venerdì 26 gennaio 2018

Żiemel

Kont għadni mindud fis-sodda xħin smajt it-tektik tan-nagħal ta’ żiemel li kien għaddej mit-triq taħt it-tieqa ta’ kamarti. Kieku kont għadni Ħal Qormi ma kontx noħodha bi kbira. Kieku kont il-Marsa inqas u inqas, imma Tal-Pietà mhux daqstant komuni. Naf li hemm daqsxejn ta’ qatgħa mhux wisq bogħod minna, fejn jinżamm żiemel. Kien l-ewwel lejl tiegħi f’Tal-Pieta u għalhekk skantajt. Illum ngħid li drajtu dan il-ħoss għax spiss sid iż-żiemel jgħaddieh minn quddiemna, imma dalgħodu t-tektik tiegħu ġabli ħsieb ġo moħħi li nixtieq naqsmu magħkom. Min jaf kif kienet tkun id-dinja kieku ma jeżistux żwiemel. Mhux qed ngħid kienu jieżistu imma biż-żmien inqerdu bħal ngħidu aħna d-dinosawri, imma kieku qatt ma eżistew!

Għax-xogħol u għall-gwerra
Alessandru l-kbir jimmansa liż-żiemel tiegħu
Ma mmorrux wisq lura fiż-żmien, ma naħsbux fi żmien id-dinosawri imma biżżejjed immorru ftit eluf ta’ snin ilu. Iż-żiemel dejjem kien ta’ għajnuna lill-bniedem. Biex ngħidu s-sewwa ż-żiemel beda jiġi ddomestikat u użat mill-bniedem madwar sitt elef sena ilu u f’elf sena sab postu sewwa fil-ħajja tagħna. Dan għen sewwa biex tnaqqset it-tbatija. Ħafna mill-ġarr beda jsir mill-bhima u mhux aktar mill-bniedem. Iż-żiemel kellu sehem kbir ukoll fl-armati. Is-suldati bdew jitħarrġu sabiex il-battalji u l-gwerer jissieltuhom minn fuq dahar iż-żiemel u mhux aktar fuq saqajhom. Iż-żiemel kellu sehem fil-gwerrer il-kbar li mexxa Alassandu l-Kbir. Iż-żiemel kien importanti għall-gwerer li kellu l-Imperu Ruman. Iż-żiemel konna nsibuh f’kull gwerra jew battalja li saret matul is-snin u baqa’ jintuża sal-ewwel gwerra dinjija li ntemmet sewwasew mitt sena ilu. Matul it-tieni gwerra dinjija intużaw ukoll iż-żwiemel imma aktar bħala mezz ta’ ġarr ta’ materjal milli għal fuq il-front.

Iż-żiemel għen lill-bniedem iwettaq dak li waħdu kien aktarx impossibbli jwettaq. Ħalli nagħti eżempju wieħed. Naħseb li lkoll kemm aħna xi darba rajna jew żorna il-pjazza tal-Vatikan, pjazza San Pietru. Fin-nofs tal-pjazza hemm obelisk għoli aktar minn 25 metru. Dan ma kienx dejjem wieqaf hemmhekk imma meta nġieb mill-Eġittu kien jinstab ftit mijiet ta’ metru bogħod mill-post li narawh fih illum. Dan tpoġġa fil-post tal-lum fl-1586 u biex tniżżel mill-post l-antik, inġarr u twaqqaf fil-post il-ġdid intużaw mijiet ta’ żmiemel. Min jaf kemm-il żiemel intuża biex inġarr il-ġebel li bih inbniet il-Bażilika maestuża tal-Vatikan u l-kolonnat li hemm idawwar il-pjazza li qed insemmu. Min jaf?

Sport
Iż-żiemel huwa wkoll popolari fl-isports. It-tlielaq taż-żwiemel għadhom popolari ħafna anke f’pajjiżna. Billi Mata kienet kolonja Brittanika, l-Ingliżi għenuna nkabbru l-imħabba li għandna lejn il-bhejjem. Sewwasew mija u ħamsin sena ilu, fl-1868 saret l-ewwel korsa għaż-żwiemel f’Malta. Sa meta kont għadni żgħir jien, dik il-parti tal-korsa kulħadd kien jafna bħala “L-Marsa tal-Ingliżi”.  Aktar tard il-korsa tkabbret u kienet organizzata sewwa biex għal dabra oħra reġgħet iċċekknet biex illum għandna l-korsa li għandna ġewwa l-Marsa.

