venerdì 26 aprile 2019

Kemm se jittanta!



Niftakar lill-bużnanna tiegħi meta kien jiġiha xi ħaġa ħażina kienet twaħħal f’dak li kienet issejjaħlu “Ta’ denbu twil”, kienet tgħid li se jittanta ta’ denbu twil. Kienet tkun qed tirreferi għax-xitan. Issa minn fejn ġabitha li x-xitan għandu denbu twil ma nafx, imma hekk kienet tgħid. Naħseb li bħala keinu jgħid kulħadd għax kulħadd kien jifehm għal min ikun qed jirreferi dak li jkun meta jgħdi “ta’ denbu twil”.

Tentazzjoni
It-tentazzjoni insibuha f’ħajjitna, insibuha f’kull ma nagħmlu. Biżżejjed ikollok bżonn tissikka skorfina ma’ vit u ma tkunx tista’, taqa’ l-iskorfina, tiġborha, imbagħad jaqa’ l-vit u mill-ġdid l-iskoprfina terġa’ ssib ruħha fl-art. Mill-ewwel tgħid li ser jittanta. Biżżejjed ninsew warajna xi ħaġa importanti u jkollna ndduru lura għaliha li ma taraniex ngħidu kemm qed jittantana. Fil-ħajja, hi liema hi, xi darba jew oħra se nsibu x’jittantana.

Imbagħad hemm tentazzjonijiet akbar. Biżżejjed tqum filgħodu u l-mara jew ir-raġel ma tgħidlekx jew ma jgħidlekx bongu bħas-soltu. Tibda taħseb ħażin u mbagħad tasal għax-xogħol u xi kollega jsellimlek jew issellimlek b’aktar ħlewwa u tibni storja ġo moħħok. Ħafna stejjer koroh jibdew sewwasew minn xi sitwazzjoni simili bħal din li semmejt. It-tentatur f’dawn is-sitwazzjonijiet jaħdem bis-sahra!

Hemm tip ta’ tentazzjoni oħra, ix-xewqa għall-vendetta. Bniedem jagħmillek azzjoni ħażina u jkollok it-tentazzjoni tpattihielu. Moħħok imur eluf ta’ mili bogħod mill-kumplament ta’ ġismek. Tibda taħseb f’vendetta li tkun tixtieq tagħmel lil dak li jkun wettaq dik l-azzjoni lilek. Din hija sitwazzjoni mill-aktar normali għaliex aħna l-bnedmin għandna stint li jwieġeb mill-ewwel għal xi azzjonin li nirċievu, kemm jekk tkun tajba kif ukoll ħażina, jekk nirċievu azzjoni tajba normalment inwieġbu bi mħabba u jekk azzjoni tkun ħażina aktarx dan l-istint jjpproponi it-tpattija. Dawn huma kollha tentazzjonijiet.

Aqta’ kemm nidgħi!
Meta jibda jittantana ħaġa żgħira nitilfu l-irġulija u ma nibqgħux nirraġunaw. Hawn min meta jsib it-tentazzjoni jibda jidgħi. Dan vizzju ta’ bosta Maltin. Mela darba kont f’raħal, bilqegħda fuq bank fil-pjazza, nitkellem ma’ erba’ anzjani. Waqfet karozza u minnha ħarġet mara. Wieħed mill-anzjani qalilha: “Neħħiha minn hemm il-karozza!”  Hi dlonk weġbitu li ma kinitx ser iddum, kemm tixtri pakkett sigaretti mill-każin. L-anzjan kompla jgħidilha li jekk iddur karozza oħra għandha mnejn tidħol fiha għax billi kien hemm van ipparkjat ħdejha, dak li jkun ġej ma jindunax biha u jidħol fiha. Hi dlonk wieġbet lix-xiħ: “Ill kemm nidgħi jekk jolqtuni!” Ħarset lejja għax kienet taf li jien saċerdot biex bħal tara x’reazzjoni se nagħmel. Jien kalm kalm għidtilha: “Iva sewwa tagħmel, tissewwielek id-daqqa u anke ż-żebgħa jekk tidgħi!” ma wieġbet xejn, marret tixtri s-sigaretti u telqet bla kliem u bla sliem.

