l-inkonvenjent imma l-pubbliku li jgħaddi mit-triq żdiedlu. Ir-rampa li semmejt setgħet issir fuq ġewwa tad-dar u b’ hekk kienet tissolva problema bla ma tiġi kkawżata oħra. Imma sewwa jgħidu l-Ingliżi li Common sense is not so common! Dan mhux biss nuqqas ta’ ħsieb mid-diriġenti tad-dar imma wkoll mill-awtoritajiet li taw il-permess li ssir din ir-rampa. Nittama tal-inqas li din saret bil-permess!

Sajjetta fil-bnazzi

Forsi naħsbu li d-diżabiltajiet  jew nitwieldu bihom jew jaslu fuqna ladarba nixjieħu. Niżbaljaw bil-kbir meta naħsbu hekk. Ngħidu li riħ ta’ siegħa jbiddel qiegħa, u tabilħaqq għax sempliċi inċident fit-triq, sempliċi marda u tinbidillek ħajtek minn lejl għan-nhar. Ħajjitna tista’ tinbidel bħal sajjetta fil-bnazzi.

Amy Camilleri Zahra
Ħabiba tiegħi inbidlitilha ħajjitha bħall-Erbgħa fost il-ġimgħa. Qiegħed nirreferi għal Amy Camilleri Zahra. Din iż-żagħżugħa inbidlitilha ħajjitha f’ daqqa, imma minflok intelqet mal-kurrent bdiet tiġġieled mal-ħajja u jkolli ngħid li rebħitilha. Illum Amy, flimkien ma’ oħrajn, waqqfet għaqda biex anke nies b’diżabilità jkunu jistgħu jgħixu kemm jista jkun bla problemi żejda. Hija qaltli li d-diżabilità hija s-soċjeta li toħloqha għax kieku kull post ikun aċċessibli għal kulħadd ma tibqa’ teżisti l-ebda diżabilità.  U għalhekk nerġa’ għall-mistoqsija li bdejt biha: min minna jista’ jagħmel kollox waħdu? Min minna ma għandux xi diżabilità? Fi ftit kliem allura nistgħu ngħidu li dak li jsir għal dawk bi bżonnijiet speċjali jsir għalina lkoll, għalik u għalija, għax aħna lkoll għandna jew għad ikollna d-diżabiltajiet tagħna.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher fin-Nazzjon, 5 ta' Lulju 2014