venerdì 24 febbraio 2017

Qabel is-sawm - il-karnival!

Jgħidu li l-karnival huwa jiem ta’ bluha, jiem ta’ tbaħrid, ġiri, żufjett u mitt ħaġa oħra. Hu x’ inhu huwa jiem li jiġu sewwasew qabel il-ġimgħat tar-randan, żmien li fih suppost issir penitenza, astinenza u ċaħda. Mela ladarba hemm dan iż-żmien ta’ tbatija, jaqbel ingawdu kemm nifilħu qabel! Kien għalhekk li nħoloq il-karnival. Minkejja li ma hijiex festa strettament reliġjuża, hija festa marbuta mal-kalendarju tal-Knisja.

F’ Malta
Billi pajjiżna minn dejjem kien immexxi mill-barrani, ma jistax jonqos li dawn il-ħakkiema ġabu magħhom id-drawwiet ta’ pajjiżhom. Iżda l-Malti għaraf iħaddan dawn id-drawwiet u jagħtihom ukoll il-laqta Maltija biex illum twaħħdu mal-kultura tagħna. Hekk ġara mill-karnival. Kienu l-Kavallieri tal-Ordni ta’ San Ġwann li daħħlu din id-drawwa fil-ħajja ta’ missirijietna. Aktarx li kien il-Gran Mastru Pietro del Ponte, is-suċċessur ta’ L’Isle Adam, l-ewwel Gran Mastru li mexxa pajjiżna, li minkejja t-tmexxija qasira tiegħu, kien huwa li introduċa dawn il-jiem fostna fis-sena 1535. Kollox kien isir ġewwa l-belt tal-Birgu, fejn il-Kavallieri kienu joqgħodu. B’ hekk il-kavallieri li kienu jkunu Malta ma kienux iħossu n-nuqqas ta’ din id-drawwa li kienet popolari sew f’ pajjiżhom.

Jekk del Ponte ta bidu għall-karnival, il-Gran Mastru Lascaris fl-1639 ra li fi ftit aktar minn mitt sena l-istorja tal-karnival ta’ Malta kienet inbiddlet. Għalhekk huwa projbixxa li nisa jieħdu sehem fil-ballijiet tal-Kavallieri kif ukoll ħadd ma seta’ jilbes kostum ta’ xitan. Din il-ħaġa xejn ma niżlet sewwa mal-kavallieri.

Il-parata
Wara l-Assedju l-kbir tas-sena 1565, nibet il-ħsieb li dan il-fatt, din ir-rebħa kbira, tibqa’ tkun imfakkra anke fil-karnival. Fil-fatt daħlet id-drawwa tal-Parata fejn għadd ta’ żgħażagħ jilbsu ta’ Kavallieri u Torok u jiżfnu żifna li tirrapreżenta dak li seħħ f’ dik it-taqbida. Ovvjament ir-rebħa dejjem hija tal-Kavallieri, kif fil-fatt kien seħħ. Tant intgħoġbot din l-idea li kienu jgħidu li mingħajr Parata ma jsirx karnival. U tassew għaliex sal-lum il-ġurnata din iż-żifna għadha tiftaħ il-karnival ta’ kull sena.

Taħt il-kuruna
Fi żmien it-tmexxija Brittanika din id-drawwa ma spiċċatx. Il-karnival għadda minn evoluzzjoni. Bdew isiru karrijiet b’ temi politiċi, satiriċi u ġbid is-saqajn. Mad-dħul tal-karozzi u t-trakkjiet, bdew jinħaddmu karrijiet grotteski. Issa l-karnival Malti ma baqgħax biss bil-maskarati, bil-maskri grotteski u bil-karozzini armati għall-okkażjoni. Issa bdew jidhru karrijiet akbar. Daħlu wkoll ir-reklami. Dawn konna għadna narawhom sa ftit deċennji ilu. Trakk b’ xi flixkun ġgantesk ta’ xi xarba popolari fuqu. Xi karrijiet kienu jqassmu xi prodotti bħala pakketti żgħar tat-trab tas-sapun ta’ xi ditta famuża. Illum dawn id-drawwiet inqatgħu.