Ħabib tiegħi kien qed jgħaddi kanna tal-ilma mal-ħajt. F’Awwissu, liebes qalziet tat-track suit, għarqan xraba. Ix-xogħol beda jittanta. Mort sa ħdejh u qalli: “Father kieku m’hawnx int taf kemm nidgħi?” jien għdiltu: “Jekk tidgħi teħel waħidha l-kanna? Jekk iva ħa nitalq il barra u mbagħad ejja qerr!” beda jidħaq u fehem x’ridt ngħidlu. Kollu ta’ xejn tidgħi meta jittanta, ma ssewwi xejn.

Fit-triq
Waħda mill-akbar problemi li sar għandna f’pajjiżna hija dik tat-traffiku. Id f’id ma’ din il-problema hemm dik tal-parkeġġjar. Toroq mimlijin karozzi, kemm mexjin kif ukoll ipparkjati. Biex il-problema tal-parkeġġar tkompli tikber, illum kważi kull dar għandha garage magħha u għalhekk minbarra li żdiedu l-karozzi naqsu l-postijiet fejn dawn jistgħu jipparkjaw. Bosta drabi fit-triq waqt li nkunu qed insuqu jiġuna bosta tentazzjonijiet. Tenetazzjoni li tikser il-liġi, tgħaddi minn triq li mhux suppost tgħaddi minnha, taqbes il-karozzi ta’ quddiemek billi ssuq man-naħa l-oħra tat-triq u meta niġu biex nipparkjaw u ma nsibux fejn tiġina t-tentazzjoni nħallu l-karozza quddiem il-bieb ta’ xi garage. Ikollna nammettu li s-sitwazzjoni fit-toroq Maltin f’xi ħinijiet qed tkun waħda ta’ frustrazzjoni. La qed insemmu t-toroq sewwa nsemmu s-sewqan. Bl-ammont kbir ta’ vetturi fit-toroq tagħna saret ħaġa faċli li jkun hemm xi kontravenzjoni. Miskin min ikun miexi sew u jeħel bla ħtija. Spiss naraw sewwieqa jargumentaw. U ħa ngħiduha kif inhi, spiss tiġik it-tentazzoni tiksirha ma’ xi ħadd waqt li tkun qed issuq. Din tentazzjoni oħra, waħda mill-ħafna li jiġuna wqt li nkunu fuq l-isteering.

Il-ħajja fiha bosta tentazzjonijiet imma billi wieħed jirrabja jew jidgħi jew ikollu xi jgħid ma’ xi persuna oħra ma jirranġa xejn. Meta nsibu ruħna f’qagħda bħal din tajjeb ngħidu kif kienet tgħid il-bużnanna tiegħi: “kemm se jittanta ta’ denbu twil!” u nippruvaw nikkalmaw.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 27 ta' April 2019

venerdì 19 aprile 2019

Is-Sinjal tas-Sultan


Il-jum tal-lum, Sibt il-Għid huwa jum differenti minn jiem oħra għal dawk li jħaddnu t-twemmin Nisrani. Ninsabu f’jum fejn għadna mnikktin u mħawdin bil-mewt u d-difna ta’ Kristu li seħħet ilbieraħ u fl-istess waqt ninsabu fuq ix-xwiek nistennew il-qawmien tiegħu. Dan huwa Sibt il-Għid, il-jum fuq l-għatba ta’ Ħadd ir-rebħa fuq il-mewt.

Imma jekk noqgħodu naħsbu ftit nindunaw li ma jistax ikollna Ħadd mingħajr il-Ġimgħa, ma jistax ikollha qawmien mingħajr mewt. Għalhekk is-Salib huwa l-arma tagħna li niftaħru biha għax minkejja li ġab il-mewt imma kien ukoll il-bidu tar-rebħa fuq il-mewt. Għalhekk is-Salib huwa s-sinjal tan-Nisrani, għalhekk is-salib huwa s-Sinjal tas-Sultan.

Vexilla Regis
Nistħajjel li jkun hawn min jistaqsi xi jfisser il-kliem “ Vexilla Regis” u min jagħmel hekk ikollu raġun. Dan il-kliem bil-Latin huwa l-isem ta’ innu antik ħafna li jitkanta fil-jiem li għadna kemm għaddejna. