venerdì 24 novembre 2017

Ir-rispett lejn il-Pulizija

Persuna li fi tfultina kellha rispett kbir minna kienet dik tal-membru tal-Korp tal-Pulizija. Il-kbar kienu jgħallmuna li għandu jkollna rispett lejn dawn il-persuni għax bis-saħħa tagħhom tinżamm l-ordni fil-pajjiż. Kienu jgħidulna li jekk jinqala’ xi ħaġa għandna morru għandhom, jekk inkunu f’xi post iffullat u nintilfu għandna nfittxu pulizija biex jerġa’ jsibilna lill-ġenituri tagħna. Fi ftit kliem nistgħu ngħidu li fina tnissel sens ta’ rispett lejn l-uniformi. Mhux lejn il-libsa imma lejn il-persuna li tilbisha u lejn il-ħidma li twettaq.

Niftakar li meta konna żgħar kellna anke ktieb, wieħed minn sensiela, li tiddiskrivi għadd ta’ xogħlijiet, li kien iddedikat lill-pulizija. Dan kien ikompli jkabbar fina is-sens ta’ rispett lejn min ikun f’dan il-mestier.

Storja fl-isem
Il-kelma pulizija ġejja mill-kelma Griega πολιτεία  (politeía). Kelma Griega oħra, qrib din il-kelma hija πόλις (pólis). Minkejja li dawn iż-żewġ kelmiet jixxiebħu ma jfissrx li huma l-istess. L-ewwel waħda tfisser gvern, mexxej ċivili filwaqt li t-tieni kelma tfisser belt-stat. Billi ma humiex l-istess ħaġa xorta hemm rabta bejn il-mexxej u l-belt għax huwa l-persuna li jmexxi l-ordni fil-belt jew il-pajjiż. Minn din il-kelma Griega ħarġet il-kelma Latina politia, li bejn wieħed u ieħor għandha l-istess tifsira u maż-żmien nibtet il-kelma pulizija, police bl-Ingliz, polizia bit-Taljan, police bil-Franċiż, polizei bil-Ġermaniż, policía bl-Ispanjol u nistgħu nibqgħu sejrin hekk. Kważi l-ilsna kollha ħadu terminu għal dak il-mestier li qegħdin nitkellmu dwaru mill-kelma Griega.

Nistgħu ngħidu li llum fid-dinja kollha, fil-pajjiżi kollha, mhux dawk biss żviluppati, insibu l-korp tal-pulizija għaż-żamma tal-ordni. Id-data uffiċjali tat-twaqqif tal-Korp tal-Pulizija f’ Malta hija t-12 ta’ Lulju 1814.

Għaqda
Minħabba n-natura ta’ dan ix-xogħol mhux kulħadd jaqbel li huma jkunu f’union. Il-ħidma tal-pulizija mhix strettament militari imma lanqas huma Boy Scouts. (Bir-rispett kollu lejn l-Iscouts – għaqda li tant għandi għal qalbi u li fiha għaddejt uħud mill-isbaħ snin ta’ żgħożiti!) Wara kollox dan huwa xogħol li minkejja li huwa differenti minn xogħlijiet oħra, xorta għandek bniedem tad-demm u l-laħam taħt il-qoxra tal-uniformi, xorta għandek lill-persuna umana li għalkemm bħala pulizija tibqa’ 24 siegħa kuljum, sebat ijiem fil-ġimgħa, xħin tlesti dmirha, tmur id-dar u ssib il-familja, lill-omm u l-aħwa jekk ġuvni jew xebba, issib lill-mara jew lir-raġel u lit-tfal jekk dak li jkun ikollu l-familja tiegħu. Għalhekk personalment naqbel li l-pulizija jkollhom union. Tajjeb ukoll li ma jkunx hemm il-monopolju, sewwasew bħal fil-każ ta’ Malta, fejn hemm żewġ unions fejn jistgħu jissieħbu l-pulizija.

