sabato 28 marzo 2015

Il-bidu tat-tlett ijiem qaddisa tal-Għid

L-oriġini u l-evoluzjoni tal-visti tas-seba’ knejjes

It-tlett ijiem qaddisa tal-Għid il-Kbir, li jfakkruna fil-misteru tal-passjoni, l-mewt, id-difna u l-qawmien mill-imwiet ta’ Ġesù Kristu, jibdew minn Ħamis ix-Xirka filgħaxija u jintemmu nhar Ħadd il-Għid. L-ewwel funzjoni liturġika f’ dan it-tridu hija t-tifkira tal-aħħar ikla tal-Mulej u wara jibdew is-seba’ visti. Ejjew naraw ftit kif bdiet din id-devozzjoni tal-visti.

L-ewwel mistoqsija
Bħalma nafu, il-funzjonijiet jibdew il-Ħamis, u bla ma rridu nistaqsu għalfejn ngħidu tlett ijiem meta mill-Ħamis sal-Ħadd hemm erbat ijiem u mhux tlieta.

Irridu nifhmu li Kristu, l-Appostli u l-ewwel Insara kien Lhud u għalhekk kellhom il-mentalità Lhudija kif ukoll kienu kollha mrobbijja f’ambjent u drawwiet Lhud. Għal-Lhud il-jum ma kienx jibda ma’ nofsilejl iżda ma’ nżul ix-xemx tal-jum ta’ qabel. Għall-ewwel Insara, il-Ħamis filgħaxija kien ifisser il-Ġimgħa. Din id-drawwa adottatha wkoll il-Knisja u għadna nipprattikawha. Fil-fatt illum wieħed jista’ jisma’ quddiesa s-Sibt filgħaxija biex jaqdi l-obbligu tal-Ħadd. Mela b’ dan ir-raġunament nistgħu ngħidu li t-tlett ijiem tal-Għid il-Kbir huma minn Ħamis ix-Xirka filgħaxija sal-Għid il-Kbir filgħaxija.

Is-seba’ visti
Bosta minna l-Maltin inżommu l-appuntament annwali biex f’ Ħamis ix-Xirka nagħmlu l-Visti tas-seba’ Knejjes. Għandna mnejn naħsbu li din hija xi devozzjoni tagħna l-Maltin biss, imma nkunu niżbaljaw jekk naħsbu hekk. Id-devozzjoni jew drawwa tal-visti tas-seba’ sepulkri, kif konna nsejħulhom sa ftit snin ilu u għad hawn min isejħilhom hekk sal-lum, bdew ġewwa Ruma, il-kapitali tal-Fidi Nisranija. Kien San Filippu Neri li beda din id-devozzjoni popolari li jsir pellegrinaġġ għal seba’ knejjes u jiġu mmeditati seba’ waqtiet li Ġesù għadda minnhom fi triqtu lejn il-Kalvarju.

San Filippu Neri
Dan il-qaddis għex bejn l-1515 u l-1595. F’ bosta mill-knejjes tagħna insibu xi xbieha ċkejkna tiegħu, forsi llum f’ xi sagristija jew f’ xi mużew parrokkjali. Insibu wkoll knisja ġewwa l-Isla u oħra f’ Ħal għaxaq iddedikati għalih kif ukoll xi niċeċ fit-toroq jew knejjes tagħna. Huwa twieled Firenze u miet Ruma u l-fadalijiet tiegħu għadna nsibuhom fil-Knisja ta’ Santa Maria in Vallicella, jew kif jafha kulħadd Chiesa Nuova, f’ Corso Vittorio Emanuele f’ Ruma. Il-festa tiegħu niċċelebrawha fis-26 ta’ Mejju. Huwa wkoll patrun taż-żgħażagħ għax f’ ħajtu ħadem bosta ma’ żgħażagħ li kienu jiġġerraw barra t-triq.

