Hawn min jgħidlek
li għalih iż-żmien tal-Ġimgħa l-Kbira huwa l-isbaħ żmien tas-sena. Fil-knisja nibdew naraw attività aktar
mis-soltu u kollox jibda juri li ġejjin jiem differenti mill-oħrajn. Il-baned
jibdew jikkunċertaw il-marċi funebri u d-dilettanti tarahom iħejju minn kmieni
biex jarmaw il-wirjiet tagħhom. Bosta għaqdiet teatrali jaħsbu biex itellgħu xi
dramm bit-tema tal-passjoni. Ladarba jaslu dawn il-jiem donnha ssir bidla
fir-rutina tal-ħajja tagħna. Min ma jkunx twieled jew għex f’ parroċċa li fiha
d-devozzjoni u t-tradizzjoni tal-Ġimgħa l-Kbira forsi ma jħossx dak li nħossu
aħna.
It-tradizzjonijiet
tagħna huma importanti għaliex ivarjawlna ħajjitna, imma ma nistgħux nibqgħu
marbutin mat-tradizzjoni biss, ma nistgħux nibqgħu superfiċjali, ma nistgħux
nehdew fir-reliġjożità u nħallu barra l-fidi. Huwa għalhekk li l-Knisja
toffrilna ż-żmien tar-Randan sabiex nitħejjew tajjeb għal dawn il-jiem tant
għeżież. Huma jiem għeżież għaliex marbutin magħhom hemm l-istorja tal-fidwa tagħna
l-bnedmin. Ma nistgħux nieqfu fil-jum tal-Ġimgħa l-Kbira. Irridu bilfors
ngħaddu għall-jum tal-Għid il-Kbir, ma nistgħux nibqgħu naħsbu fil-mewt u
ninsew il-qawmien. Ma nistgħux niffokaw biss fuq jum wieħed, il-jum tal-Ġimgħa:
irridu naħsbu fuq il-Misteru tal-Għid il-Kbir mill-bidu sal-aħħar. Kristu bata
u miet, imma l-istorja ma waqfetx hemm. Li kieku waqfet hemm il-passjoni ta’
Kristu kienet tkun kundanna għall-mewt ordinarja, kundanna u eżekuzzjoni bħal
ħafna oħrajn. Id-differenza bejn il-kundanna tal-mewt ta’ Ġesù u kundanni
oħrajn hija f’ dak li seħħ wara l-mewt. Kieku Ġesù baqa’ fil-qabar, mejjet, x’
sens fiha li niċċelebraw il-Ġimgħa l-Kbira? Mhux kulħadd imut? Imma għax Kristu
rebaħ il-mewt għadna niċċelebraw din ir-rebħa sal-lum. Biex tassew niċċelebraw
dawn il-jiem kif jixraq tajjeb li nżommu f’ moħħna li:
- Dak li niċċelebraw fil-jiem tal-Ġimgħa l-Kbira ma huwiex tradizzjoni bla sens imma hija l-bażi tal-fidi tagħna. San Pawl jgħidilna li kieku Kristu ma qamx mill-imwiet, fiergħa hi l-predikazzjoni tagħna, u fiergħa wkoll il-fidi tagħkom. [1Kor:15:14] Mela dan li qegħdin niċċelebraw huwa l-pern li fuqu ddur il-fidi Nisranija.
- Jekk niċċelebra biss b’ mod estern x’ sens ikun fihom dawn iċ-ċelebrazzjonijiet? Iċ-ċelebrazzjoni esterna għandha skop li tgħini nikber fl-ispirtu. Jekk nibqa’ nħares, nara l-vari, nara l-wirjiet, nisma’ l-marċi funebi bla ma nirrifletti u naħseb sewwa li Alla magħmul Bniedem ħa l-passjoni mhux għal xi tort jew żball li għamel hu, iżda għad-dnubiet tiegħi l-ewwel wieħed inkun qed niċċelebra ix-xejn.
- Jekk nifred il-jum tal-Ġimgħa mill-jum tal-Ħadd f’ dawn il-jiem inkun għadni ma fhimt xejn. Ġesù bata tassew, Ġesù miet tassew imma ma waqafx hemm, Ġesù qam ukoll mill-mewt. Dan il-fatt irrid nibda ngħixu kuljum. Imma kif? Id-dnub huwa l-mewt u l-maħfra tad-dnubiet hija l-Qawmien. Mela jien nista’ wkoll inqum mill-mewt tar-ruħ li sseħħ bid-dnub.
- Il-passjoni ta’ Kristu hija l-akbar att ta’ ħniena. Ninsabu fil-Ġublew tal-Ħniena. Ġesù seta’ jeħles mill-mewt, seta kieku ried ma jbati xejn, seta ma jmutx. Iżda għażel li jgħaddi minn dak kollu li għadda biex ikun ta’ eżempju għalina, biex jurina l-kobor tal-ħniena tiegħu. Issa Kristu jridna nimitawh. Qalilna: Ħennu, bħalma hu ħanin Missierkom. [Lq:6:36] Naprofittaw ruħna min dan il-Ġublew tal-Ħniena u nippruvaw ninbidlu, insiru aktar ħanina.
- Il-misteru tal-Ġimgħa mqaddsa għandha tkun opportunità għalina lkoll biex nieħdu deċiżjoni, nagħmlu pass kuraġġuż, pass li jdaħħalna aktar fil-font fl-intimità tagħna ma’ Alla. Ma nistgħux nibqgħu biss Insara tal-isem, irridu nifhmu bis-serjetà li dak li qegħdin niċċelebraw f’ dawn il-jiem għeżież huma s-sisien tal-fidi tagħna. Irridu nifhmu li t-tridu tal-Għid joħodna mill-mewt għall-ħajja, mill-Ġimgħa l-Kbira jgħaddina għall-Għid tal-Qawmien.
Jekk nifhmu dawn il-punti u nħaddmuhom, dak kollu li nagħmlu f’ dawn
il-jiem; armar, wirjiet, peagents, marċi eċċetra, jagħmel sens. Jekk le ikun
ifisser li nkunu qegħdin nitilfu ġid kbir.
Fr Reno Muscat
Artiklu li deher fil-fuljett Is-Sliem - Parroċċa San Filep Ħaż-Żebbuġ - Marzu 2016