Fil-Marsa wkoll għadna naraw sport ekwestu ieħor, il-Polo. Ta’ tifel żgħir kont immur man-nannu Bastjan u dejjem kont nara għadd kbir ta’ nies jilgħabu l-Polo. Ngħid id-dritt qatt ma stajt nifhem ir-regoli tal-logħba imma kont nieħu gost narah. Illum jekk ninzerta għaddej minn qrib il-Marsa u nilmaħ lil min jilgħab din il-logħba tinbet fija ċerta nostalġija.

Qaddisin u mhumiex
Iż-żiemel insibuh ukoll marbut ma’ xi qaddisin. Forsi l-aktar popolari huwa San Ġorġ. San Ġorġ bla żiemel narawh imma fl-ikonografija huwa aktar popolari biż-żiemel taħtu. Qaddis ieħor li spiss insibuh biż-żiemel taħtu huwa San Martin. Lil san Pawl ukoll ġieli nsibuh b’żiemel taħtu jew aħjar qiegħed jaqa’ minn fuqu. Dan juri l-qaddis fi triqtu lejn Damasku.

Il-monument ta' Garibaldi ġewwal-Gianicolo Ruma
Hawn Malta m’aħniex imdorrijin b’monumenti ta’ nies fuq iż-żiemel iżda barra minn pajjiżna naraw għadd bla qies minn dawn. Momument dejjem ifakkar xi persuna prominenti, importanti, kbira, li għamlet isem u unur. Bosta minn dawn il-monumenti juru lil xi ġwerrier, ġeneral jew kmandant t a’ xi armata. Jingħad li meta ż-żiemel ta’ taħt dawn il-persuni jkun jidher bl-erba’ saqajn mal-art ikun ifisser li dak il-bniedem li jidher fuqu jkun miet mewta naturali, meta ż-żiemel ikollu xi sieq jew tnejn ma tmissx mal-art ikun ifisser li miet waqt it-taqbid. Toqgħodux fuqi dwar din it-teorija, smajtha aktar minn darba imma mhux bil-fors li hija teorija tajba.

Illum iż-żiemel ma għadux jintuża wisq għax-xogħol u lanqas għadu jintuża għall-gwerer. Illum dan l-annimal jinżamm biss għad-delizju.

B’dawn il-ħsibijiet kollha bla ma rrid ngħid li kieku ż-żiemel ma kienx jeżisti fid-dinja, illum għandna mnejn għandna dinja differenti, għandna anqas monumenti, għandna inqas x’naraw.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 27 ta' Jannar 2018



venerdì 19 gennaio 2018

San Ġwann il-Belt

Żgur li jekk xi ħadd jistaqsi fejn hija l-knisja ta’ San Ġwann ġewwa l-Belt Valletta kulħadd jaf jagħti tweġiba tajba. Bil-fors! Illum bosta mill-attivitajiet reliġjużi ta’ ċerta importanza jew ta’ livell nazzjonali kollha jsiru f’din il-knisja li sservi wkoll ta’ Kon-Katidral tad-djoċesi ta’ Malta. Jekk turist jiġi Malta u ma jmurx iżur dan il-post ikun tilef opportunità tad-deheb li jara dik li xi wħud iqisuha bħala l-isbaħ knisja fid-dinja. Jien ma rridx ngħid li din hija l-isbaħ knisja fid-dinja, għalkemm jekk mhux l-isbaħ, tinsab il fuq fil-lista tal-knejjes sbieħ, imma nemmen li l-art tagħha hija l-isbaħ tad-dinja. Idea tiegħi, forsi nsib min ma jaqbilx miegħi. Ejjew naraw xi ftit tagħrif dwar dan il-ġojjell ta’ arkitetttura u arti li nsibu fil-qalba tal-belt kapitali tagħna.

