venerdì 26 agosto 2016

Il-Belt Ħielsa

Fil-belt kapitali tad-Danimarka, Copenhagen hemm medda ta’ art li tqis li hija awtonoma mill-bqija tal-belt. Tqis lilha nnfisha bħala stat semi-legali, tqis lilha nnfisha bħala komunità indipendenti. Dan il-mikro-stat, biex insejħulu hekk, jissejjaħ Christiania jew il-Belt Ħielsa ta’ Christiania.

Frak ta’ storja
Id-daħla għal Christiania freetown
Fl-1971 grupp ta’ hippies daħal f’ bażi navali li kienet ilha ma tintuża mill-1967. Din il-bażi li tinsab qrib il-port ta’ Copenhagen kien fiha għadd ta’ kmamar u swali mifruxin fuq medda ta’ terz ta’ kilometru kwadru. Għal bosta snin l-istat legali ta’ din iż-żona ma kienx ċar u l-gvern Daniż kemm-il darba pprova jneħħi minn hemm ġew lil dawk iż-żgħażagħ li okkupaw dan il-bini, iżda qatt ma rnexxielu. Fl-aħħar intlaħaq bħal ftehim bejn iż-żewġ partijiet biex din l-art tkun tista’ tmexxi lilha nnifisha.

Għal madwar 30 sena din il-belt  tmexxiet fuq il-prinċipju tal-awtodeterminazzjoni u l-propjetà kollettiva. Saret popolari madwar l-Ewropa għall-fatt li f’ din il-belt minn dejjem kien hemm ċirkolazzjoni ħielsa ta’ drogi ħfief. Huwa assolutament projbit kull użu, tixrid jew bejgħ ta’ drogi imsejħa Hard.

Din il-belt kellha għadd ta’ ħwienet ta’ prodotti artiġjanali maħduma mir-residenti stess. Saret magħrufa wkoll għal bosta lwien li bihom huma miżbugħin il-ħitan ta’ din iż-żona.
Ġewwa Christiania ma jistgħux jidħlu karozzi u la hemm pulizija u lanqas suldati. Dan huwa esperiment soċjali fejn kulħadd jista’ jgħix ħieles u kif jixtieq hu billi jirrispetta lil ħaddieħor u jħaddan ideoloġija paċifista.

Bejgħ ta' prodotti artiġjanali 
Il-mission statment ta’ din il-komunità huwa dan: L-oġġettiv ta’ Christiania huwa li joħloq soċjetà li tmexxi lilha nnifisha fejn kull membru jkun responsabbli fuq il-ġid tal-komunità kollha. Il-komunità għandha tkun awtonoma ekonomikament. L-għan tagħna huwa li nibqgħu sħaħ fil-fehma li kull miżerja psikoloġika jew fiżika tiġi evitata.

Bandiera u flus
Bħala mikro-stat awtonomu Christiania għandha wkoll il-bandiera u l-flus tagħha. Il- bandiera hija ħamra bi tliet dwawar sofor. Dawn it-tliet dwawar jindikaw it-tliet tikkiet li nsibu fuq l-ittra i fl-isem tal-belt. L-ilwien jingħad li ġew magħżulin għax meta fl-4 ta’ Settembru 1971 daħlu l-ewwel nies f’ dan il-kwartier navali abbandunat, sabu ammont kbir ta’ żebgħa ħamra u safra. F’ din iż-żona hemm ukoll il-munita tagħha li tissejaħ il-Løn, madanakollu b’ dawn il-flus ma tantx tista’ tagħmel wisq u għalhekk il-Kroner Daniż huwa wkoll aċċettat.

Bla kostituzzjoni
Il-bandiera ta' Christiania
Din il-belt-stat ma għandiex kostituzzjoni imma għadha 9 liġijiet li jridu jiġu mħarsa minn kulħadd. Dawn huma l-liġijiet kollha: Ħadd ma jista’ jisraq, ħadd ma jista’ juża vjolenza, ħadd ma jista’ jiddefendi ruħu bi skieken, ma jistgħux jintużaw armi tan-nar, ma jixtax jintlibes ilbies bulletproof, ma jistgħux jintużaw drogi Hard, ħadd ma jista jilbes ġkieket tal-muturi, ma jistgħux jidħlu karozzi fil-belt u ħadd ma għandu jkollu fil-pussess tiegħu affarijiet misruqin.