Traġedja
Jingħad x’ jingħad, il-karnival għandu dellu tqil u xortih hija mċappsa mad-dnub. Miskin! Fil-karnival tas-sena 1823 ġrat traġedja kbira. Kien it-Tlieta 11 ta’ Frar, l-aħħar jum tal-karnival. Kien hemm id-drawwa li l-patrijiet Franġiskani ta’ Ġieżu tal-Belt, jiġbru t-tfal ta’ bejn it-8 snin u l-15-il sena tal-Belt u tal-Kottonera fil-kunvent tagħhom. Wara li kienet issir quddiesa, it-tfal kienu jingħataw kisra ħobż kull wieħed. Inzerta li dakinhar kienu ttardjaw xi ftit biex qassmu l-ħobż u billi f’ pajjiżna kien hawn l-għakx, xi Maltin xħin raw il-ħobż daħlu huma wkoll fil-kunvent biex jieħdu loqma. Bejn ir-rassa, bejn il-folla, bejn l-għajat u bejn il-ġenn kollu, qamet konfużjoni sħiħa li ħalliet numru kbir ta’ tfal bla ħajja. Skont ġurnal ta’ dak iż-żmien kienu 110 dawk li mietu fir-rassa.

Illum
Il-karnival ta’ Malta llum huwa differenti kemm minn dak ta’ żmien il-Kavallieri kif ukoll minn dak ta’ żmien l-Ingliżi. Kien hemm żmien li l-karnival kien isir fix-xahar ta’ Mejju iżda issa ilu snin twal li reġa’ sab postu fejn suppost. Illum il-qofol tal-karnival huwa l-isfilata tal-karrijiet u ż-żfin li jsir ġewwa t-toroq tal-Belt Valletta.

Il-livell tal-karrijiet illum ma għadux dak li kien qabel . Illum mhux kollox jgħaddi. Kelli okkażjoni fejn mort ġewwa maħżen fejn jinbnew il-karrijiet tal-karnival. Rajt b’ għajnejja b’liema sengħa jsir ix-xogħol. Forma tat-tafal biex fuqha jsir ix-xogħol. Xogħol ta’ ingranaġġi fil-ħadid, xogħol ta’ hydrolic, welding, xogħol ta’ njam, żebgħa u lanqas naf kemm xogħol ieħor. Kollox professjonali. U xi ngħidu għall-kostumi? Artist iħażżeż id-disinn li jkun jikkumplimenta lill-karru trijonfali, imbagħad il-ħajjata jmiddu jdejhom għax-xogħol biex jagħtuna dawk il-kapolavuri li jmorru mal-kapolavuri l-oħrajn li jissejħu karrijiet!

 Illum il-karnival Malti mhux xi ħaġa ta’ kafkaf. Ma għadux iż-żmien li titfa’ fuqek dak li huwa ikrah jew li ma jrid ħadd. Illum il-karnival huwa vetrina ta’ talent u arti. Mhux ta’ b’xejn noffruh anke lill-barrani. Kemm evolva, kemm inbidel il-karnival Mlati mill-1535 sal-lum. Illum sar xi ħaġa unika, xi ħaġa Maltija mija fil-mija.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon tal-25 ta' Frar 2017



venerdì 17 febbraio 2017

Etikett

Il-mod kif wieħed għandu jġib ruħu ta’ nies quddiem in-nies insejħulu “Etikett”. L-etikett juri x’aħna, l-etikett juri il-livell ta’ soċjetà li ġejjin minnha. L-etikett huwa l-imġieba soċjali tagħna. Billi aħna l-Maltin għexna għal snin twal mal-Ingliżi, ħadna ħafna mill-etikett, mid-drawwiet tajba tagħhom, iżda ma nistgħux ngħidu li qatt wasalna biex nilħqu l-eċċellenza tagħhom fejn jidħol dan il-qasam.

Mill-Franċiż
Il-kelma “Etikett” hija kelma Franċiża: étiquette, li sewwasew ma għandha x’ taqsam xejn mal-mod kif inġibu ruħna. Din il-kelma tfisser tikketta jew tabella. Lejn nofs is-seklu XVIII l-Inġliżi bdew jużaw din il-kelma fis-sens modern li nużawha aħna wkoll. Aħna ħadna l-kelma mingħand l-Ingliżi. Ma użajniex il-kelma Taljana. It-Taljani jużaw il-kelma “Galateo” jew “Bon ton” biex ifissru dak li aħna nifhmu b’ etikett. Illum il-ġurnata anke l-Franċiżi jużaw il-kelma étiquette mhux biss għat-tabella ta’ mal-bagalja tas-safar jew it-tikketta ta’ mal-flixkun iżda anke għall-mod kif wieħed iġib ruħu fis-soċjetà. U jekk taħseb ftit din hija kelma adattata ħafna għax il-mod kif iġġib ruħek jagħtik tikketta ta’ dak li int.