Għan
Dak li llum iservi bħala Kon-katidral ma nbeniex għal dan il-għan. L-għan ta’ din il-knisja kien bħala waħda li  fiha jsiru l-attivitajiet reliġjużi għall-kavallieri kollha tal-Ordni ta’ San Ġwann. Kull ilsien tal-Ordni kellha l-berġa tagħha fil-Belt Valletta u mal-bereġ insibu l-knejjes tagħhom; bħal ngħidu aħna Santa Caterina d’Italia ma’ Auberge d’Italie jew Il-Madonna tal-Pilar ma’ Auberge d’Aragon. San Ġwann kien iservi lill-Ordni kollu. L-isem li bih kienet tissejjaħ din il-knisja kien Chiesa Convnetuale di San Giovanni Battista.

Il-bini ta’ din il-knisja maestuża kien ikkummissjonat mill-Gran Mastru Franċiż Jean de la Cassière fl-1572. Meta wieħed jiftakar li l-Assedju l-Kbir seħħ fil-1565 u l-bini tal-Belt Valletta beda fis-sena ta’ wara, dlonk jintebaħ bl-importanza li l-Ordni kien ta lil din il-knisja. Ma ninsewx lanqas li l-Ordni kien fuq kollox Ordni reliġjuż. Ma setax jonqos li din il-knisja titpoġġa taħt il-patroċinju tal-qaddis li l-Ordni kien ukoll iġib ismu, San Ġwann Battista.

Barranin imma mhux biss
Ġilormu Cassar
Illum meta nduru l-Kon-kattidral ta’ San Ġwann naraw bosta bċejjeċ tal-arti ta’ artisti magħrufin madwar id-dinja. Forsi l-aktar magħruf huwa l-kwadru ta’ qtugħ ir-ras ta’ San Ġwann, xogħol ta’ Michelangelo Merisi da Caravaggio. Xejn anqas magħruf huwa l-bosta xogħol artistiku li ħalla f’din il-knisja il-pittur Mattia Preti.

Iżda l-Ordni ta’ San Ġwann ħalla f’idejn arkitett Malti biex iħażżeż il-pjanta ta’ din il-knisja hekk importanti. Kien Ġilormu Cassar li fassal dan il-kopolavur. Hawn naraw il-ħila tal-Malti. Hawn naraw li missirijietna kienu nies kapaċi daqsna, jew forsi aktar minna wkoll. Hawn naraw li minkejja li l-Kavallieri kienu jaħkmuna, kienu wkoll japprezzaw jekk xi iben din il-gżira ċkejkna jkun kapaċi f’xi qasam u kienu wkoll jafdawlu xi xogħol. Nafu li Cassar beda jaħdem fuq il-bini tal-Belt Valletta bħala assistent tal-Arkitett Lapparelli imma spiċċa biex ħa x-xogħol kollu f’idu.

Il-Caravaggio
Kull min iżur il-Kon-katidral ta’ San Ġwann ikun jonqos jekk ma jżurx il-kwadru ta’ Qtugħ ir-ras ta’ San Ġwann. Min hu dilettant tal-arti jiġi min-naħa l-oħra tad-dinja biex jara dan il-kwadru maestuż. Fil-Kon-katidral dan il-kwadru għandu lil ħuh, il-pittura ta’ San Ġilormu. Dan il-kwadru għandu storja kbira. Ħafna minna niftakru meta nsteraq. Nafu l-istorja tiegħu, li kien ħareġ minn Malta u reġa’ lura. Dwar dan il-kwadri kellimni bosta drabi Patri Marius Zerafa OP li fi żmien is-sejba tiegħu kien il-kuratur tal-mużewijiet. Tiskanta kemm tertieq il-qalb, kemm inkwiet u kemm biżgħat. Saħansitra Patri Zerafa kien qed jissogra ħajtu biex din l-opra tal-arti, opra li l-ebda prezz ma jista’ jingħatalha, ma tispiċċax mitliufa għal dejjem imma terġa’ lura f’ postha biex titgawda minn kulħadd. Bl-għajuna ta’ Alla l-istorja spiċċat b’wiċċ il-ġid u l-kwadru tal-Caravaggio llum reġa’ sab postu fil-Kon-Katidral.