Biex tinbidel liġi irid jaqbel kulħadd, għalhekk huwa diffiċli ħafna biex it-850 membru ta’ din il-belt ikollhom l-istess fehma. Dan huwa ta’ żvantaġġ fejn jidħlu il-kontroll fuq id-drogi, li donnha hija l-attività ekonomika numru wieħed ta’ din il-komunità.

Mill-kliem għall-fatti
L-ideal ta’ komunità ħielsa, bla ebda vjolenza, fejn kulħadd huwa stmat indaqs, fejn ma hemmx ġlied jew serq hija xewqa ta’ kull bniedem. Imma fil-verità kemm dan l-ideal jista’ tabilħaqq iseħħ? Fl-istorja ta’ din il-belt-stat insibu ġrajjiet li jmorru kontra l-ideal tiegħu stess. Huwa għalhekk li l-gvern Daniż bosta drabi ttanta jagħlaq din iż-żona – li tajjeb ngħidu li ta’ kull sena jmorru jżuruha nofs miljun turist, biex tikklassifika bħala r-raba’ post li l-aktar iżuruh turisti f’ Copenhagen.

L-ideal u l-ideali
Munita ta' Christiania
Minkejja li dawn huma żewġ kelmiet qrib xulxin, huma totalment differenti. L-ideal huwa l-ħsieb, ix-xewqa ta’ kif għandha tkun komunità. L-ideali huwa l-perfett, xi ħaġa li tipprova tagħmel bħalha inti wkoll. Imma komunità ideali ma teżiti mkien, jeżisti ideal ta’ komunità, bħalma nsibu fil-belt ħielsa ta’ Christiania, iżda xorta din ma hijiex komunità ideali. Dan l-argument jgħodd għal kull grupp ta’ nies, familja, club, każin, hu x’ inhu, ladarba hemm għadd ta’ persuni differenti minn xulxin ma jistax ikun hemm komunità ideali għax aħna lkoll xi darba niżbaljaw.

Anarkija
Fis-snin 70 tas-seklu li għadda kellna bosta movimenti li kienu jemmnu bl-anarkija, jiġifieri li ħadd ma jkun jikmanda lil ħadd. Imma n-natura stess għandha liġi li rridu jew ma rridux ikollna noqgħodu għaliha. Ħadd ma jixtieq jimrad, imma l-mard huwa parti mill-ħajja. Ħadd ma jrid jixjieħ iżda min għandu ħila jwaqqaf is-snin li jgħaddu min fuqu? Mela nistgħu ngħidu li ħadd ma jista’ jkun ħieles mija fil-mija, lanqas jekk tkun toqgħod ġewwa Christiania. Li ssib il-ġenna fuq din l-art hija biss utopija!




Fr Reno Muscat


Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon - 27 ta' Awwissu 2016


sabato 20 agosto 2016

Festi u festeġġjamenti

Il-festi familjari fi ċkunitna kienu differenti għal kollox minn dawk tal-lum. Festa jew festin fil-familja kien isir f’ xi magħmudija, preċett jew griżma ta’ xi ħadd. Anke t-tiġijiet kienu festeġġjamenti għal kollox differenti minn dawk li jsiru llum. Għeluq snin xi membru tal-familja kien ikun iċċelebrat b’ xi kejk magħmul mill-omm fid-dar stess.

Illum għal kull okkażjoni nivvintaw festin. Donnu hawn min jehda jorganizza dawn l-attivitajiet. Wara kollox hemm in-negozju wara dawn il-festini organizzati u vvintati. U l-festini qegħdin jinbtu donnhom ħaxix ħażin.