Eżempji
Fi ċkunitna konna nistudjaw materja li llum ma nemminx li għadha tiġi studjata fl-iskejjel tagħna. Aħna kellna l-istudju soċjali. Parti minn din il-materja kienet tinkludi kif wieħed għandu jġib ruħu f’ għadd ta’ sitwazzjonijiet. Ejjew inġibu eżempju ta’ ikla f’ restaurant! Ħalli nara kemm niftakar minn dak li tgħallimt!

Il-kamrier dejjem għandu jservi l-ikel min-naħa tax-xellug ta’ dak li jkun bilqegħda filwaqt li jneħħi l-platt il-vojt min-naħa tal-lemin. Is-sarvetta għandha tinfetaħ u tibqa’ miftuħa fuq saqajn dak li jkun. Id-dahar għandu jinżamm dritt mad-dahar tas-siġġu. Dak li jkun qed jistieden, il-kap tal-mejda, għandu jistenna li kull persuna fuq il-mejda tkun servuta qabel jibda jiekol u għandu jkun hu li jibda jiekol l-ewwel. Qabel jisserva t-tieni platt il-kamriera għandhom jaraw li kulħadd lesta mill-ewwel wieħed u li l-platti tneħħew minn fuq il-mejda. Kienu jgħidulna li hija nuqqas ta’ edukazzjoni tiekol il-ħobż bejn l-ewwel u t-tieni platt. L-etikett jitlob li qabel tixrob l-ilma jew l-inbid għandek toffri li timla t-tazza ta’ dawk ta’ ħdejk jekk dawn ikollhom it-tazza vojta.

Meta jkun hemm xi bniedem ġdid mistieden, dan għandu jiġi ppreżentat qabel l-ikla. Din il-persuna għandha tkun preżentata mill-kap tal-mejda. Dak li jkun fuq il-mejda għandu joħroġ idu l-leminija biex jieħu b’ id il-mistieden u mhux il-mistieden joħroġ idu l-ewwel. Meta nieħdu b’ idejn xi ħadd, aħna l-irġiel għandna nqumu bilwieqfa. In-nisa jistgħu jibqgħu bilqegħda biex jieħdu b’ idejn xi ħadd. Meta npoġġu fuq il-mejda għandna npoġġu l-koppji fejn xulxin bla ma nifirduhom u raġel ikollu raġel ieħor quddiemu u mara jkollha mara oħra quddiemha biex hekk ikunu jistgħu jitkellmu bil-libertà kollha.
Dawn huma biss ftit. L-etikett nużawh f’ kull ħin u f’ kull waqt tal-jum. Fit-triq, fil-ħanut, fuq tal-linja, fuq ix-xogħol, waqt li nkunu qed insuqu (mhux li kien nużawh!!) Aħjar nieqaf għax qed jiġuni aktar sitwazzjonijiet li tgħallimna nġibu ruħna fihom xi erbgħin sena ilu!

Il-prattiċità
Illum il-ħajja mgħaġġla u ma għadiex dik li kienet snin ilu. Il-laqgħat soċjali saru aktar numerużi, l-ikliet fil-ħwienet tal-ikel ma għadhomx biss xi okkażjoni rari iżda saru parti mill-ħajja tagħna. B’ dan l-istil ta’ ħajja lanqas nimmaġinaw li mmorru nieklu u nżommurettament ir-regoli tal-etikett li semmejt aktar il fuq. Irridu nkunu prattiċi. Iżda li tkun prattiku ma jfissirx li tkun maledukat.

Kultant il-maledukazzjoni hija frott tan-nuqqas ta’ ħsieb. Immaġina tkun f’ restaurant fejn fuq il-mejda ta’ ħdejk ikun hemm familja bit-tfal. Dawn jibdew iwerżqu, jgħajtu u jiġru ’l hemm u ’l hawn u inti tispiċċa li minflok tieħu gost, tirrovina il-lejla. Żgur li każ bħal dan ma jkunx tort tat-tfal iżda tan-nuqqas ta’ ħsieb ta’ min ikun ħadhom f’ post mhux adattat għalihom.