Pulizija agrediti
Fi tfulitna meta konna nisimgħu li xi ħadd ħebb għal xi pulizija konna nqisu dan l-att bħala wieħed gravi. Mhux biss attakk fiżiku imma anke jekk persuna ttajjar il-beritta ta’ pulizija kien meqjuż bħala offiża. Ma nafx jekk kienx hemm xi penali għal min iwettaq dan l-att u jekk kien hemm ma naħsibx li din tneħħet. Iżda llum ma għadniex nisimgħu b’persuni li jtajru l-beritta minn fuq ras xi kuntistabbli, illum l-atti huma wisq aktar gravi, illum l-attakki huma fiżiċi u gravi.

Xbajna nisimgħu u naqraw b’każi fejn membri tal-Korp tal-Pulizija ta’ Malta jiġu aggrediti għax ikunu qed jagħmlu xogħolhom. Xbajna naqraw b’pulizija li spiċċat l-isptar għall-kura għax xi ħadd għoġbu jieħu l-liġi b’idejh u jidrob lill-kuntistabbli li waqt ħidmietu jiġbidlu l-attenzjoni għal xi kontravinzjoni jew għal xi ksur tal-liġi li jkun għamel. X’nippretendu li kulħadd jieħu l-liġi b’idejh u jagħmel li jrid? Niġu sewwa għax nispiċċaw bħall-ġungla.

Edukazzjoni
Dan l-aħħar qrajna li membru tal-Korp spiċċat l-isptar wara inċident quddiem il-Junior College fl-Imsida. Xi studenti kienu qed jifirħu, kienu qed jiċċelebraw, imma ejjew inkunu rġiel: biex tiċċelebra hemm għalfejn tispiċċa ċċappas iċ-ċelebrazzjoni tiegħek? Kieku ma seħħx dak li seħħ ma kienx ikun aħjar? Hu x’inhu dak li ġara ġara u se jibqa’ miktub bla ma jista’ jitħassar qatt.

Biss jiena ma nagħtix it-tort kollu lill-istudenti f’dan il-każ. It-tort il-kbir huwa tal-istruttura kollha, fejn il-poplu kollu ma għadux iħoss ripsett lejn il-membri tal-korp. Illum ma għadniex inħarsu lejn l-uniformi imma qed inneżżgħu lill-kuntistabbli u narawh bħala bniedem bħalna. Tassew li huwa bniedem bħalna imma bniedem b’missjoni!

Hemm bżonn li l-pulizija terġa’ tingħata d-dinjità li kellha darba. Hemm bżonn li l-affarijiet jitranġaw minn fuq, anzi minn fuq nett. Hemm bżonn li jekk pulizija jaqdi dmiru u jiġi agredit (u anke jekk le), isib min jagħtih appoġġ, min ikun ta’ spalla għalih, min ikun warajh. B’hekk dak il-pulizija, li wara kollox qiegħed fuq xogħlu mhux b’passatemp imma biex jaqla l-biċċa tal-ħobż, jagħmel dmiru sewwa: kif jixraq lilu u kif jixraq lilna ċittadini ta’ pajjiż ċivilizzat.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon 25 ta' Novembru 2017





venerdì 17 novembre 2017

It-talkies

Ħarġa mill-aktar popolari tal-Maltin ta’ erbgħin jew ħamsin sena ilu kienet sas-sala taċ-ċinema biex wieħed jara film. Dan id-divertiment kulħadd kien isejjaħlu t-talkies li sewwasew bdiet tintuża meta l-films bdew ikunu bil-kliem ukoll. U l-Ħadd waranofsinhar jew filgħaxija kulħadd għat-talkies….. fejn trid tmur?

Iċ-ċinema
L-istorja taċ-ċinema hija waħda twila u mimlija nteress. Hollywood huwa l-post sinonimu maċ-ċinema u bosta għandhom mnejn jaħsbu li dan beda hemmhekk, iżda din l-industrija bdiet ġewwa l-Ewropa u emegrat lejn l-Amerika minħabba l-gwerer. L-Amerika kienet aktar stabbli u l-istabbilità tgħin f’kull qasam.