Bachelor’s party
Issa drajna sew li qabel ma xi ħabib minn tagħna jiżżewweġ immorru nagħmlulu ikla xi mkien. Hawn min isejjaħlu bachelor’s party u hawn min jgħidlu stag party. Hu x’ inhu huwa festin fejn l-għarus jiċċelebra l-aħħar ftit jiem bħala ġuvni. It-Taljani jsejħu dan it-tip ta’ festin L’Addio al celebato. Fil-verità it-Taljani għandhom raġun isejħulu hekk għaliex il-ġuvni jkun qed isellem darba għal dejjem il-ħajja mhux miżżewġa, il-ħajja ċelebi. Il-Franċiżi għandhom mod ieħor kif isejħu dan l-avveniment: enterrement de vie de garçon, jiġifieri l-funeral tal-ħajja taż-żagħżugħ. Forsi l-Franċiżi huma ftit jew xejn eseġerati fl-għoti tal-isem għaliex min jiżżewweġ ma jfissirx li se tispiċċalu ħajtu ta’ żagħżugħ. Imma hekk jaħsbuha l-Franċiżi!

Jingħad li l-bachelor’s parties huma karaterizzati minn ammont kbir ta’ xorb alkoħoliku u anke preżenza ta’ strippers. Ma nafx jekk hux Malta wkoll hawn din id-drawwa. M’ ilix wisq kont mistieden festin minn dawn li qed insemmi, ma kontx l-uniku saċerdot iżda konna tlieta. Nista’ nassigurakom li la kien hemm konsum ta’ xorb esegerat u lanqas nisa imperrċin, anzi konna kollha rġiel. Qabel ma tlaqna l-għarus raddilna ħajr bil-kbir għall-fatt li attendejna għal dak il-festin. Forsi bis-saħħa tal-preżenza tagħna sħabu naqqsu milli jiċċajtaw goff ukoll. Jew forsi billi dan il-ħabib huwa pulizija, u fil-festin kien hemm xi membri tal-korp, kulħadd baqa’ lura milli tinkiser il-liġi. Issa xi jseħħ f’ festini oħrajn ma nistax ngħid.

Hens party
Jekk hemm il-festin għall-ġuvni li ser jiżżewweġ ma jistax jonqos li jkun hemm xi ħaġa simili għax-xebba li dalwaqt torbot l-għoqda. Ħaġa tal-għaġeb kif l-isem ta’ dawn il-festini huma marbutin mat-tiġieġ – Hens u n-nisa jaċċettawh . Hemm min dawn il-festini jsejħilhom bachelorette party. Oriġinarjament il-hens party kien jirreferi għal kull festin jew laqgħa bejn grupp ta’ nisa. It-Taljani jżommu l-istess ordni fejnjidħol l-isem ta’ dan il-festin u jsejħulu L’Addio al nubilato, it-tislima lix-xbubija.

Jekk xi jsir fil-bachelor’s party ftit li xejn naf, nistqarr li inqas u inqas naf xi jsir fil-festin li jorganizzaw sħab l-għarusa qabel ittejjeġ. Nimmaġina li jkun hemm aktar ġentilezza u jekk isir ċajt ikun anqas goff minn tal-irġiel.

Baby shower
Mela m’ ilux kont post ma’ sħabi, nistennew barra restaurant sakemm jiġi l-kumplament tal-grupp. Ħin minnhom għadda grupp ta’ nies minn quddiemna u persuna minnhom kienet taf wieħed minna u waqfu jitkellmu. Qaltlu li għandhom baby shower. Jien li kont ħdejhom sewwa ma stajtx ma nismax dak li kienu qed jgħidu, biss dil-biċċa tal-baby shower ma fhimtiex. Immaġinajt li xi ħadd għandu tarbija u ltaqgħu grupp ta’ ħbieb biex jaraw lil din it-tarbija tinħasel. L-idea f’ moħħi ma għoġbitni xejn, hemm għalfejn toqgħod tneżża’ lit-tarbija fir-restaurant u taħsilha hemmhekk? Le ma togħġobni xejn il-biċċa. Meta dawk it-tnejn li kienu jitkellmu nfirdu, mimli kurżità staqsejt lil sieħbi x’ ikun dal-baby shower u dlonk qalli li huwa festin li jsir meta mara toħroġ tqila. U jien immaġinajt li se jagħtu doċċa lit-tarbija, meta fil-verità t-tarbija tkun għadha lanqas biss twieldet. Kemm ġera bija moħħi, kemm mort żbaljat, kemm tefani fi triq ħażina l-isem tal-festin.