Evoluzzjoni
L-etikett għadda minn evoluzzjoni. Dak li kien jgħodd mitejn sena ilu ma għadux kollu kemm hu prattiku għal-lum. Drawwiet tbiddlu u magħhom inbidel ukoll l-etikett. Biss żgur li n-nuqas ta’ edukazzjoni qatt ma tista’ tieħu post l-etikett.

Dan l-aħħar qiegħed  ninnota li l-edukazzjoni naqset sew minn fostna. Mhux qed ngħid għall-edukazzjoni taċ-ċertifikati, il-lawri u l-masters għax dawn saru komuni, iżda fejn jidħlu manjieri kultant inħoss li morna l-baħar. Nies li temmew l-istudji tagħhom fl-università, nies li tistenna minnhom ċertu livell ta’ manjieri, ġieli ssib li huma agħar minn dawk li telqu l-iskola ta’ 16-il sena. Mhux qed ngħid li kulħadd hekk, Alla ħares! Lanqas qed ngħid għall-Maltin biss. Sfortunatament qed naraw għemejjel nieqsa mill-etikett minn bosta barranin li jkunu fostna. Mhux sewwa!

Kemm hu sew li nużaw l-etikett f’ ħajjitna, f’ kull sitwazzjoni li nkunu fiha.  Kemm jitnaqqas inkwiet kieku kulħadd ikun jaf il-manjieri t-tajba!


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 18 ta' Frar 2017





venerdì 10 febbraio 2017

Imħabba

Kull sena fl-14 ta’ Frar niċċelebraw il-festa tal-maħbubin, dik li nsejħulha l-festa ta’ San Valentinu. Bħal bosta festi u tifkiriet oħrajn, dan il-jum sar wieħed ikkummerċjalizzat u minħabba f’ hekk hemm lok li jintilef is-sens veru tal-jum: l-imħabba!


X’ inhi l-imħabba?
Il-kelma “Mħabba” hija wżata bosta drabi u f’ kuntesti diversi. L-imħabba fiha nnifisha hija wkoll abbużata għaliex hemm min jinqeda biha biex jilħaq skopijiet ulterjuri. L-imħabba hija sentiment vast. Hemm bosta tipi ta’ mħabba; imħabba fil-familja, imħabba bejn il-ħbieb, imħabba bejn żewġ persuni li jkollhom ix-xewqa li ma jinfirdu qatt minn xulxin, l-imħabba lejn l-oġġetti sbieħ bħall-arti u l-kultura, l-imħabba lejn id-dinja u dak kollu li fiha, l-imħabba lejn l-ikel favorit tiegħi, l-imħabba lejn dak li jagħtini sodisfazzjon u gost. Dawn huma kollha tipi ta’ mħabba iżda ma hemmx għalfejn ngħidu li huma kollha tipi differenti. Bniedem ma jistax iħobb bniedem ieħor bħalma jħobb il-karozza. Huwa proprju hawn fejn isir l-abbuż mill-imħabba meta niżbaljaw fl-għażla ta’ mħabba lejn l-oġġett jew l-essere partikolari.

Eros jew Kupidu
Il-funtana bl-istatwa ta' Eros
 f' Piccadilly Circus Londra
Fil-mitoloġiji antiki niltaqgħu mal-alla tal-imħabba. Għall-Griegi antiki l-imħabba fiha diversi livelli kif ukoll diversi ismijiet bħal Eros, Filija, Storġe, Xenija u aktar tard Agape. L-imħabba Eros li ħadet ukoll isem l-alla tagħha, hija imħabba passjonali li tressaq lil dak li jkun għal xewqat senswali. Għall-imħabba mhux passjonali kienet tintuża l-kelma Filija, kunċett studjat tajjeb mill-filosfu Aristotile. Dan jgħidilna li din hija l-imħabba bejn il-ħbieb, imħabba sinċiera li wieħed ikun jixtieq il-ġid lil sieħbu mhux għal xi interess personali iżda għax dak li jkun huwa sieħbu. Storġe kienet l-imħabba fil-familja, bejn il-membri tal-familja u Xenija kienet tirreferi għal dak li llum insejħulha solidarjetà jew ġenerożità. Agape daħlet fi żmien li beda l-Kristjaneżmu u hija l-ogħla forma ta’ mħabba, dik li nistgħu nsejħulha karità.