Din l-industrija ġibdet lejha bosta personaġġi li spiċċaw għamlu isem fil-qasam taċ-ċinema. Mhux Amerikani biss imma anke Ewropej, fosthom Maltin bħalna. Forsi l-aktar tnejn li baqgħu magħrufin kienu Joseph Calleja li ħa sehem f’għadd sabiħ ta’ films u Oreste Chircop li jibqa’ msemmi għall-parti tiegħu fil-film The Vagabond King.

Pajjiżna kien ukoll il-palk għal bosta films kbar. Il-ġbid tal-films f’Malta jmur lura sas-snin għoxrin, kważi mitt sena ilu. Bosta mill-films li nħadmu f’pajjiżna għandna mnejn lanqas qatt smajna bihom imma dawk li saru dawn l-aħħar snin hemm minnhom li għamlu suċċess kbir. Fost films kbar li jew kollha jew xi partijeit minnhom inġibdu Malta insibu: Shout at the Devil, The Spy Who Loved Me, Midnight Express, li juri bosta xeni ta’ Malta tas-snin 70 kif ukoll jidhru bosta Maltin fih, Popeye, li tiegħu għadna ngawdu s-set li kien inbena għalih ġewwa Anchor Bay, bajja li llum ħadet l-isem ta’ Popeye, Christopher Columbus, li fih kellu parti sewwa l-attur Malti John Suda, The Count of Monte Cristo fejn wieħed jista’ jammira l-ġmiel ta’ ċerti nħawi ta’ pajjiżna bħall-Birgu u l-Imdina, Munich, The Da Vinci Code, The Devil's Double, Kon-Tiki, Assassin's Creed u bosta oħrajn. Dawn huma fost l-aktar popolari.

Swali
Minħabba li dan it-tip ta’ divertiment kien popolari, konna nsibu għadd ta’ swali taċ-ċinema imferrxin ma’ Malta kollha. Tista’ tgħid li kull belt u raħal kellha s-sala taċ-ċinema tagħha u fejn il-post ikun kbir ġieli konna nsibu aktar minn sala waħda. Illum dawn is-swali fl-irħula kollha spiċċaw għalhekk jekk insemmi xi wieħed jew tnejn minnhom ma nkun qed nagħmel l-ebda reklam.

Meta konna l-iskola primarja ġieli kienu jieħduna naraw xi film. Fir-raħal tiegħi, Ħal Qormi, kien hemm żewġ swali taċ-ċinema; Amazon u Warner. Skola sekondarja kont immur Sant’ Agata. Hemmhekk kellna sala taċ-ċinema u kull nhar ta’ Ġimgħa bejn il-waqfiet tad-disgħa u ta’ nofsinhar kien ikollna film. Missieri jgħid li ġewwa Ħal Qormi qabel kien hemm sala oħra bl-isem ta’ Saint George’s, fil-post fejn illum insibu l-Każin tal-Partit Laburista. Ommi trabbiet Birkirkara u ġieli smajtha ssemmi xi swali taċ-ċinema li kienet tiffrekwenta meta kienet għadha xebba; Ir-Roxy jew il-Metropole li kien eqreb tad-dar. Meta bdejna nitfarfu, aħna wkoll bdejna mmorru naraw xi film, l-ewwel fir-raħal u mbagħad bil-mod il-mod bdejna nidħlu sal-Belt.

