It-tieni parti
Wara li rajna kif
il-messaġġ li l-Madonna ħalliet mat-tfal ġewwa Fatima kien ukoll immirat lejn
il-Knisja Ortodossa u sa ċertu punt kien ukoll attwali għal-Lhud, illum naraw
fuq fuq kif anke il-Musulmani kellhom xi ħaġa x’ jifhmu fih. Ovvjament billi
dan il-messaġġ twassal f’ ambjent Kattoliku, l-aktar li jolqot kien lid-dinja
Rumana. Illum nitrattaw dawn iż-żewġ reliġjonijiet kbar fid-dawl tal-messaġġ
ta’ Fatima.
Iżlam
It-tmien tal-Imperu
Ottoman kien ifisser ukoll l-għibien ġeo-politiku tal-Iżlam mix-xena dinjija.
Kien seklu iebes għall-Iżlam madwar id-dinja, bit-taqlib li ġab miegħu il-Jiħadiżmu li effettwa mhux
biss il-pajjiżi Iżlamiċi iżda lid-dinja kollha.
Kif qal il-Papa Franġisku
waqt li kien qiegħed iżur l-Eġittu, il-kwistjoni tal-Iżlam issa hija fuq nett
fl-agenda tad-dinja.
L-Arċisqof Amerikan
Fulton J. Sheen kien qal: “Nemmen li l-Verġni Marija għażlet li tibda’
tissejjaħ bħala ‘L-Madonna ta’ Fatima’ biex turi sinjal ta’ tama
għall-Musulmani wkoll, u bix-xewqa li huma, li lilha tant juruha qima, xi darba
wkoll għad jagħrfu lil Binha wkoll.”
L-Arċisqof Sheen kien
jemmen li l-Madonna meta dehret fil-Portugall, għażlet post b’ isem Musulman.
Fatima huwa l-isem ta’ waħda minn ulied il-Profeta Muħammed. Fatima wkoll kien
l-isem ta’ prinċipessa Musulmana li wara saret Kristjana li r-raħal
fil-Portugall isemma għaliha. Sheer isostni li d-dehriet ta’ Fatima ma seħħewx
biss għall-konverzjoni tar-Russja iżda anke biex turi mħabbitha lill-Musulmani.
Kattoliċi
Iċ-ċentinarju ta’ Fatima
jista’ jitqies bħala avveniment Kattoliku għax jagħtina dawl fuq il-ħajja
tal-Knisja fis-seklu XX.
Bħalma l-Papa Ljun XIII
fetaħ u mexxa l-Ġublew tas-sena 1900 madwar id-devozzjoni lejn il-Qalb ta’
Ġesù, hekk San Ġwanni Pawlu II poġġa lil Fatima fil-qalba tal-Ġublew il-Kbir
tas-sena 2000. Dan il-Papa mar ġewwa Fatima fejn ibbeatifika lil Franġisku u
lil Ġjaċinta Marto, tnejn mit-tfal tad-dehriet. Dan il-vjaġġ huwa ta’
importanza kbira għaliex dik is-sena l-Papa għamel biss vjaġġi apostoliċi f’
pajjiżi bibliċi: l-Eġittu, il-Ġordan u Iżreal / Palestina, u dan tal-Portugall. F’ Ottubru tas-sena 2000,
Dan il-Papa Marjan, talab li l-istatwa tal-Madonna ta’ Fatima tinġieb minn
ġewwa l-Portugall għall-Vatikan. Hemm huwa ħalla it-tielet millenju f’ idejn
il-Qalb Imqaddsa ta’ Marija u wettaq mill-ġdid il-konsagrazzjoni tad-dinja
kollha lill-Qalb Imqaddsa, dak li kien wettaq diġà fl-1984. Dan kollu seħħ
skont ix-xewqa tal-Madonna meta dehret ġewwa Fatima.
Rigward id-devozzjoni
Kattolika f’ dan is-seklu ta’ Faitma nistgħu nsemmu li dan kien immarkat b’
figuri ġodda, qaddisin li għexu fi żmienna, għexu magħna, qaddisin li nafuhom. Dan is-seklu offra tliet figuri
kbar ħafna li kienu devoti tal-Qalb bla tebgħa ta’ Marija.
San Massimiljanu Kolbe,
ħafna qabel ma ħa l-martirju ġewwa
l-Kamp ta’ Konċentrament f’ Auschwitz, poġġa lill-Qalb blċ tebgħa ta’ Marija
fiċ-ċentru tad-devozzjoni tiegħu. Huwa wkoll iddedika lil Marija il-kunvent
Franġiskan li waqqaf, l-akbar kunvent fid-dinja f’ dak iż-żmien. Huwa semma
l-fuljett li kien jippubblika “Il-Kavallier tal-Immakulata”, fuljett li kellu
miljuni ta’ qarrejja.
San Ġwanni Pawlu II
għażel bħala motto tal-Papat tiegħu il-kliem “Totus Tuus”, kollni kemm jien
tiegħek. Dan il-kliem kien indirizzat lejn Marija Santissima. Dan kien il-Papa
li nħeles mill-mewt vjolenti sewwasew skont il-messaġġ tal-Madonna ta’ Fatima.
Santa Tereża ta’ Kalkutta
waqt li kienet qegħda tistenna l-approvazzjoni dwar il-ħsieb tagħha li twaqqaf
il-Missjunarji tal-Karità, kitbet li hija lesta tagħmel ix-xogħol tal-Madonna
ta’ Fatima ġewwa l-kerrejjiet. Meta Madre Tereża mietet fl-1997, indifnet taħt
statwa tal-Madonna ta’ Fatima, devozzjoni li hija dejjem kellha li saħansitra
ġegħlitha twaqqaf santwarju ċkejken iddedikat lill-Madonna ta’ Fatima. Dan
għamlitu xi 50 sena qabel, meta kienet għadha soru ta’ Loretu.
Bla dubju ta’ xejn,
il-beatifikazzjoni u issa anke l-kanonizzazzjoni ta’ Franġisku u Ġjaċinta Marto
huma sinjali ta’ Knisja li tagħraf kemm Alla għadu jibgħat qaddisin fid-dinja
minkejja kollox, minkejja l-ħafna ħażin li hawn fil-globu. Tajjeb ngħidu li l-viżjunarji ta’ Fatima huma
l-iżgħar persuni li kienu kkanonizzati li ma humiex martri.
Mitt sena wara d-dehriet
u l-Knisja Kattolika qegħda tgħix fiż-żmien ta’ Fatima.
Tmiem
F’ dawn ir-riflessjonijiet
trattajna l-messaġġ li l-Madonna tat lid-dinja mitt sena ilu, propju fl-1917.
Ma dħalniex fid-dattall tal-messaġġ anzi ftit li xejn tajt dettalji dwar
il-messaġġ għaliex lġ-iskop kien li naraw li dak li ntqal mill-Madonna ġara u
kien jolqot lid-dinja kollha, lil kulħadd hu x’ inhu t-twemmin reliġjuż li
jħaddan. Messaġġ ta’ mitt sena ilu li għadu attwali, anzi llum nistħgu nifhmuh
aktar minn seklu ilu!
Fr Reno Muscat