Fl-Eżortazzjoni Appostolika, Post- Sinodali li ġġib l-isem Ecclesia in Europa, maħruġa fit-28 ta’
Ġunju tal-2003, Il-Papa San Ġwanni Pawlu II kien kiteb hekk: Minkejja li f’
bosta partijiet kbar tal-kontinent Ewropew hemm dekristjanizazzjoni, hemm ukoll sinjali li jispjegaw il-wiċċ ta’
Knisja li temmen, ixxandar, tiċċelebra u taqdi lill-Mulej. Fil-fatt ma jonqsux
eżempji ta’ Insara awtentiċi li jesperjenzaw silenzju kontemplattiv, jieħdu sehem
fedelment f'attivitajiet spiritwali, jgħixu l-Evanġelju fil-ħajja tagħhom ta'
kuljum u huma xhieda ta’ dan l-Evanġelju fid-diversi impenji tagħhom. Tista’
tidher ukoll manifestazzjoniji ta’ “qdusija popolari”, li tfisser li fl-Ewropa tal-lum
mhuwiex impossibbli li tgħix l-Evanġelju individwalment u f’ esperjenza komunitarja
awtentika. (numru 67)
Id-devozzjonijiet popolari f’ Malta ma humiex nieqsa, imma x’ importanza
għandhom fil-ħajja tagħna llum? Fuq kollox x’ inhuma dawn id-devozzjonijiet
popolari?
Fratellanzi, pellegrinaġġi u
purċisjonijiet
Fl-Ewropa kollha insibu ħafna u ħafna devozzjonijiet. Xi wħud minnhom huma
antiki ferm u jistgħu jkollhom eluf ta’ snin, devozzjonijiet li bdew fl-ewwel
snin tal-Kristjaniżmu. Ma hemmx għalfejn immorru wisq bogħod; f’ pajjiżna stess
għandna postijiet marbutin mal-miġja ta’ San Pawl fuq xtutna. Postijiet bħal
dawn taw bidu għal għaqdiet ta’ nies li jkollhom interess komuni. Maż-żmien
bdew jitwieldu l-fratellanzi fi knejjes oħrajn li minbarra skop reliġjuż kien
ikollhom ukoll skop soċjali. Kienu speċi ta’ trade unions żgħar taħt il-kappa tal-Knisja.
Il-postijiet marbuta ma’ xi ġrajja jew ma’ xi qaddis partikolari bdew ikunu
postijiet ta’ kult (devozzjoni) popolari u għalhekk kienu jiġu organizzati
pellegrinaġġi fihom. L-akbar xewqa ta’ kull Nisrani kienet dik li jżur l-art
fejn twieled, għex, miet u rxoxta Ġesù, imma kemm minħabba problemi ta’ flus,
kif ukoll minħabba li mhux dejjem kien possibli li pellegrinaġġi bħal dawn
isiru, bdejna nsibu d-devozzjoni tal-Via Sacra fil-knejjes tagħna u wieħed kien
ikun jista’ jimxi pass pass il-passjoni ta’ Kristu mingħajr ma jkollu għalfejn jitlaq minn
pajjiżu.
Il-purċissjonijiet bdew isiru bis-sagrament jew b’ xi relikwija ta’ xi
qaddis. Ir-relikwarji bdew kull ma jmur isiru aktar elaborati u bdew isiru anke
statwi tal-fidda biex iżommu dawn ir-relikwi. F’ Napli għadhom joħorġu
purċissjonijiet bi statwi tal-fidda. Mhux statwa waħda jew tnejn imma aktar
minn għoxrin waħda joħroġu biex jiċċelebraw il-festa ta’ San Ġennaru. L-istatwi
huma ta’ qaddisin prottetturi ta’ din il-belt Taljana. F’ pajjiżna wkoll
insibnu li l-parroċċi kollha għandhom l-istatwa titulari, xi wħud qodma, li
resqin lejn it-300 sena u oħrajn ġodda. Purċissjonijiet isiru mhux biss
tal-qaddisin patruni tal-parroċċa imma hemm xi lokalitajiet fejn isiru bosta
purċissjonijiet ta’ festi sekondarji. Il-purċissjoni għadha tiġbed bosta nies
lejha.