Fil-Belt Valletta kien hemm numru ta’ swali u tas-Sliema l-istess. Film ġdid l-ewwel li kien jintwera kien ikun f’xi sala l-Belt, imbagħad jibda jdur ġimgħa ġimgħa s-swali l-oħra tal-ġżira. Kien żmien ieħor. Kien hemm żmien meta biex issib post għall-film tal-Ħadd f’sala l-Belt, kien ikollok taqta’ biljett it-Tlieta jew l-Erbgħa ta’ qabel. Kien żmien ieħor. Kien żmien li t-talkies kien fl-aqwa tiegħu u kulħadd kien iħobbu. Smajt kemm-il darba li anke meta r-Reġina Eliżabetta kienet għadha prinċipessa u kienet tkun Malta, kienet spiss tmur tara xi film. Kienet tħobb tmur Ħal Qormi fit-Teatru Warner; dan ikkonfermah il-fotografu Frank Attard f’intervista ma’ ġurnal lokali madwar għaxar snin ilu.

Progress
Fis-snin tmenin bdew jidħlu l-videos fid-djar u din kienet daqqa ta’ ħarta għas-swali taċ-ċinema. Bdejna nippreferu nikru video u noqgħodu narawh id-dar bil-kumdità kollha. Biss minkejja l-kumdità kollha, id-dar qatt ma tista’ toffri dik is-sensazzjoni li toffri sala tat-talkies. Iż-żgħażagħ ma baqgħux ifittxu li jmorru jaraw film fi tmiem il-ġimgħa imma bdew imorru jiżfnu fid-discos. It-teatru Coliseum tal-Belt kien xamm x’riedu ż-żgħażagħ u kien inbidel f’diskoteka.
Il-progress fit-teknoloġija biddel ukoll il-mod li bih jinħadem film. Illum sar għandna films maħdumin bil-kompjuter. Illum infetħu swali ġodda taċ-ċinema, swali moderni u armati bl-aqwa teknoloġija. Bis-saħħa tagħhom id-drawwa tat-talkies reġgħet bdiet, imma qatt ma laħqet il-livell li kellha nofs seklu ilum jew ftit aktar. Illum hawn hafna aktar postijiet fejn toħroġ u tmur tiddeverti fihom.

Hu x’inhu, it-talkies iġib ħafna nostalġija għal bosta. L-ewwel ħarġa, l-ewwel ħbieb, l-ewwel ġlieda jew l-ewwel bewsa. Min jaf?


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 18 ta' Novembru 2017






venerdì 10 novembre 2017

Mill-enċiklopedija għall-Wikipedia

Iż-żgħażagħ tal-lum lanqas jimmaġinaw kif kienet tfulitna, aħna li għandna xi ftit inqas jew ftit aktar minn nofs seklu. It-tfulija tagħna kienet differenti għal kollox, ibda mil-logħob, ikel, drawwiet u ibqa’ sejjer sal-istudju.

L-iskola kellha mhux biss ħinijiet differenti iżda anke sistema ta’ tagħlim. Il-progress ma jista’ jżommu ħadd, u ħażin jekk jinżamm, u dan biddel ukoll il-mod kif l-istudent jistudja.

L-enċiklopedija
L-aktar riferenza komuni meta bniedem ried ikun jaf xi ħaġa kienet li jmur ifittex fuqha fl-enċiklopedija. Mhux kulħadd kellu waħda d-dar għalhekk iż-żjajjar fil-libreriji kienu aktar frekwenti.
Ejjew nitkellmu dwar l-enċiklopedija ġenerali għaliex jeżistu enċiklopediji speċjalizzati f’xi qasam ta’ studju. L-aktar waħda mfittxija hija dik li ġġib l-isem Encyclopædia Britannica. Din kienet ippubblikata l-ewwel darba bejn l-1768 u l-1771 ġewwa l-Iskozja. L-ewwel edizzjoni kien fiha tliet volumi. Din l-enċiklopedija għadha tkun ippubblikata sal-lum. Fl-2010 ħarġet il-15-il edizzjoni tagħha li fiha 32 volum. Jaħdmu fuqha hemm madwar 100 editur iżda l-kontributuri tagħha jitilgħu għal aktar minn 4,000 persuna. Mhux ta’ b’xejn li din l-enċiklopedija hija meqjusa minn ħafna bħala l-kapolavur jew ir-reġina tal-enċiklopediji.