L-ewwel pelleġrinaġġi
Il-visti tas-seba’ knejjes kienu jsiru fuq forma ta’ pellegrinaġġ ta’ jum sħiħ. Dan ma kienx isir f’Ħamis ix-Xirka iżda f’ xi jum tar-randan. Biż-żmien beda jsir lejn tmiem ir-randan. Il-knejjes li kienu jżuru l-pellegrini kienu l-erba’ Bażiliċi Papali: San Pietru tal-Vatikan, San Pawl Fuori le Mure, San Giovanni in Laterano u Santa Maria Maggiore u tliet knejjes oħra: Santa Croce in Gerusalemme, San Lorenzo al Verano u San Sebastiano Fuori le Mure. Minkejja li dawn is-seba’ knejjes jinsabu kollha f’ Ruma, it-triq biex iżżurhom kollha fiha aktar minn tmintax-il kilometru. Minħabba t-tul tal-pellegrinaġġ il-visti bdew isiru fi knejjes eqreb għaliex ma kienx prattiku li wara l-quddiesa ta’ Ħamis ix-Xirka jsir pelleġrinaġġ ta’ dan it-tul.

Is-sepulkru
Fil-medju evu dawn il-pellegrinaġġi bdew jissejħu bħala l-vista tal-qabar ta’ Kristu, bit-taljan Sepolcro. Min hawn ħadu l-isem żbaljat ta’ sepulkri l-artali li jitħejjew biex iżommu l-Ewkaristija sal-funzjoni tat-tlieta tal-jum tal-Ġimgħa l-Kbira. Fi tmiem it-tifkira tal-aħħar ikla tal-Mulej, is-sagrament jitpoġġa f’ artal imżejjen sabiex hemmhekk ikun venerat. Kotba lituġiċi antiki jgħidu li s-Sagrament kellu jkun trasportat b’ mod solenni, bis-saċerdoti jżommu x-xama’ f’ idejhom u waqt il-ġarr isir il-ħruq tal-inċens. Għandu mnejn din il-purċissjonin qasira kienet tixbaħ xi ftit il-funerali u għalhekk jista’ jkun li l-artal fejn jinżamm is-sagrament beda jissejjaħ sepulkru, li kif għidna jfisser qabar. Fil-verità il-kelma ‘sepulkru’ ma nsibuhiex fil-liturġija.

Mal-medda taż-żmien
Aktar ma’ għadda żmien aktar din id-devozzjoni bdiet issir popolari u ħarġet ’il barra minn Ruma, niżlet fir-renju ta’ Sqallija minfejn nassumu li waslet f’ pajjiżna wkoll. Is-sepulkri bdew kull ma jmur jissebħu u bdew jidħru fihom elementi li jfakkruk fid-difna ta’ Kristu u għalhekk il-Kongregazzjoni tar-Riti riedet tillimita din il-ħaġa għaliex dak ma huwiex qabar. Il-Konċilju ta’ Trento (1545 – 1563) ried li l-Insara jifhmu li dak ma huwiex il-qabar ta’ Kristu imma huwa l-post fejn hemm merfugħ il-Ġisem ta’ Kristu ħaj u għalhekk ried li l-urna li fih ikun hemm is-Sagrament tissebbaħ u l-artal li fuqu titpoġġa jkun aramat bil-fjuri. Madanakollu n-nies xorta baqgħet issejjaħ dan il-post bħala s-sepulkru. Il-kongregazzjoni tal-Kult Divin, fl-1988 tenniet dak li talab il-Konċilju ta’ Trento, u fid-dawl tal-Konċilju Vatikan II, qalet li l-artal tar-repożizzjoni ma għandux ikollu forma ta’ qabar u l-kelma ‘Sepulkru’ għandha tiġi evitata għaliex dan il-post ma jitħejjiex għad-difna tal-Mulej imma sabiex jitħares il-Ġisem Ħaj ta’ Ġesù sakemm jitqassam lill-fidili l-għada, nhar il-Ġimgħa l-Kbira.


Fr Renò Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon, 28 ta' Marzu, 2015



venerdì 20 marzo 2015

B’ tal-linja jaqbillek?