Iżda ejjew naraw naqra lil Eros. Għall-Griegi dan kien l-alla tal-imħabba fiżika u l-ġibda passjonali. Kien rappreżentat bħala tfajjel bil-ġwieneħ li f’ idu jġorr qaws u vleġeġ. Fejn jolqot bil-vleġġa tiegħu tinbet l-imħabba. Għal-Latini dan l-alla kien Kupidu. Hawn ukoll narawh bħala anġlu bil-qaws f’ idejh.

Xbieha famuża ta’ dan l-alla insibuha ġewwa Londra sewwasew f’ Piccadilly Circus. Hawnhekk insibu funtana b’ dan l-anġlu bil-qaws f’ idu fuqha. Din ma hijiex xi funtana antika ta’ żmien il-Griegi jew ir-Rumani iżda saret mill-iskultur Ingliż Sir Alfred Gilbert u żżanżnet fl-1893.

Imħabba u twemmin
Tista’ tgħid li r-reliġjonijiet kollha iħeġġu l-imħabba. Mhux kull fidi hija l-istess u lanqas tħares lejn l-imħabba bl-istess mod. Il-Lhud jitrattaw l-imħabba lejn il-proxxmu u l-imħabba lejn Alla. L-imħabba tal-miżżewġin hija meqjusa bħala essenzjali għall-ħajja tal-bniedem. Għall-Insara l-imħabba hija l-milja tat-twemmin kollu. Ma jista’ jsir xejn bla mħabba. Għal Kristu l-akbar kmandament huwa li tħobb lil Alla u ta’ warajh jixbħu: li tħobb lill-proxxmu tiegħek. Għall-Musulman l-imħabba wkoll ħija ħaġa importanti. Fil-Koran insibu li min ma jurix imħabba ja jistenniex li jsib imħabba. L-Induisti jiddistingwu bejn imħabba senswali u mħabba f’ forma ta’ karità filwaqt li għall-Buddist l-imħabba tfisser li tkun trid li ħaddieħor ikun ferħan. Naraw li f’ dawn ir-reliġjonijiet kbar, minkejja li hemm modi differenti kif jiddefinixxu l-imħabba, xorta nsibuha bħala element qawwi fihom.

Fl-arti
L-imħabba dejjem kienet art fertili għall-artisti ta’ kull tip. Mhux qed nirreferi għall-artisti li jagħtuna pitturi jew skulturi iżda wkoll għal dawk li jagħtuna opri bil-kitba. Alessandro Manzoni jagħtina storja ta’ mħabba mill-isbaħ fir-rumanz ċelebri tiegħu I Promessi Sposi. U la qed insemmu l-kotba ċelebri, nistgħu ma nsemmux ix-xogħol ta’ William Shakespeare Romeo u Ġuljetta? Ma ninsewx li anke f’pajjina kien hawn kittieba li ħallewlna rumanzi mill-aqwa bit-tema tal-imħabba. Fost oħrajn Ġużè Chetcuti tana r-rumanz Nirien ta’ Mħabba, Wistin Born ukoll tana rumanz qawwi li l-imħabba hija l-fus tal-ġrajja tiegħu. Qed nirreferi għar-rumanz Is-Salib tal-Fidda.

Joe u Helen jinterpretaw id-diska"L-Imħabba"
Kemm films inġibdu dwar xi storja ta’ mħabba! Bil-mijiet li jekk tibda ssemmi lanqas qatt tispiċċa. U  jekk films hawn bil-mijiet, xi ngħidu għad-diski! L-aktar tema popolari fid-diski hija l-imħabba. Kull xorta ta’ diski , kull tip ta’ mużika, dejjem sabet l-imħabba bħala art għammiela biex timraħ fiha. Din it-tema hija għall-qalb il-kompożituri Maltin, tant li fl-1972 Malta ħadet sehem fil-Eurovision bid-diska li propju ġġib l-isem “L-Imħabba”, diska miktuba minn Albert Cassola, mużika ta’ Charles Camilleri u kantata minn Helen Micallef u Joe Cutajar.