B’dan ma aħniex ngħidu li din l-enċiklopedija hija l-ewwel waħda li qatt saret, xejn minn dan, sa mill-qedem kienu jiġu miktuba xi forma ta’ enċiklopediji. Anke fil-medjuevu konna nsibu dan il-ġeneru ta’ kotba.

Illum għadna nsibu enċiklopediji ġenerali mhux tat-tip tal-Brittanica, imma xorta l-użu tagħhom naqas. Ladarba jonqos l-użu, tonqos il-pubblikazzjoni.

Fuq l-internet
Illum minflok li dak li jkun imur jiftaħ il-volum tal-enċiklopedija biex isib dak li jkun irid xi tagħrif dwaru, dlonk imur fuq l-internet u jfittex hemm.

Fuq l-internet hemm enċiklopediji wkoll, fosthom il-Brittanica. Imma bħal dejjem, fuq l-internet issib kollox  u għalhekk trid toqgħod attent jekk dak li taqra jkunx veru jew falz.

Wikipedia
F’Jannar tas-sena 2001 beda l-proġett ta’ dik li llum saret waħda mill-aktar siti elettroniċi mfittxija – il-Wikipedia. Il-ħsieb li jinġabar kemm jista’ jkun għerf u informazzjoni minn madwar id-dinja f’post wieħed u mxerred fuq l-internet kien ilu jberren f’xi mħuh, minkejja li l-internet kien għadu mhux mifrux bħalma huwa llum. Ix-xewqa kienet li bniedem ikun jista’ jsib it-tagħrif li jkollu bżonn bla ma jaħli ħafna ħin.

Il-kelma Wiki ġejja mill-kelma tal-ilsien tal-Hawaii li tfisser bil-għaġla, bla tnikkir. Il-ħsieb tal-Wikipedia ġie mill-isem tas-servizz tal-karozzi tal-linja li mill-ajruport ta’ Honolulu, fil-Hawaii, iwassluk direttament f’għadd ta’ postijiet f’din il-gżira. Is-servizz iġib l-isem Wiki Wiki, għax il-karozzi tal-linja ma jiefux qabel jaslu fid-destinazzjoni tagħhom u b’hekk ma jsirx telf ta’ ħin. Il-kelma intennija, darbtejn tenfasizza li s-servizz huwa veloċi. Ħasra ma hemmx dan is-servizz f’Malta wkoll!

Kibret
Wikipedia bdiet bi ftit artikli biex illum insibu miljuni ta’ kitbiet fiha. Din l-enċiklopedija online insibuha f’ numru kbir ta’ ilsna, fosthom bil-Malti. Dan ma jfissirx li dak kollu li nsibu bl-Inġliż wieħed se jsibu bil-Malti wkoll. Jekk artikli bl-Ingliż hemm ftit aktar minn ħames miljuni u nofs, dawk bil-Malti huma biss ftit eluf. Jekk niġbru l-artikli kollha flimkien, tal-ilsna kollha, insibu li Wikipedia tiġbor fiha aktar minn ħamsa u erbgħin miljun. F’Ottubru 2017 Wikipedia kienet il-ħames l-aktar sit elettroniku li jżuruha nies. Dan juri żieda fuq is-sena ta’ qabel għax fl-2016 kienet fis-sitt post.

Kemm nista’ nafdaha?
L-oriġinalità ta’ Wikipedia hija li kulħadd jista’ jikkontribwixxi fiha, kulħadd jista’ jikteb artiklu u jimpustah fiha. Ħaġa oħra hija li kulħadd jista’ jikkoreġi xi żball jew ineżattezza li jiltaqa’ magħha fl-enċiklopedija online. Allura meta kulħadd ikollu dan l-aċċess bla ma rridu nibdew niddubitaw kemm hija affidabbli, kemm wieħed jista’ jserraħ rasu li dak li qed jaqra huwa s-sewwa.
Billi kulħadd jista’ jirranġa xi żball li jsib, probabbli li artiklu jkun ħafna qrib is-sewwa. Fl-2005 il-ġurnal Nature għamel studju dwar din l-enċiklopedija u qal li l-eżattezza tagħha tqarreb lejn dik tal-Encyclopædia Britannica.