Arti, arti u arti
Mhux faċli li fi ftit kliem issemmi dak kollu li wieħed jista’ jsib f’dan il-Kon-katidral. Semmejt xi kwadri jew pittura aktar il fuq, imma San Ġwann ma fihx biss pittura, fih skultura fil-ġebel u fl-irħam, fih induratura, fih interzjar, fih xogħol ta’ njam, xogħol fil-fidda u bronż, insomma fih dak kollu li wieħed jista’ jimmaġina. San Ġwann tal-Belt huwa ġawhra tal-arti.

Kurżità
Forsi mhux kulħadd jaf li din il-knisja ma hijiex proprjetà tad-Djoċesi bħall-knejjes kważi kollha l-oħra li nsibu f’Malta. Dan il-Kon-katidral huwa tal-gvern Malti. Ġara li meta Napuljun ħa f’ idejh il-gżejjer Maltin, dak kollu li kien jappartjeni lill-Ordni ta’ San Ġwann għadda f’idejn il-gvern il-ġdid. Fost bosta bini ieħor kien hemm din il-knisja u għalhekk baqgħet sal-lum propjetà tal-gvern imma amministrata mill-Knisja.

Kemm hemm x’wieħed iżid ma’ dan il-ftit li ktibt jien. San Ġwann huwa minjiera ta’ arti li tajjeb wieħed iżuru u jammirah. Issa li l-belt kapitali ta’ pajjiżna hija wkoll kapitali Ewropea tal-kultura, tajjeb li nkunu nafu x’għandna fiha.


Fr Reno  Muscat


Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 20 ta' Jannar 2018




venerdì 12 gennaio 2018

Mazzun

Il-kelma “Mazzun” għalina l-Maltin għandha żewġ tifsiriet; mazzun hija ħuta li jingħad li tiekol kull ma ssib. Jien miniex dilettant tas-sajd u lanqas nifhem fil-ħut. Dan nippreferih fil-platt quddiemi. Il-Kelma mazzun nużawha wkoll għal xi persuna li tibla’ dak kollu li jgħidulha u forsi bla ma taħseb tħalli lilha nnifisha tiġi influwenzata minn ħaddieħor li għandu mnejn ikollu skopijiet moħbija.

Nemmnu kollox
Dan l-aħħar rajt post fuq Facebook li veru wriet biċ-ċar kemm hawn min iħalli moħħu f’idejn ħaddieħor. Dan il-post kien juri li fis-sena 2018 l-ewwel ta’ Jannar se jkun il-Ħadd, it-2 ta’ Frar il-Ħadd ukoll, it-3 ta’ Marzu l-Ħadd u baqa’ sejjer hekk għat-tnax-il xahar kollha. Ma tridx tkun mort l-università biex tinduna li dan ma huwa veru xejn għax l-ewwel ta’ Jannar ma kienx il-Ħadd iżda t-Tnejn.  Fuq dan il-kalendarju jumejn biss kienu tajbin, Settembru, 9/9/18 u Novembru 11/11/18, l-għaxra l-oħra żbaljati.  Madanakollu kien hemm eluf li għamlu like u bosta mijiet li xerrdu dan il-post żbaljat. Allura aħna l-bnedmin nemmnu kollox? Aħna daqshekk imzazen li dak li jitfgħulna quddiemna nibilgħuh bla ma naħsbu ftit? Allura moħħna qiegħed hemm biex jifred widnejna minn xulxin?

Ma nistenniex li kulħadd jiġih f’moħħu li pereżempju t-2 ta’ Frar jiġi 32 jum wara l-ewwel tas-sena mela qatt ma jista’ jkunu l-istess ġurnata bħall-1 ta’ Jannar, għax ġimgħa fiha sebat ijiem u għalhekk erba’ ġimgħat jammontaw għal 28 jum.