Kemm-il darba smajna l-kliem “B’ tal-linja jaqbillek”. Kien sar donnu slogan biex il-poplu juża l-mezzi pubbliċi aktar u jħalli l-karozza tiegħu fil-garage. Jien poġġejt punt interrogattiv wara din il-frażi biex b’ hekk qiegħed nistaqsi jekk b’ tal-linja jaqbillekx jew le.

Qlajt transfer
Dawn l-aħħar snin kont noqgħod il-Birgu. Ftit ġimgħat ilu ġarrejt għal tas-Sliema. Jekk inkun irrid nitkellem tqil ngħid li s-superjuri biddluli l-assenjazzjoni tiegħi. Jekk inkun irrid nuża kliem li jifhmu kulħadd ngħid li qlajt transfer. Tas-Sliema hawn realtà differenti għal kollox mill-Birgu. Hawn differenza li bilkemm temmen li bqajt fl-istess nazzjon. Fost id-differenzi li dlonk innutajt, hemm dik fejn jidħlu l-mezzi ta’ trasport. Fejn qabel kont b’ qalbi ttaqtaq li jwaqqafni xi ħadd fit-triq jiena u sejjer għal tal-linja, għax għal minuta titlef il-karozza tal-linja u għandu mnejn ikollok tistenna madwar siegħa oħra, hawnhekk is-servizz tal-karozzi tal-linja huwa aktar effiċċjenti, titlef waħda u wara ftit minuti tara oħra ġejja.

Imma minn tas-Sliema jgħaddu ukoll numru kbir ta’ karozzi privati meta mqabbel man-numru ta’ karozzi li għaddu mill-Kottonera. Għalhekk hemm tendenza li f’ ċerti ħinijiet jinħoloq it-traffiku u għalhekk vjaġġ minn tas-Sliema sal-Imsida, li suppost ma jdumx aktar minn kwarta, għandu mnejn joħodlok tliet kwarti jew siegħa. It-tort ma huwa ta’ ħadd, il-karozzi fit-toroq tagħna huma ħafna u t-toroq huma dawk li huma.

Lanċa ġejja u oħra sejra

Min ma jafx l-għanja popolari Maltija “Lanċa ġejja u oħra sejra, minn tas-Sliema għal Marsamxett”? Jekk fir-rush hour, vjaġġ minn tas-Sliema sal-Belt joħodlok siegħa, bil-lanċa tista’ tasal fi ftit minuti. U hawn nistaqsi għalfejn is-servizz tal-laneċ ma huwiex parti mill-kumpanija li tipprovdi s-servizz tal-karozzi tal-linja? Kieku bil-biljett tal-karozza tal-linja tkun tista’ tirkeb il-lanċa wkoll, bosta Maltin jibdew jużaw dan il-mezz.

U la qegħdin insemmu tas-Sliema u Marsamxett, nistaqsi mistoqsija oħra. X’ aħna nistennew biex naħsbu u nħaffru mina minn Manuel Island sal-Furjana u oħra minn ħdejn il-pixkerija l-Belt sa Bighi fil-Kalkara? Kieku kellhom isiru dawn iż-żewġ mini, twal xibrejn kollox, tkompli tonqos il-probelma tat-traffiku f’ Malta għax min ikun fin-nofsinhar ta’ Malta u jkun irid jersaq lejn tas-Sliema jew San Ġiljan ma jkollux għalfejn jgħaddi mill-Marsa u l-Imsida, żewġ punti li huma salib it-toroq ta’ bosta direzzjonijiet. Mini taħt il-baħar hawn kemm trid fid-dinja. Tkun Marsilja, biex nagħti eżempju wieħed biss, tkun qiegħed issuq mal-port, u tinżel f’ mina u x’ ħin titla’ ssib ruħek fuq in-naħa l-oħra tal-port. Għalfejn aħna naqtgħu qalbna minn ħaġa bħal din? Kieku anke vjaġġi b’ tal-linja jkunu iqsar.

Kenn mix-xemx u x-xita

Ladarba qegħdin nitkellmu fuq tal-linja, tajjeb insemmi l-kenn fejn il-passiġġieri jkunu jistgħu jistennew sakemm tasal il-karozza. Qiegħed nirreferi għal dawk tal-ħġieġ bil-poeżija ta’ Oliver Friggieri fuqhom. Għad li fid-dehra huma sbieħ, dawn il-kennijiet ma humiex prattiċi. Fis-sajf tmut bis-sħana fihom u fix-xitwa, r-riħ kiesaħ li jaħkem fihom tħossu jidħollok fl-għadam. Imma agħar minn  dawk il-waqfiet li għandhom kenn bħal dawn li qiegħed insemmi huma dawk il-waqfiet li ma għandhomx kenn. Dawn ma humiex waħdiet. Povri dawk li jkollhom jistennew f’ waqfiet bħal dawn. Imbagħad hemm anomalija oħra, hemm waqfiet ħdejn xulxin, xi wħud bil-kenn u oħrajn le. Qiegħed ngħid għall-waqfa tal-Bombi fil-Furjana. Fejn jieqfu l-karozzi li jmorru lejn il-Kottonera, iż-Żurrieq u dik iż-żona hemm kenn, imma fejn jieqfu l-karozzi li jkunu sejrin lejn ir-Rabat u ż-żona u Ħaż Żebbuġ u ż-żona ma hemmx kenn. Tajjeb li min hu inkarigat jieħu naqra ħsieb.

Tal-linja b’ xejn
Jiena nemmen li biex il-Maltin jibdew jużaw il-karozzi tal-linja, is-servizz għandu jkun bla ħlas. Taħsbux li qiegħed nitlef rasi, naf li hemm spejjes kbar involuti. Imma jekk it-trasport pubbliku jkun bla ħlas u n-nies tibda’ tużah aktar, jonqsu l-karozzi privati mit-toroq u għalhekk jonqos il-velenu li joħroġ fl-arja min dawn il-karozzi. Ladarba jonqos il-velenu fl-arja jonqos anke l-mard u għalhekk il-gvern tonqoslu l-ispiża tal-kura fl-isptarijiet. Il-miljuni frankati jkunu jistgħu jintużaw għat-trasport.  Mezz ieħor biex ikun iffinanzjat is-servizz huwa li kull min għandu t-tieni karozza f’ismu jkollu jħallas taxxa, issir roster meta jibdew joħorġu ċerti karozzi, jogħlew il-multi għal kontravenzjonijiet li jsiru fit-toroq u kollox imur biex jiġi ffinanzjat dan is-servizz. B’hekk il-poplu jkollu inċentiv li juża tal-linja u ladarab s-servizz ikun użat, dan jibda jaħdem b’mod effiċjenti.

Mhux lakemm taqbad u tbiddel biex iseħħ dak li qiegħed ngħid jiena, imma lanqas semmejt ħwejjeġ ta’ barra minn hawn. Bi pjan tajjeb jista’ jsir xi ħaġa biex ineħħu l-punt interrogattiv minn wara l-frażi: B’ tal-linja jaqbillek?


Fr Renò Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon, 21 ta' Marzu, 2015




domenica 15 marzo 2015

Meta l-abjad ikun abjad u l-iswed ikun iswed

Il-karattru tagħna l-Maltin huwa wieħed Mediteranju, u nafu x’ jiġifieri karattru bħal dan; bnedmin li kultant ma jaħsbuhiex darbtejn biex jgħidu dak li jaħsbu, anke jekk dak li jkunu qegħdin jaħsbu ikun żbaljat, imma l-aqwa li jisparaw il-kliem.

Għażla ta’ Arċisqof ġdid
Meta ħarġet l-aħbar li l-Isqof Mons Charles J. Scicluna sejjer ikun l-Arċisqof il-ġdid tal-Arċidjoċesi tagħna, kien hemm min qal li seta’ tħabbar l-għada tar-riżenja ta’ Monsinjur Pawl Cremona u mhux ħallewna dawn ix-xhur kollha nistennew. Min qal hekk ma jafx x’ inhija l-proċedura għall-ħatra ta’ isqof djoċesan. U mill-banda l-oħra f’ dawn ix-xhur li Malta ma kelliex arċisqof, id-djoċesi kienet immexxija minn Amministratur Appostoliku, li qeda dmiru sewwa u d-djoċesi tagħna ma daħlet fl-ebda kriżi billi ma kelliex Arċisqof.

Mal-għażla ta’ Monsinjur Scicluna kien hemm min reġa’ semma’ l-kliem li sar f’ Diċembru li għadda. Ħalli niftakru fuq fuq x’ kien intqal. Il-President ta’ Malta fid-diskors tagħha f’ Jum ir-Repubblika kienet qalet li l-Knisja ma għadiex ċentrali fil-ħajja Maltija. Ħaġa li ma tkunx ċentrali ma jfissirx li ma hijiex importanti, imma jfisser li mhux kollox idur magħha. Jien qatt ma għaddieli minn moħħi li s-Sinjura Coleiro Preca xi darba ddubbitat mill-importanza tal-Knisja Maltija, imma qalet kif tara l-qagħda tal-Knisja f’ Malta. Dan ma jinnegax li l-Knisja f’ Malta kienet pijuniera f’ kull qasam tal-ħajja ta’ pajjiżna, dan ma jħassarx il-fatt li l-Knisja ta’ Malta dejjem wettqet politika soċjali qabel kull gvern. Tkellem sewwa ħafna l-Amministratur Appostoliku, l-Isqof Charles  J. Scicluna fi żmien il-festi tal-Milied u l-ewwel tas-sena meta qal li d-dawl mhux bilfors ikun f’ nofs il-kamra biex idawwalha, bozza tista’ tkun f’ rokna u ddawwal il-kamra xorta waħda. Miż-żewġ naħat kien hemm min ħassu offiż. Kien hemm dawk li qalu li l-President ma kienx messha tkellmet hekk u kien hemm min qal li Monsinjur Scicluna ma kienx imissu jwieġeb d’ dak il-mod.


Kemm qegħdin sew ukoll! Niftaħru li ngħixu f’ pajjiż demokratiku u mbagħad nieħdu fastidju jekk bniedem jgħid dak li jħoss jew jaħseb.  Personalment kemm fid-diskors tal-President kif ukoll fil-kliem tal-Monsinjur Scicluna nara l-verità sħiħa, nara l-verità minn żewġ angoli differenti, imma hija dejjem l-istess verità.

Mhux l-awtorità biss
Ħaġa bħal din ma ssirx biss meta jitkellemu l-awtoritajiet. Fuq il-mezzi tal-midja soċjali ġieli jqumu argumenti sħan dwar xi ħaġa żgħira. Dawn l-argumenti ġieli jaqbżu kull limitu u joħorġu mill-kuntest oriġinali u jispiċċaw jingħadu ħafna ħmerijiet.

Milux fuq paġna soċjali ta’ interess fl-ilsien Malti, tfajt ritratt ta’ riklam ta’ prodott li kienet issir Malta fis-snin sebgħin. Fir-riklam kien hemm xi żbalji ortografiċi tal-Malti u jiena ktibt li dak il-prodott kien ħażin daqs il-Malti li hemm fir-riklam. Kien hemm min fehem iċ-ċajta, imma kien hemm min ħa fastidju u beda jmeri u jinsisti li dak kien prodott tajjeb. Ta’ xejn li bosta oħrajn bdew jaqblu miegħi għax kien hemm xi wħud li baqgħu jinsistu li qegħdin ngħidu hekk għax għandna xi ħsieb ulterjuri. Fil-verità kienu dawn it-talin li bdew iħalltu l-ħass mal-kaboċċi għax aħna konna qegħdin niddiskutu l-kitba fuq ir-riklam u mhux il-qagħda ta’ Malta fis-snin sebgħin.