Din l-enċiklopedija jiżdiedu fiha madwar 600 artiklu kuljum. Il-verżjoni  Ngliża huwa stmat li jużawha regolarment aktar minn tnejn u tletin miljun ruħ. Meta wieħed jara dawn iċ-ċifri bla ma jrid iserraħ rasu li dak li qed jaqra huwa s-sewwa. Imma attent, jekk qed tikteb xi teżi, tużax Wikipedia, mur fuq enċiklopedija oħra għax silta minn din l-enċiklopedija tista’ ma tkunx aċċettata għax ġieli jkun hemm artikli bla ma jkollhom sors min fejn waasal it-tagħrif.

X’bidla, x’differenza! kemm inbidel iż-żmien u kemm biddel ħweiieġ miegħu. Ta’ qabilna qatt ma ħolmu b’dak li se jkollna aħna, sewwasew kif aħna ma nafux x’ ser ikollhom ta’ warajna.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 11 ta' Novembru 2017




venerdì 3 novembre 2017

X’ġew jagħmlu Malta tal-FBI?

Dawn l-aħħar jiem isem Malta xxandar mal-erbat irjieħ tad-dinja. Sfortunatament ma kienx xi reklam għat-turiżmu f’pajjiżna li xandar dan l-isem imma l-qtil tal-ġurnalista Maltija Daphne Caruana Galizia.

Taqbel jew ma taqbilx mal-mod kif din il-ġurnalista kienet ixxandar l-aħbarijiet ma jagħmilx differenza imma kulħadd jaqbel li dan l-assassinju kien wieħed li ħasad lill- Malta u xxukkjaha. Kemm-il darba konna ngħidu li għad jagħmlulha xi ħaġa kbira, imma fil-fond ta’ qalbna naħseb li qatt ma emminna li dak li seħħ qatt seta’ jiġri f’pajjiżna, minkejja li ma kinitx l-ewwel karozza bomba f’Malta.

Imma għax il-mira kienet propju l-ġurnalista Daphne, l-effett tal-qtil kien akbar min ta’ ħaddieħor. Tant huwa minnu dan li qed ngħid li l-awtoritajiet Maltin ħasbu biex jinġiebu f’pajjiżna xi esperti barranin biex jgħinu lill-pulizija fl-istħarriġ tagħha. Żgur li ġew żewġ gruppi, esperti Olandiżi u  membri tal-FBI Amerikana.

Federal Bureau of Investigation
L-għan tal-FBI huwa dak li jipproteġi lill-Amerika u lill-poplu Amerikan. Imma minn xiex? Billi l-Istati Uniti huma potenza qawwija, huma dejjem suġġetti għal xi nkwiet li jinqala minn taħt, għalhekk l-FBI għandha l-ħidma li tipproteġi lill-pajjiż minn xi attakk terroristiku, tara li ma jkunx hemm xi missjoni ta’ spjunaġġ kontra l-pajjiż u tara li ċertu tagħrif sensittiv ma joħroġx mill-pajjiż. Illum taħdem ukoll biex tħares lill-pajjiż minn xi attakk marbut mat-teknoloġija. Billi llum it-teknoloġija tal-informatika hija l-bażi ta’ kollox, jista’ jkun hemm xi ħtif jew serq ta’ informazzjoni sensittiva u sigrieta. L-FBI tara li din il-ħaġa ma tuġrix. Xogħol ieħor tal-FBI huwa li tiġġieled il-korruzzjoni, tiġi minn fejn tiġi, tħares id-drittijiet ċivili, taħdem kontra l-kriminalità individwali u l-vjolenza u tiġġieled kull forma ta’ kriminalità organizzata.