“Għax hekk smajt”
Din l-istorja ma sseħħx biss fuq il-mezzi tal-media soċjali, isseħħ ukoll fil-ħajja reali. Hawn l-affarijiet għandhom mnejn anke jitkabbru. Nagħmlu mod li wieħed ikun ra ħamiema fil-kampnar tal-knisja u jgħid li daħlet tajra ħdejn il-qniepen, għandu mnejn sa ftit ħin wara tkun ġriet il-kelma li fil-kampnar daħlet ajkla. Dan huwa forsi eżempju eseġerat, imma kemm-il darba nisimgħu esegerazzjonijet u jkun hawn min jemminhom? U jekk lil dan il-bniedem tistaqsih kif jaf jgħdilek biss: “Jien hekk smajt!” u allura la sema’ hekk, dak li sema’ għamlu Vanġelu!

L-Arċisqof bil-mobile
Dan l-aħħar ukoll fuq il-mezzi tal-media soċjali beda jdur ritratt tal-Arċisqof Scicluna bil-mobile f’idejh waqt funzjoni reliġjuża. Ma nafx jekk kienx ritratt awtentiku jew inkella wieħed mibni bis-saħħa tat-teknoloġija tal-lum. Jien lanqas qatt ma nniżżilha li l-Arċisqof kien qed jibgħat xi Sms, imma għadnu mnejn kien qed isegwi s-Salmi tal-Għasar. Jien kemm-il darba nsegwi t-talb tal-komunità minn fuq il-mobile. Illum dik hija t-teknoloġija, għaliex għandna nibżgħu minnha? Meta kont f’kunvent Tas-Sliema dejjem bl-Ismartphone kont insegwi t-talb tal-komunità. Ħaż-Żebbuġ ħafna kienu jarawni filgħodu nippassiġġa fuq iz-zuntier bil-mobile f’idi. Għall-ewwel ma ndunawx imma biż-żmien ħafna ntebħu li kont inkun qed ngħid it-Tifħir ta’ Sbieħ il-Jum. Nippreferi l-mobile mill-brevjar għax eħfef u s-sit eletroniku li jagħtik dan it-talb huwa inqas ikkomplikat mill-brevjar.

Niftakar meta kont Bologna fil-quddiesa ta’ filgħodu kienu jinżlu bosta patrijiet jikkonċelebraw, dawn kienu jitqassmulhom fuljetti għat-Talba Ewkaristika, imma wieħed minnhom kien jinżel bit-tablet u jsegwi kollox minn fuqu. Għall-ewwel rajnieha stramba iżda ma domniex ma drajna wkoll. Għandu mnejn kien hemm min jaħseb li dak kien ikun qed jilgħab bit-tablet waqt il-quddiesa. Jeżistu mazzuni li emmnu li l-Arċisqof bagħat Sms jew kien qed jilgħab bil-mobile waqt il-quddiesa, jew li jien kont inkun aljenat bil-logħob fuq iz-zuntier jew li l-patri ta’ Bologna kien jieħu t-tablet miegħu waqt il-quddiesa biex jagħmel xi ħaġa differenti. Kieku jaħasra jindagaw naqra ma jibqgħux imzazen!

Kulħadd sar għaref
Meta fis-snin disgħin infetħu għadd ta’ stazzjonijiet tar-radju, Malta rat qabża ’l quddiem fil-libertà imma rat ukoll ġirja lura fil-livell ta’ xandir. Bdew isiru għadd ta’ programmi b’telefonati mis-semmiegħa u f’daqqa waħda kulħadd sar għaref. Il-pluralizmu televiżiv kompla wkoll jesponi lill-mazzuni għal aktar għalf! Wieħed irid joqgħod attent x’jemmen u x’ma jemminx. Illum kulħadd jista’ jgħid li jrid imma dan ma jfissirx li kulħadd jgħid is-sewwa.