U San Valentinu
San Valentinu aktarx daħal fin-nofs bħal Pilatu fil-kredu. Forsi għax fl-14 ta’ Frar niċċelebraw il-festa ta’ dan il-qaddis martri? Forsi għax dan il-qaddis għamluh patrun tal-maħbubin? Hu x’ inhu llum ftit li xejn jaħsbu fuq il-qaddis iżda jaħsbu fl-imħabba. Biss tajjeb li dakinhar wieħed jirrifletti ftit fuq l-imħabba, il-vera mħabba li ma tafx b’ limiti, ma tara xejn quddiemha, dik l-imħabba li kulħadd jixtieq li jsib, min b’ mod u min b’ ieħor.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 11 ta' Frar 2017




lunedì 6 febbraio 2017

Il-kappillan ta’ Ħal Trintrin

L-iktar ħaġa li kienet iddejjaq lill-kappillan kienet il-ħoss tal-muniti jċekċku fil-qoffa waqt il-ġabra fil-quddiesa jew inkella il-ħoss tal-flus neżlin fil-kaxxa tal-offerti ta’ quddiem l-istatwa ta’ Sant’ Antnin waqt li kien ikun qiegħed jagħmel il-meditazzjoni. Ried jara x’ jagħmel għax dawn il-ħsejjes kienu qegħdin idejquh tassew. Qatagħha li fil-quddies ma jsirx iktar ġbir u neħħa kull kaxxa tal-offerti minn ġewwa l-knisja.
Issa beda jkun hemm skiet perfett, la ċekċik ta’ muniti u lanqas ħsejjes ta’ flus nieżla fl-kaxxa tal-qaddis ta’ Padova. Fil-bidu kien hemm min ma qabilx mal-kappillan imma l-biċċa ma damitx biex indrat u ħadd aktar ma baqa' jieħu flus miegħu meta jmur il-knisja.
🙎
Madwar xahrejn wara wasal il-kont tad-dawl tal-knisja. Flus biex iħallas ma kellux il-kappillan u għalhekk mar bil-kont fl-uffiċju fejn jitħallsu l-kontijiet. Kif daħal sab skrivan minn tagħna, fissirlu sewwa x’ inhi l-qagħda tiegħu u ftiehem miegħu li minflok il-flus tal-kont kien sejjer jagħmillu għaxar quddisiet għal ruħ ommu u missieru. L-iskrivan tar bil-ferħ u dlonk qabad it-timbru u ċapċap biċċa ta’ PAID daqsiex fuq il-kont. Mela l-kont tad-dawl tħallas.
Dik il-ħabta wkoll fil-knisja kien hemm żewġ ħaddiema jagħmlu xi xogħol. Meta lestew dak li kellhom jagħmlu marru fis-sagristija jfittxu l-kappillan sabiex jieħdu ħlashom. Kif rahom il-kappillan fetaħ il-kaxxarizz, ħareġ mazz santi u qasamulhom bejniethom. Qalilhom li dan kien il-ħlas tagħhom. Tant ferħu dawk il-ħadiema bis-santi tal-kappillan li minn dakinhar ma riedux aktar fus ta’ xogħolhom imma kienu jitolbu biss mazz santi.

Wara x-xogħol tal-ħaddiema kien jeħtieġ tindifa l-knisja. Il-kappillan mar sal-ħanut tal-pjazza u għamel xirja xirjun. Ftakar ukoll li fil-lokijiet tal-knisja kienu spiċċaw is-sapun u l-karti u għalhekk ħaseb għalihom ukoll. Xħin tal-ħanut għamillu l-kont il-kappillan qallu li kien ser iħallsu billi jgħid ħames posti rużarju għall-bżonnijiet tiegħu. Sid il-ħanut qabad u rduppjalu x-xirja u talbu li minflok ħames posti jgħid għaxra.
Meta xi mara fqira kienet iddoqq il-qanpiena tal-bieb tad-dar tal-kappillan u titolbu l-għajnuna, dan kien idaħħalha fl-uffiċju u jibda jirrakkonta salt stejjer ta’ qaddisin. B’ dawn l-istejjer kienet timla żaqqha hi u titma’ lill-uliedha mġewħa. Ma kienx jonqos li jagħtiha xi żewġ domni wkoll biex iżżomhom għall-emerġenza.
Trinnnnnn triiinnnnn trinnnnn. Daqq l-iżverjalin biex javża lill-kappillan li kienu saru l-ħamsa ta’ filgħodu u kien sar il-ħin biex iqum u jmur jiftaħ il-knisja u jqaddes tal-ewwel. Allura dak kollu kien ħolma? Il-kont tad-dawl kien għadu ma tħallasx? U x-xirja mingħand tal-ħanut ma tpattietx bir-rużarju? Intebaħ li l-ħaddiema li lestew xogħolhom fil-knisja mazz ewro jridu u mhux mazz santi. Induna li kienet ħolma, qam mis-sodda, ħasel wiċċu, xedd s-suttana u telaq jiftaħ il-knisja bil-qalb it-tajba.