Dawn huma kollha devozzjonijiet popolari li bħalma semma San Ġwanni Pawlu
II, jgħinu biex dak li jkun jgħix l-Evanġelju f’ esperjenza komunitarja.
Għalhekk huma importanti għax il-bniedem ma huwiex maħluq biex jgħix waħdu imma
fin-natura tiegħu ifittex il-komunità. Il-bniedem ifittex ukoll l-ispiritwalità.
Il-fratellanzi, il-pellegrinaġġi u l-purċissjonijiet joffru spazju u ħin biex
dak li jkun jgħix din l-esperjenza komunitarja, soċjali u spiritwali.
Il-pageantry
Ma nafx kif naqbad insejjaħ il-pageantry
bil-Malti; forsi spettaklu reliġjuż? Hu x’ inhu, nispera li tifhmu għal xiex
qiegħed nirreferi. Ir-rapreżentazzjonijiet teatrali marbutin ma’ xi ġrajja
reliġjuża kienu popolari ferm fil-medju evu. In-nies kienet analfabeta, ma tafx
taqra u tikteb imma kienet tħobb tisma’ u tara. Kienu jsiru rapreżentazzjonijiet
teatrali fil-pjazez u n-nies kienet tinġabar biex tara. Bosta drammi kienu
jkunu xi siltiet mill-ħajja ta’ Kristu.
Parti minn dawn ir-rapreżentazzjonijiet daħlet fil-kultura tagħna bla ma
nafu. Mela meta kien isir id-dramm ta’ Kristu tiela’ s-sema, kien jintrama
apparat biex l-attur li jagħmilha ta’ Kristu jitla’ ’l fuq mill-palk. Kien
apparat tal-injam. Sabiex jinħeba dan l-apparat kien jitpoġġa liżar impitter
taparsi sħaba. Minn hemm ħadna d-drawwa li meta nagħmlu xi rapreżentazzjoni
tal-ġenna, jew tas-sema, dejjem naraw in-nies fuq l-isħab. Araw xi film tal-after death, jidhru nies mexjin fuq
l-isħab. Illum fl-2015 għanda niltaqgħu ma’ dan il-fatt ukoll. Osservaw ir-reklam
ta’ ċerta marka ta’ kafè li jidher fuq l-istazzjonijiet televiżivi Taljani, iġiblek
il-ġenna fl-isħab. Dan kollu kellu l-bidu tiegħu fil-liżar impitter biex jaħbi
l-apparat fir-rapreżentazzjoni teatrali ta’ Kristu tiela’ s-sema.
Importanza
B’ dan l-eżempju tal-pageantry
ridt nuri l-importanza ta’ dak li huwa sagru fil-ħajja tal-bniedem. Minkejja
kollox xorta għad għandna bżonn is-sagru, xorta għandna nħossu l-ħtieġa ta’ xi
ħaġa akbar minna. Dan is-sentiment nesprimuh fil-festi. F’ pajjiżna l-festi m’
aħniex nieqsa minnhom u huma l-aktar devozzjoni popolari mifruxa, kultant anke
b’ mod eseġerat. Nistaqsi: kieku kellu jsir referendum (ladarba għadna friski
minn wieħed) dwar il-festi f’ Malta, dawn jibqgħu jew jitneħħew? Minkejja
kollox, qabel ma wieħed iwieġeb, għandu jiftakar l-importanza umana
tal-ispiritwalità u l-okkażjoni ta’ esperjenza komunitarja awtentika li wieħed
jista’ jsib fil-festi tagħna.
Fr Renò Muscat
Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon, 25 ta' April 2015