Il-bniedem jitwieled Tabula Rasa, moħħ vojt, paġna bajda, nadifa, pjazza vojta. Ftit ftit jibda jitgħallem u jimla din il-paġna vojta. Sfortunatament hawn min iħalli lill-ħaddieħor jimla din il-paġna li hija tiegħu biss, iħalli li moħħu jidderiġih ħaddieħor. Min jagħmel hekk tassew ikun jistħoqqlu t-titlu ta’ Mazzun.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon -  13 ta' Jannar 2018



venerdì 5 gennaio 2018

Riflessjoni fuq il-muntanji

L'immagine può contenere: cielo, nuvola, albero, montagna, spazio all'aperto e natura
Dan l-aħħar kont qiegħed l-Italja u x-xogħol ħadni għand ħabib antik tiegħi li huwa kappillan f'raħal mitluf fuq il-muntanji. Minkejja li mort kemm-il darba f'dan ir-raħal, din id-darba irriflettejt fuq ċerti ħwejjeġ li qabel forsi ma kontx tajt kashom. Tiskanta kif f'dik il-kesha, f'dik l-arja nadifa u nieqsa mill-ħafna dħaħen tal-ibliet, il-moħħ donnu jaħdem differenti u jibda jirrifletti fuq dak li f'postijiet oħra ma jkollux ħin jirrifletti fuqhom.

Rispett 
 Ir-rispett lejn is-saċerdot f'dan ir-raħal huwa xi ħaġa li mhux faċli tfisser. Don Paolo, il-kappillan huwa l-uniku saċerdot hemmhekk. Biex ngħid id-dritt hemm ukoll Don Vincenzo, li kien kappillan qabel, imma dan jinstab f'qiegħ ta' sodda u għalhekk ma jistax jagħti servizz. 

Kif digà għidt, f'dan ir-raħal mort bosta drabi, allura tista' tgħid li n-nies kollha jafuni. Taħsbux li hemm għexieren ta' eluf ta' nies joqgħodu hemm. Bix-xorti jekk in-numru jlaħħaq l-elf u ħames mija. 

Hekk kif wasalt beda t-tislim, il-bews u t-tgħanniq. Minkejja li issa lili jafuni, xorta waħda jindirizzawni bil-Voi. Fit-Taljan hemm il-forma pulita kif tindirizza bniedem bl-akbar rispett, ma tgħidlux Tu imma tgħidu Lei. Fl-Italja meridjonali minflok il-Lei jużaw il-Voi.

Nistħajjlkom tgħidu li din hija ħaġa zgħira, imma meta tkun taf lin-nies, kemm-il darba tkun mort id-dar tagħhom għall-ikel, ikunu fuq il-lista tal-ħbieb tiegħek fuq facebook u xorta jindirizzawk bil-Voi ma tistax ma tindunax b'liema rispett ikunu qed jindirizzawk.

Il-ħajja ta' kuljum
F'dan ir-raħal ftit li xejn hemm attività. Hemm xi tliet barijiet fejn irgiel jinġabru jilgħabu l-karti u jixorbu l-kafè. Hemm xi żewħ ħwienet tal-merċa, taż-żebgħa u xi ħwienet tal-ħwejjeg. Hemm ħanut tal-ħwejjeg tat-tfal li sidu għandha kelb tar-razza Maltija. Kull meta mmur f'dan ir-raħal dejjem nittawwal lil sid il-ħanut u lill-prinċep Malti. Qed ngħid "prinċep" għax veramment miżmum sewwa.

Ħafna mill-attivitajiet li jsiru fir-raħal isiru mill-parroċċa. Il-grupp tal-iscouts kien imwaqqaf mill-kappillan, is-sistema tas-social street fuq il-mezzi soċjali tal-media kienet introdotta mill-parroċċa, il-kompetizzjoni tal-isbaħ presepju fid-dar tagħmilha l-parroċċa u l-presepju ħaj li sar fil-jiem li kont hemmhekk jien huwa kollu frott il-ħidma ta' dawk li jgħinu fil-parroċċa. F'kelma wahda il-knisja għandha rwol importanti fir-raħal. Dan ma jfissirx li ma hemmx min huwa antiklerikali, ma jfissirx li kulħadd iħobbu lil Don Paolo. Fid-dinja dejjem hekk, tagħmel kif tagħmel taqlagħha. Hawn jiġi f'moħħi l-kliem tal-Arċisqof Scicluna: "Fid-dinja ssib min iċapċaplek u ssib min iċapċapulek!" 