👴 👴 👴

Fr  Reno Muscat 

venerdì 3 febbraio 2017

Dawk is-seba’ noti

Rari tgħaddi ġurnata li ma nisimgħux xi mużika! Anzi jien naħseb li ma tgħaddix ġurnata waħda biss li l-bniedem ma  jismax xi tip ta’ mużika. Mhux mużika fuq ir-radju jew fuq xi apparat ieħor, iżda xi ħsejjes ħelwin, jew anqas ħelwin, li jakkumpanjawna f’ ħajjitna, wara kollox il-mużika ma hija xejn għajr għadd ta’ ħsejjes organizzati b’ mod armonjuż li joħolqu melodija. Bi ftit fantasija kollox jista’ jidħol mal-klassi tal-mużika. Tista’ tisma l-għana ta’ għasfur, l-inbieħ ta’ kelb, it-tħaxwix tal-ilma tal-baħar, it-tisfira tal-werżieq, it-tektik tal-ħaddied fuq biċċa ħadida, iż-żaqżieq tas-serrieq tal-mastrudaxxa u nistgħu nibqgħu sejrin hekk, kull tip ta’ ħsejjes jistgħu jkunu għalina mużika. Biss imbagħad jekk il-ħsejjes ikunu għoljin wisq, f’ dak il-każ ma jibqgħux ħsejjes iżda jsiru storju u mill-istorbju ma toħroġx mużika. Issa dan x’ naħseb jien, għandek kull dritt ma taqbilx miegħi!

Fil-bidu
Flawtijiet primittivi
Il-bniedem primittiv induna li jista’ jagħmel sensiela ta’ ħsejjes billi dak li jsib jagħmillu xi ftit tibdil. Hekk minn żokk irqieq ta’ siġra ħoloq flawt billi taqbu u għamillu xi ftit toqob fih. Ma’ zokk oħxon vojt rabat biċċa ġilda ta’ mogħża, nagħġa jew baqra u vvinta t-tambur. Bil-mod bdew jiġu vvintati l-istrumenti mużikali. Ċiviltajiet antiki kellhom l-istrumenti mużikali tagħhom. Hekk nistgħu ngħidu għall-Eġizzjani u ċ-Ċiniżi. Il-Babiloniżi kellhom stument tal-korda li nistgħu ngħidu li hija xi bużbużnanna tal-kitarra. Min kellu qatt jgħidilhom lil dawn in-nies li dak l-istrument li kienu vvintaw għad jara daqtant tibdil! Anzi min minnhom qatt basar li bosta sekli wara l-istumenti tal-korda se jkunu numerużi, bil-mijiet! U bl-istess argument ngħidu li lanqas il-bniedem primittiv qatt ma ħaseb li dak il-flawt li ħolq minn biċċa zokk kellu jkun il-missier ta’ mijiet ta’ strumetni li llum insejħulhom tal-injam u tal-qasba!

Nistgħu ngħidu li ħafna mill-mużiċisti gwappi bdew triqithom mal-mużika billi kienu jistudjaw il-pjanu. Dan l-istrument, li sewwasew jismu pianoforte, jaf il-bidu tiegħu ġewwa l-Italja aktarx fis-sena 1698. Il-pjanu huwa komdu għal min jikteb il-mużika għaliex normalment ikun fih 88 buttuna fit-tastiera tiegħu. Jingħad li għall-bidu l-pjanu ma tantx kiseb suċess biss madwar seklu wara sar strument importanti għax il-kitba tal-mużika bdiet ikollha noti baxxi u oħrajn għoljin għalhekk kien l-istrument ideali għal din it-tip ta’ mużika.

