Kemm hija qrib in-nies il-Knisja
Kattolika.
Matul din is-sena
pajjiżna qiegħed jiċċelebra żewġ anniversarji li għalkemm huma differenti għal
kollox minn xulxin, hemm rabta remota bejniethom. Qiegħed nirreferi għall-450
anniversarju mill-assedju l-kbir u l-50 sena mill-ftuħ tad-Dar tal-Providenza.
Ir-rabta ta’ bejn dawn iż-żewġ avvenimenti hija fil-fatt li fihom it-tnejn hemm
involviment dirett ta’ saċerdoti.
Martri u eroj
L-għolja
Xiberras, sakemm inbniet il-Belt Valletta u twaqqfet l-ewwel parroċċa fiha
fl-1571, kienet tagħmel parti mill-parroċċa ta’ Ħal Qormi. Fi żmien l-assedju
l-kbir tal-1565, il-kappillan tal-Qriema kien Dun Gioanello Cilia. Dan ħass li
kien fid-dmir li jmur ġewwa l-forti Sant Iermu, mhux biex jagħmel bħall-qaddis
patrun tal-parroċċa tiegħu, San Ġorġ, u jissielet kontra l-għadu, imma biex
jassisti lis-suldati li kienu fil-forti li kienet tagħmel parti mill-konfini
tar-raħal tiegħu.
Il-Maltin u
l-Kavallieri li kien hemm fil-forti li tħares id-daħla tal- port prinċipali ta’
gżiritna, issieltu bil-kbir biex jiddefendu lil Malta mill-g
ħadu, imma fit 23 ta’ Ġunju Sant Iermu waqa’ f’ idejn it-Torok. Dawk li kienu fil-forti, fosthom Dun Gioannello, qatgħulhom rashom u ġew marbutin ma’ twavel tal-in jam u ntefgħu l-baħar. Bla ras mhux faċli jintgħaraf dak li jkun, l-aktar 450 sena ilu meta ma kellhomx il-mezzi xjentifiċi li għandna llum. Ir-raħal tal-furnara kellu jistenna sal-1569 biex jinħatarlu kappillan ġdid għax ħadd ma seta’ jiddikkjara li Dun Ġwann Cilia kien tassew mejjet. Hemm min jgħid li l-ġisem bla ħajja tiegħu għarfuh minn difett fiżiku li kellu. Li nafu żgur hu li dan is-saċerdot miet martri waqt il-qadi tal-ħidma saċerdotali tiegħu. Miet ukoll ta’ eroj għax minkejja li ra l-għadu javvanza, xorta baqa’ jassisti spiritwalment lil dawk li kienu fil-forti.
Dar mhux bħall-oħrajn
Dun Mikiel
Azzopardi kellu 55 sena meta biddel bini tas-servizzi Ingliżi f’ dar għal
persuni b’ diżabilità. Kien ilu 31 sena jqaddes meta ġabar numru ta’ persuni li
qabel kienu jiġu mwarrbin u moħbijin. Kien fl-1965 meta Dun Mikiel fetaħ id-Dar
tal-Providenza. Sa dak iż-żmien persuna b’ diżabilità kienet tiqies bħala piż u
l-mentalità miskina ta’ xi wħud kienet tiddieħaq u tgħaddi lil dawn it-talin
biż-żmien. Monsinjur Azzopardi mhux talli ma ddieħaqx bihom, anzi tahom ħajja
dinjituża. Għall-grazza ta’ Alla l-mentalità tagħna l-Maltin inbidel tul dawn
l-aħħar ħamsin sena u llum nagħmlu minn kollox biex dawn il-persuni jgħixu
ħajja kemm jista’ jkun indipendenti. Sirna nirrikonoxxu li dawn it-talin
għandhom ħafna x’ jistgħu jagħtu lis-soċjetà u billi jista’ jkun li hemm xi
differenzi minna, xorta ma għandhomx ikunu fil-marġini tas-soċjetà. Ħamsin sena
ilu l-mentalità kienet differenti.
Matul is-snin
id-dar tkabbret u kompliet titgħammar skont il-ħtiġijiet tar-residenti.
Monsinjur Azzopardi miet fit-13 ta’ Mejju, 1987, sewwasew erbat ijiem wara
l-elezzjoni ġenerali ta’ Malta. Waqt l-omelija tal-funeral tiegħu, l-Arċisqof
Ġużeppi Mercieca kien serraħ ras Dun Mikiel li l-opra li kien beda’ hu b’ risq
‘l-anġli tiegħu’, kif kien isejjaħ lir-residenti tad-Dar tal-Providenza, kienet
sejra tibqa’ wieqfa u miexja ’l quddiem. Fil-fatt hekk ġara u llum qegħdin niċċelebraw il-ħamsin anniversarju mill-bidu
ta’ din id-dar.
Knisja mal-poplu
Dawn huma biss
żewġ każi fejn il-Knisja tkun fuq quddiem biex tgħin lill-poplu, biex tkun
mal-poplu, biex tkun għall-poplu. Minkejja kollox, minkejja dak li ġieli
nisimgħu, il-Knisja minn dejjem kienet
għall-avangwardja, dejjem kienet tal-ewwel biex tgħin lin-nies l-aktar
fil-bżonn. Min beda l-ewwel skejjel? Min fetaħ l-ewwel orfanatrofji? Min telaq
minn pajjiżu biex imur jgħin popli oħrajn? Min fetaħ l-ewwel dajr għan-nies bla
saqaf fuq rashom? Min ta l-ewwel kenn lin-nisa msawta? Min dejjem assita lil
dak li jkun fil-bżonn minkejja l-perikli tal-gwerer jew tal-mard?
Dun Ġwann jew
Gioannello Cilia seta’ baqa’ f’ daru ġewwa Ħal Qormi, bogħod mill-periklu, paxxut,
imma ħass x’ jgħidlu li postu kien mas-suldati f’ Sant Iermu. U mar hemm, mar
jassisti lill-parti mill-merħla fdata f’ idejh, mar u sab il-mewt. Kien jaf li
seta’ jsibha l-mewt, imma dan il-ħsieb ma beżżgħux, ma qatalux qalbu.
Monsinjur Mikiel
Azzopardi seta’ baqa’ assistent ekkleżjastiku tal-Azzjoni Kattolika, imma ried
li l-ħolma li kellu issir realtà. Ħolma li għadna narawha magħna sal-lum. Ħolma
li biddlet il-mentalità ta’ pajjiż. Ħolma qaddisa.
Dan kollu huwa
l-frott ta’ Knisja li tkun qrib il-poplu, li tkun tħoss il-polz tal-poplu u
għalhekk tkun tista’ tagħmel l-ewwel pass. Ġieli nisimgħu kritika li l-Knisja
tintilef fir-rikkezzi, fit-titli; bażiliċi, arċiprieti, monsinjuri u kanonċi.
Il-kritiċi jkollhom raġun kieku l-Knisja tieqaf hemm, imma l-anniversarji li
qegħdin niċċelebraw din is-sena jixhdu dan kollu. Il-Knisja hija entità
tan-nies, tinsab man-nies, tinsab qalb in-nies u mhux illum biss, imma min
dejjem hekk kienet. Taħsbux li qed ngħid dan għax jiena saċerdot (la jiena arċipriet,
la kononku u lanqas monsinjur, biex ħadd ma jaħseb li qed niddefendi t-titli li
għandi), le xejn minn dan. L-istorja hija l-aqwa xhud ta’ dan li qed ngħid.
Fr Reno Muscat