Kollu ta’ xejn li ppruvana ngħidu li kien hemm prodotti oħra fl-istess snin li kienu jssir Malta wkoll u kienu tajba. Tiskanta kif hawn min kollox jara mil-lenti tal-politika partiġġjana. Hawn min jara kollox aħmar u dak li huwa blu jarah ikrah u hawn min jara kollox blu u l-aħmar ma jridx jarah b’ għajnejh. Imma possibbli li fl-2015 għad hawn esseri umani li jirraġunaw b’ dan il-mod? Jiddispjaċini ngħid li iva, baqa’ minn dawn li jilbsu nuċċali u l-kulur tan-nuċċali tagħhom biss jaraw tajjeb. Għall-grazzja ta’ Alla dawn huma ftit. L-istorja riċenti ta’ pajjiżna turina biċ-ċar li llum ftit huma dawk li jilbsu nuċċali u ma jibdluh qatt. Meta l-abjad ikun abjad u l-iswed ikun iswed għandna ngħidu dak li hu.

Dan huwa tip ta’ karattru Malti li l-fatti qegħdin juruna li kull ma jmur qiegħed jiċkien fin-numru ta’ Maltin li jġorruh. U mhux li kien jintemm għal kollox sabiex nibdew ngħidu dak li tabilħaqq għandu jkun.


Fr Renò Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 14 ta' Frar 2015

domenica 8 marzo 2015

Is-sena tal-ħajja kkonsagrata

L-2015 kienet iddikjarata mill-Papa Franġisku bħala s-sena tal-ħajja kkonsagrata. Sena li fiha l-Knisja Kattolika suppost għandha tirrifletti aktar mis-soltu fuq dawk il-membri tagħha li għażlu li jikkonsagraw lilhom infushom lil Alla. Dawk li jgħixu l-ħajja kkonsagrata huma dawk li komunament insejħulhom patrijiet jew sorijiet, għalkemm insibu wkoll persuni kkonsagrati li la huma patrijiet u lanqas sorijiet, imma ejjew nillimitaw ruħna għal dawn iż-żewġ kategoriji.

Papa mill-ħajja kkonsagrata
L-għażla ta’ Jorge Mario Bergoglio kissret katina ta’ xejn inqas minn 11-il papa li ma kienx membru ta’ xi ordni reliġjuż. Kien il-Papa Girgor XVI li miet fl-1846 l-aħħar patri papa qabel Franġisku. Girgor kien Benedittin u Franġisku huwa Ġiżwita, li minkejja d-differenza fil-kariżmi tal-ordnijiet, huma t-tnejn jagħmlu parti mill-ħajja kkonsagrata. Għandu mnejn il-fatt li dan huwa papa ġej minn din il-ħajja, ħass aktar minn oħrajn il-ħtieġa li jkun hemm sena fejn il-Knisja tħares aktar mill-qrib lejn din il-faxxa ta’ nies fi ħdanha.

Għaliex mhux il-qassisin?
Bosta persuni ma jagħrfux id-differenza bejn patri u qassis. Forsi Malta għad għandna xi ftit għarfien ta’ dawn iż-żewġ ħajjiet differenti, biss f’ bosta pajjiżi oħra ssib min ma jagħmilx distinzjoni bejniethom. Il-qassis ma jkunx jgħix f’ kunvent imma jgħix fid-dar tiegħu. Ir-reliġjuż, jiġifieri l-patri jew is-soru, jgħixu f’ kunvent. Il-qassis wara li jispiċċa s-snin tal-formazzjoni jerġa’ lura biex jgħix mal-familja tiegħu ġewwa d-dar, il-patri jibqa’ fil-kunvent. Ir-reliġjuż iwiegħed li jgħix il-faqar, il-kastità u l-ubbidjenza f’ dik li tissejjaħ professjoni. Il-qassis ma jagħmilx professjoni.  Il-qassis jaqa’ direttament taħt l-isqof, il-patri għandu l-provinċjal, il-gwardjan jew il-pirjol bħala s-superjuri tiegħu. Dan ma jfissirx li ma huwiex taħt l-isqof, imma xi deċiżjonijiet dwaru, per eżempju f’ liema kunvent ikun assenjat, ma jidħolx l-isqof fihom imma s-superjur tal-patri stess. Mill-bqija patri u qassis huma t-tnejn saċerdoti u s-sagrament tal-Ordni Sagri li ħadu huwa l-istess għat-tnejn.