Don Paolo ma jħabbilx wisq rasu, jibqa' sejjer bla ma jagħti każ min jipprova jagħmel il-bsaten fir-roti. Jaf li jekk jieqaf ir-rota tieqaf imma jekk jibqa' sejjer ir-rota taqsam il-bsaten.

Quddies
L'immagine può contenere: cielo, abitazione e spazio all'apertoF'dan ir-raħal hemm il-parroċċa, iddedikata lil Santa Marija imma kulħadd jgħidlek li huwa s-santwarju ta' Sant' Antnin ta' Padova. Hemm il-knisja ta' San Ġwanni li minn barra taħsbiha kappella tal-Madonna ta' Pompei għax fuq il-bieb waħdieni tagħha hemm pittura sabiha tal-Madonna taħt dan it-titlu. Hemm ukoll il-knisja ta' dak li darba kien il-monasteru ta' San Feliċ. Illum il-monasteru sar l-uffiċini tal-kunsill lokali tal-post imma l-knisja għadha knisja. 

Kif qed tindunaw il-knejjes ma jonqsux imma saċrdoti ma hemmx għajr Don Paolo. Allura ssir quddiesa waħda kuljum, fil-parroċċa. Din issir filgħaxija. Nhar ta' Ħadd isiru żewħ quddisiet filgħodu. 

Din il-ħaġa ġegħlitni nirrifletti ftit fuq is-sitwazzjoni f'pajjizna. M'ilux kont qed nipprietka Birkirkara u rajt karta bil-ħijiniet tal-quddies li jsir f'dan ir-raħal. Mingħajr il-parroċċa ta' Fleur de Lys għaddejt ħamsa u erbgħin quddiesa fil-jum tal-Ħadd. Bla ma trid tgħid: "x'diffenza!" 

Forsi aħna għadna xi ftit imfissdin. Ftit mijiet ta' kilometri bogħod minnha hemm realtajiet differenti ħafna minn tagħna. F'pajjiżna jinqala' ħafna paroli jekk kappillan ikollu jnaqqas quddiesa minħabba n-nuqqas ta' saċerdoti. 

Ikel
L'immagine può contenere: cibo
Billi fil-jiem li kont f'dan ir-raħal it-temperatura niżlet sewwa, bla ma trid tiekol iżjed għax jaqbdek ħafna ġuħ. Hawn l-ikel huwa xi ħaġa tal-ġenn. Billi bosta raħħala għandhom ir-raba' u l-bhejjem, jieklu ikel naturali, bla ħafna preservattivi u żidiet. Irkotta friska taħsibha krema, ġobon tal-ħalib tan-nagħag, mozzarella, perżut u salamijiet differenti magħmulin fid-dar għax hemmhekk il-mara tiddedika ruha għall-familja mhux għall-karriera. U biex ngħidu d-dritt bilkemm hemm xogħol għall-irgiel aħseb u ara għan-nisa! 

Kemm hu differenti l-ikel tal-irħula minn dak tal-ibliet il-kbar. 

U xi ngħidu għall-inbid? Hawn bosta jagħmlu l-inbid huma. Anke dak tal-quddiesa jsir minn raħħal mill-post. Hawn l-hena tagħhom idewquk l-inbid li jagħmlu huma. Trid toqgħod attent għax għandu ħabta jkun traditur dan l-inbid; tajjeb imma malajr jitla' fir-ras. Wieħed raħħal qalli li hu jippreferi tazza nbid tajba minn tiegħu milli flixkun sħiħ mixtri mill-ħanut. Ma domtx ma ntbaħt li għandu raġun u ndunajt ukoll li dan it-tali b'tazza nbid waħda ma jixbax.

Kemm ħsibijiet ġew ġewwa moħħi f'dawk il-ftit ġranet li kont fuq il-muntanji qrib Avelllino, sitt mija jew seba' mitt metru 'l fuq mil-livell tal-baħar. Forsi l-kesħa gegħlitni nirrifletti? Forsi l-arja? Jew forsi n-nies? 


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon -  6 ta' Jannar 2018