X’ inhu l-iskop?
Huwa sabiħ li niltaqgħu u niċċelebraw flimkien mal-ġuvni li jkun ser jieħu l-istat tieħgu, max-xebba li tkun waslet biex issir mart xi ħadd kif ukoll mal-mara li tkun ser issir omm, iżda meta tkellimt ma’ xi persuni dwar dawn il-festini qaluli li qed ikunu ta’ spiża kbira. Minbarra li tmur tiekol u tixrob (nispera li bil-qies) hemm ir-rigali li jingħataw u xi spejjeż oħra ta’ tiżjin jew gadgets li jintużaw fil-festin. X’ inhu l-iskop aħħari ta’ dawn il-festini? Jekk irridu nagħmlu festin biex nifirħu flimkien ta’ ħbieb hemm għalfejn nonfqu somma kbira? Wisq nibża’ li l-iskop wara dawn il-festini huwa ta’ negozju u mhux verament ta’ laqgħa soċjali bejn il-ħbieb.

Sirna nivvintaw festini għal kollox, illum semmejt tlieta biss iżda hemm ħemel ta’ okkażjonijiet oħra li għalihom jiġu vvintati festini, kultant bla sens. Din hija biss l-opinjoni tiegħi u għalhekk nista’ nkun żbaljat.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon, 20 ta' Awwissu 2016




sabato 13 agosto 2016

Pont jew mina

Dan l-aħħar kelli bżonn naqsam minn Malta għal Għawdex u sakemm kont qiegħed fuq il-vapur bdejt naħseb dwar il-vantaġġi u l-iżvantaġġi li kieku l-gżejjer Maltin kellhom ikunu magħqudin flimkien permezz ta’ pont jew ta’ mina taħt il-baħar.

Għalija nofs siegħa vapur fl-eqqel tas-sajf ftit tibdilli mill-programm ta’ ħajti. Dan kien l-ewwel vjaġġ tiegħi bejn iż-żewġ gżejjer f’ din is-sena. Iżda dak l-individwu li dan il-vjaġġ ikun irid jagħmlu kuljum ma nagħtihx tort li jaħsibha mod ieħor minni. Għalih nofs siegħa baħar filgħodu u nofs siegħa oħra filgħaxija, tal-inqas ħames darbiet fil-ġimgħa żgur ma hijiex xi ħaġa ta’ pjaċir.

Nemmen li kemm-il darba kellu jinstab mezz biex Għawdex jingħaqad ma’ Malta, l-ekonomija tal-gżira tat-tliet għoljiet tbati, u tbati ħafna għaliex dak li jkun ma jibqax’ jikri flat jew dar ġewwa Għawdex biex jitla’ hemm għal tmiem il-ġimgħa. B’ pont jew mina min ikun jixtieq imur sa Għawdex jaqbad u jmur u jerġa’ lura lejn daru x’ ħin irid bla ma jgħaddi l-lejl hemmhekk. U jekk jibda jsir hekk xi jsir minnhom l-eluf ta’ flats u djar li hemm jinkrew lill-Maltin?

Ftit jiem wara dan il-vjaġġ tiegħi lejn Għawdex, kelli nuża żewġ strutturi li fakkruni f’ dak li kont ħsibt dwaru fuq il-bastiment bl-isem “Ta’ Pinu”.

Minn Malmö għal Copenhagen
Bejn il-belt Żvediża ta’ Malmö u l-belt kapitali tad-Danimarka, Copenhagen hemm faxxa baħar ta’ madwar 12-il kilometru. Dan il-fliegu jissejjaħ Øresund u fuqu llum insibu struttura verament interessanti. Hemmhekk wieħed jista’ jaqsam minn art għal oħra permezz ta’ pont u mina. Jekk wieħed jitlaq minn Malmö jibda b’ pont ta’ 8 kilometri sal- gżira Peberholm u jkompli l-aħħar 4 kilometri minn mina taħt il-baħar. Jekk dak li jkun jibda minn Copenhagen ovvjament it-triq issir bil-kontra.

øresund 
Il-gżira Paberholm hija waħda artifiċjali li nbniet bil-blat li nqata’ biex saret il-mina ta’ taħt il-baħar. Din il-gżira ċkejkna tinsab qrib il-gżira naturali ta’ Saltholm. Hawnhekk bla ma rrid nerġa niftakar f’ Għawdex. Bejn is-snin 1979 u 1995 kellna vapur li jaħdem bejn Malta u Għawdex bl-isem ta’ “Mġarr”. Dan kien vapur li nbena ġewwa d-Danimarka fl-1967 li l-isem oriġinali tiegħu kien “Saltholm”, sewwasew bħal isem din il-gżira, isem li jfisser “Ġżira tal-melħ”.

L-istess bħal każ ta’ bejn Malta u Għawdex, din l-istruttura kienet ilha maħsubha imma kien hemm bosta nuqqas ta’ qbil. Intant ix-xogħol inbeda fl-1995 u kien lest sal-1999. Ix-xogħol ittardja xi ftit minħabba li fil-qiegħ tal-baħar kienu nstabu 16-il bomba tat-Tieni Gwerra Dinjija mhux sploduti. Fl-14 ta’ Awwissu, 1999, il-Prinċep Frederik, l-eredi tat-tron tad-Danimarka u l-Prinċipessa Victoria, l-erdi tat-tron Żvediż, iltaqgħu fuq dan il-pont-mina sabiex jiċċelebraw it-tmiem tax-xogħol fuq din l-istruttura. Il-ftuħ uffiċjali sar fl-1 ta’ Lulju tas-sena 2000 mir-Reġina Margerita II tad-Danimarka u r-Re Karlu XVI Gustav tal-Iżvezja. Is-sena l-oħra użaw dan il-pont-mina aktar minn 7 miljun vettura. Fl-istruttura hemm ukoll linja tal-ferrovija. Meta tgħodd in-numru ta’ persuni li jaqsmu minn art għal oħra, kemm bil-karozzi kif ukoll bil-ferrovija, n-numru jlaħħaq għal madwar 40 miljun ruħ fis-sena.

Mina twila
Lærdal 
Ladarba qed insemmi l-Iskandinavja nibqgħu fl-istess ambjent u nsemmu l-itwal mina għall-karozzi li teżisti fid-dinja. Din tinsab ġewwa n-Norveġja u ġġib l-isem ta’ Lærdal. Din il-mina bdiet tinbena fl-1995 u nfetħet fis-sena 2000. Hija twila 24 kilometru u nofs. Meta kont għaddej minn din il-mina żammejt il-ħin: 21 minuta! Jekk tkun tbati bil-klastorfowbja, jew l-għeluq jaqtagħlek nifsek,  21 minuta tista’ tarahom eternità. Biss biex titnaqqas din il-problema, l-arkitetti ħasbu biex kull 6 kilometri jagħmlu fetħa mdawla. F’ dawn il-fetħiet hemm dawl ikħal fuq u dawl ħamrani fil-baxx. Meta tarahom jagħtuk l-impressjoni li qed tara tlugħ ix-xemx u għalhekk jaqtgħu ftit mill-monotonija ta’ ġewwa l-mina.

Din hija l-itwal mina li minnha jgħaddu l-karozzi għax l-itwal mina li teżisti hija dik li ġġib l-isem ta’ Gotthard Base Tunnel li fetħet fl-1 ta’ Ġunju ta’ din is-sena u sejra tibda taħdem f’ Diċembru ta’ din is-senma wkoll. Din hija mina twila ftit aktar minn 57 kilometru u tinsab ġewwa l-Iżvizzera, biss din il-mina ma hijiex għall-karozzi iżda għall-ferrovija biss.