Itolbu lil sid il-ħsad
In-Nisrani għandu ordni diretta mingħand Ġesù biex jitlob għal vokazzjonijiet. Kliem Kristu huwa ċar daqs il-kristal: “il-ħsad kbir imma l-ħaddiema ftit. Itolbu lil sid il-ħsad jibgħat ħaddiema għall-ħsad tiegħu.” (Mt 9: 37-38). Naf li jsir bosta talb għal dan l-iskop, madanakollu l-ħajja kkonsagrata dejjem qegħda tnin, kull ma jmur dejjem jagħlqu l-kunventi, in-numru ta’ patrijiet u sorijiet dejjem jiċkien, ir-reliġjużi xjuħ imutu u ma hemmx min jieħu posthom. Din hija realtà li ma nistgħux naħarbu minnha. Allura jkun hemm min jaħseb li t-talb li jsir għall-vokazzjonijiet ma jkunx qiegħed jiġi mismugħ. Dwar dan inħallu f’ idejn il-Mulej. Wara kollox mhux il-kwantità tgħodd imma l-kwalità.

Minbarra t-talb jeħtieġ ukoll li l-ħajja fil-kunventi taġġorna ruħha. L-ambjenti f’ xi kunventi għadhom dawk ta’ meta nbnew, mijiet ta’ snin ilu. Xi wħud iġibu l-iskuża bil-faqar li r-reliġjużi jwegħdu li jgħixu. Hemm min jiskandalizza ruħu jekk patri jkollu l-aktar ħtiġijiet bażiċi fil-kamra, u għalhekk għadna nsibu kunventi fl-Ewropa tal-2015 li l-kmamar tagħom jonqoshom kollox.  Imma dan ma huwiex il-faqar Evanġeliku, dan huwa miżerja u tmexxija ħażina tal-ġid komuni. Dan huwa eżempju wieħed biss, u eżempju ħafif, għax jekk wieħed jibda jsemmi, hemm ruxmata x’ jikteb aktar.
Tajjeb nitolbu għal ħaddiema ġodda, imma tajjeb ukoll li ma ninsewx li min diġà beda jaħdem fl-għalqa.

Mhux tad-dinja imma fid-dinja
Kultant nitkellem ma’ xi sorijiet tal-klawsura, li huma wkoll parti importanti mill-ħajja kkonsagrata, u niskanta kemm dawn ikunu infurmati b’ dak li jkun għaddej fid-dinja. Għal kuntrarju ġieli nitkellem ma’ xi sorijiet ta’ ħajja attiva, jiġifieri dawk li ma humiex tal-klawsura, dawk li joħroġu u jitħalltu man-nies, u bilkemm ikunu jafu x’ qed jiġri. Titkellem magħhom dwar dak li qed jiġri fid-dinja, dwar każi riċenti li mlew il-ġurnali u l-aħbarijiet tagħna u tistħajlek qiegħed titkellem ma’ persuna li tgħix fil-qamar! Mhux sewwa, ir-reliġjużi għad li ma humiex nies mondani, nies mogħtijin għad-dinja, ma jistgħux ma jkunux jafu x’ inhu jiġri madwarhom. Lili għallmuni li r-reliġjuż irid iżomm il-Bibbja f’ id u l-gazzetta fl-id l-oħra.

Mhux faċli tibdel mentalità, imma sena ddedikata għall-ħajja kkonsagrata għandha mnejn titfa’ ftit dawl fuq ħafna realtajiet. Nispera li din ma tkunx biss sena li tgħaddi bħal bosta oħrajn u t-trab nibqgħu nitfgħuh taħt it-tapit biex jiżdied ma’ dak li ilna nitfgħu.


Fr Renò Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon, 7 ta' Marzu 2015