Fil-Bibbja
Shofàr
Insemmu l-Bibbja għaliex hija l-aktar ktieb mifrux madwar id-dinja, l-aktar ktieb maqlub bl-ilsna differenti u huwa ktieb li jinfirex fuq mijiet twal ta’ snin. F’ dan il-ktieb niltaqgħu ma’ bosta strumenti mużikali. Spiss niltaqgħu mat-tromba. It-tromba kienet tkun qarn ta’ muntun li jittaqqab minn ġewwa u jintuża bħala strument. Il-kelma Lhudija għal dan l-istrument hija Shofàr, tixbaħ lil dik Maltija suffara.  Il-Lhud kellhom ukoll it-tromba tal-metall li kienet tkun twila xi nofs metru. Insibu wkoll imsemmi l-flawt. Sa mill-ewwel kapitli tal-Bibbja insibu msemmi dan l-istrument (Ġen:4:21) Dan l-istrument insibuh ukoll fl-istorja tat-tifla ta’ Ġajru. Xħin mietet kien hemm id-daqqaqa   tal-flawt u folla nies jagħmlu storbju sħiħ. (Mt:9:22). Mal-flawt tissemma wkoll iċ-ċetra. Dan l-istrument huwa n-nannu tal-arpa. L-arpa wkoll insibuha f’ idejn is-Sultan David. Is-salm numru 150 jagħtina sensiela ta’ ismijiet ta’ strumenti; it-tromba, l-arpa, iċ-ċetra, it-tambur, is-sfafar u ċ-ċimbali. Iċ-ċimbali ma huma xejn għajr dawk li bosta minna jsejħulhom platti.

Dawn huma xi wħud mill-istrumenti mużikali li nsibu fil-Bibbja.

Kitba
Il-mużika fiha wkoll il-mod kif tinkiteb. Hija nistgħu ngħidu l-ilsien internazzjonali għaliex biċċa mużika miktuba tista’ tinqara minn kull min ikun jaf jara l-mużika tkun xi tkun in-nazzjonalità tiegħu. Minkejja li fl-aħħar mill-aħħar in-noti huma biss sebgħa, il-melodiji huma eluf. Biss ġieli jiġri li biċċa mużika tkun tixbaħ lil xi biċċa oħra. Perezempju fl-album 1492: Conquest of Paradise ta’ Vangelis, hemm is-silta bl-isem West Across the Ocean Sea li parti minnha hija eżatt bħal biċċa mill-Innu Malti. Ma temmnux? Fittxuha u araw għandix raġun! Meta snin ilu kont qed nitkellem ma’ wieħed mużiċist Malti u semmejtlu dan il-fatt hu qalli: “Fl-aħħar mill-aħħar dur, dur, dur u xorta sebgħa noti jibqgħu! Ma jfissirx li Vangelis ikkopja lil Robert Samut.”

Mużika Maltija
Ma nistax hawn ma nsellimx lil bosta mużiċisti kbar Maltin. Forsi naħsbu li s-surmastrijiet Maltin jiktbu biss marċi tal-festa, iżda mhux hekk. Pajjiżna ta kittieba tal-mużika wkoll. Xieraq infakkru lis-surmast Giuseppe Camilleri. Dan kien kiteb il-mużika tal-innu tal-kungress Ewkaristiku li kien sar ġewwa Malta fl-1913. L-isem tal-innu kien: T'adoriam Ostia Divina li bil-Malti nsejħulu: Nadurawk ja Ħobż tas-sema. Dan l-innu minkejja li għandu aktar minn mitt sena, jindaqq f’ diversi knejjes madwar id-dinja iżda ftit li xejn huwa mxandar isem il-kittieb tiegħu! Ħasra! Tajjeb ngħid ukoll li dan l-innu jinstema' wkoll f’xena fil-film tal-1948 ta’ Vittorio de Sica bl-isem Ladri di Biciclette.

Kemm hemm xi tgħid dwar il-mużika, dwar dawk is-seba’ noti! Dan li għidt jien donnu biss l-antipasto ta’ qabel l-ikla!





Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon - 4 ta' Frar 2017