Lura Malta
Nerġgħu lura lejn pajjiżna. Nifhem u nagħder lil dawk l-Għawdxin li pont jew mina jaħjihom, jagħmilhom ħajjithom aktar faċli, imma mill-banda l-oħra tajjeb naraw x’ impatt negattiv, kemm ekonomiku, soċjali u ambjentali, jista’ jkollha struttura li tgħaqqad liż-żewġ gżejjer prinċipali tagħna. Personalment nemmen li b’ pont jew mina Għawdex ma jibqax dak li huwa llum, jitlef ħafna mill-faxxinu tiegħu, jitlef l-identità tiegħu.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon - 13 ta' Awwissu 2016








sabato 6 agosto 2016

Barbecue

Fix-xhur tas-sajf daħlet sewwa fostna l-Maltin id-drawwa li filgħaxija morru fejn xatt il-baħar, nieħdu l-ikel nej magħna u nixwu l-laħam u l-patata hemmhekk, ovvjament wara li nkun qbiżna qabża l-baħar. Qabel konna nieħdu l-ħobż biż-żejt ħdejn il-baħar, illum sirna nippreferu mmorru barbecue. Arana ngħabbu l-apparat tax-xiwi, il-ħatab jew il-faħam u tlaqna lejn xatt il-baħar.

Il-kelma barbecue
Barabicu 
Ġieli rajna din il-kelma miktuba fil-qosor: Bar b q, biss il-kelma sewwa tinkiteb barbecue. Minn dejjem kelli kurżità minn fejn oriġinat il-kelma u għalhekk mort infittex f’ dizzjunarju. Sibt li barbecue tfisser: ikla jew laqgħa fejn jissajjar laħam jew ħut, barra mid-dar, fuq gradilja b’ nar baxx dirett jew inkella fuq apparat apposta. Barbecue tfisser ukoll l-apparat użat biex jinxtewa l-ikel b’ dan il-mod li qed insemmu. Għalaqt id-dizzjunarju għax ma qalli xejn ġdid, dak li qalli kont nafu bħalma tafu inti wkoll. Għalhekk komplejt infittex biex naqta’ l-kurżità tiegħi u sibt hekk: Aktarx li l-kelma barbecue ġejja mill-kelma barabicu, kelma li kienu jużaw l-indiġeni Indjani tal-Karibew. Għalihom barabicu ma kienx ifisser il-mod tat-tisjir iżda l-qafas taz-zkuk li kienu jpoġġu fejn xulxin biex jinħarqu u fuq il-ġamar tagħhom jixwu l-laħam. Meta fl-1492 Kristofru Kolombu niżel fl-art il-ġdida, il-kontinent Amerikan, sab li n-nies tal-post kienu jixwu l-laħam fuq il-ġamar tal-injam u zkuk. Il-fjamma dgħajfa u d-duħħan tal-ġamar kien isajjar ftit ftit u l-laħam kien jieħu dik it-togħma tant tajba li llum niġġennu għaliha ħdejn il-baħar. L-ispanjoli ta’ ma’ Kolombu ħadu magħhom din id-drawwa u jidher li nxterdet sewwa ma’ Spanja. Dan jixhdu l-fatt li l-kelma barbacoa insibuha fid-dizzjunarja Spanjol li kien stampat fl-1526, sewwasew 34 sena wara l-iskoperta tal-Amerika. Il-ħaġa li tiskantani hija kif illum l-Ispanjoli, jew fejn jitkellmu l-ilsien Spanjol, il-laħam mixwi ma jsejħulux biss barbecoa imma parrillada jew asado. Mur ifhem hux?

Illum il-kelma “barbecue” saret tinftiehem fl-Ewropa kollha u tirreferi aktar għall-ikla milli għall-apparat minkejja li oriġinarjament kienet tirreferi għall-mod li fih kienu jitpoġġew iz-zkuk biex jinħarqu u fuqhom jinxtewa l-laħam.