Mhux xogħol ħafif dan tagħha imma l-membri ta’ dan il-bureau huma mħarrġin b’mod professjonali biex iwettqu l-ħidma tagħhom sewwa u kemm jista’ jkun ikollhom suċċess. Madanakollu ġieli smajna li kien hemm xi riżultati mhux daqstant pjaċevoli, ġieli rajna atti jseħħu li forsi l-FBI lanqas biss xammet x’kien qed jinħema. Mal-ħażin mhux faċli taħdem!

Minkejja xi nuqqasijiet, din l-aġenzija hija fost l-iprem fid-dinja fil-qasam tal-investigazzjonijiet, tant hu hekk li anke l-Gvern Malti talab l-għajuna tagħha fil-każ ta’ Caruana Galizia.

Aktar investigaturi
Kelli bżonn nidħol sal-Belt u għaddejt minn quddiem il-qorti. Hemm kien hemm klikek ta’ rġiel miġburin qaqoċċa qaqoċċa, kollha jitkellmu fuq l-istess suġġett, kollha kellhom l-istess agenda. Minn faċċata tiegħi nilmaħ wieħed ħabib tiegħi, ma stajtx ma nieqafx isellimlu u nkellmu. Waqafna qrib ta’ wieħed minn dawn il-gruppi ta’ investigaturi u nista’ ngħidilkom li fi ftit minuti kien solvut il-każ tal-qtil ta’ Daphne.  Mhux għax qagħdna nissemmgħulhom imma din l-investigazzjoni kienet qed issir f’nofs ta’ triq u b’kompetizzoni minn jgħajjat l-aktar. Ma tistax ma tismax, lanqas jekk trid! F’ żewġ minuti sirna nafu kollox dwar il-qtil, min huwa l-moħħ warajh, kemm ilhom jippjanaw l-assalt, kif inħadmet il-bomba, fejn tpoġġiet, kif taħdem il-bomba, għalfejn saret, x’rabta hemm ma’ każi oħrajn.  Min jaf wara li tlaqt minn hemm kemm aktar informazzjoni prezzjuża kienet svelata!

Dan huwa każ wieħed, imma ninsab ċert li ħaġa bħal din seħħet f’kull pjazza ta’ Malta, f’kull stage tal-linja, f’kull ħanut tal-merċa, il-ftit li għad fadal, fuq kull zuntier! Kemm investigaturi! Meta nisma’ diskursati bħal dawn nibda’ ngħid bejni u bejn ruħi, allura x’ġew jagħmlu l-membri tal-FBI f’Malta? Għandna daqstant għorrief, kellhom joqgħodu jintefqu daqstant flus għal investigaturi barranin?

F’kull qasam
Il-każ tal-assassinju tal-ġurnalista u blogger Daphne Caruana Galizia huwa kbir ħafna; mhux każ ta’ livell nazzjonali imma wieħed li nxtered lil hinn mix-xtut ta’ pajjiżna. Għalhekk kien hemm ħtieġa ta’ esperti barranin. Iżda mhux f’dan il-każ biss jinġabru l-kumitati quddiem il-qorti u fil-pjazez Maltin biex janalizaw is-sitwazzjoni u jsolvu l-każi.

Jaħasra, ejjew ma niġbdux konklużjonijiet, ejjew ma nkunux esperti ta’ fuq il-bankina. Ghandna dritt ikollna opinjoni, għandna dritt nitkellmu bejnietna, imma li nitfgħu argument li jkun biss ipotesi u rridu nagħmluh bħala fatt huwa żball. Għax jien għandi ipotesi u inti għandek oħra, liema minnhom hija t-tajba?  Jien ngħid abjad u inti tgħid iswed, issa għandu mnejn il-verità tkun ta’ lewn ieħor għax ma jeżistux biss l-abjad u l-iswed. Ejjew ma nilgħabuhiex tad-detectives, ejjew ma nkunux aħna wkoll tal-FBI.

Ejjew nuru l-fehma tagħna imma nħallu lil min hu espert jasal għall-ġudizzju u għall-verità kollha!


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon - 4 ta' Novembru 2017