X’ differenza
Tassew li jiena qed ngħid li l-barbecue isir ħdejn il-baħar, iżda ma hemm l-ebda regola fejn wieħed jista’ jagħmlu. Illum bosta djar għandhom barbecue fil-bitħa tad-dar jew fuq il-bejt. Bosta lukandi wkoll jorganizzaw barbecue.  Hu x’ inhu l-barbecue ma jsirx taħt is-saqaf imma għall-arja aperta, issa f’ xatt il-baħar, fuq il-bejt, fil-bitha jew fejn il-pool ta’ xi lukanda ma jbiddel xejn it-teknika tat-tisjir tiegħu
.
Tiskanta x’ differenza tgħaddi fit-togħma bejn biċċa laħam jew ħuta mixwija fuq il-barbecue u biċċa laħam jew ħuta mixwija fuq il-forn tal-kċina. Aktarx li s-sistema “low and slow”, nar bati u ħin twil għat-tisjir huwa s-sigriet ta’ kollox.

Attività soċjali
Bosta organizazzjonijiet, għaqdiet, każini jew gruppi matul is-sajf jorganizzaw barbecue għall-membri tagħhom. Dan jista’ jsir ukoll bħala mod kif jinġabru fondi b’ risq l-għaqda li torganizzah. Il-barbecue sar attività soċjali popolari ħafna kemm mill-pubbliku kif ukoll mill-organizzaturi.
Kien hemm żmien li l-barbecues il-kbar kienu jsiru fuq ix-xtajta ta’ xi ramla, biss illum anke dawn ġew ikkontrollati. Ma hemmx isbaħ mill-kontroll. Għalhekk bosta organizzaturi qegħdin joganizzaw dawn l-attivitajiet f’ xi lukanda. Hu x’ inhu il-barbecue huwa l-attività sajfija l-aktar popolari għall-għaqdiet u l-membri tagħhom.

Festival tal-Bar-b-q
Bar-B-Q festival 
Minkejja li dan il-mod ta’ tisjir infirex sewwa mal-Ewropa,  jibqa’ l-fatt li twieled l-Amerika u għadu maħbub sewwa hemmhekk. Fil-fatt ta’ kull sena jsiru festivals tat-tisjir tal-Barbecue. Dawn isiru f’ diversi bliet Amerikani. L-ewwel festival sar fl-1973 ġewwa Memphis u għadu jsir kull sena fix-xahar ta’ Mejju. F’ Mejju wkoll isir l-International Bar-B-Q Festival ġewwa Kentucky. Dan ilu jsir kull sena mill-1979 u għalih jattendu għexieren ta’ eluf ta’ nies. Min jaf, fosri Malta wkoll għad nibdew norganizzaw xi festival bħal dan;  għandna għażla kbira ta’ festivals, forsi b’ dan li qed ngħid jien jista’ jitwieled ieħor. Li huwa żgur hu li l-Maltin iħobbu dan it-tip ta’ ikel u naħseb li kieku kellu jsir ikun suċċess.

Wara l-barbecue
Hu x’ inhu, fis-sajf, lejla ħdejn il-baħar bi platt laħam mixwi fuq il-ġamar, hija xi ħaġa mill-isbaħ. Tajjeb li nkunu prudenti meta norganizzaw dawn il-barbecues żgħar, familjari jew bejn il-ħbieb. Tajjeb li ma ndejqux lil ħaddieħor u tajjeb li nħallu l-post nadif. Ladarba nkunu ġarrejna l-apparat għal dik il-lejla sabiha, jekk niġbru l-iskart tagħna ġo borża u noħduha magħna d-dar jekk ma jkunx hemm fejn narmuha fil-qrib, mhux ser ittaqqalna. Wara l-barbecue ma hemmx għalfejn inħallu traċċi, l-aqwa li nkunu gawdejnih aħna, ma hemmx għalfejn inħallu marki biex ħaddieħor ikun jaf x’ kilna!


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 6 ta' Awwissu 2016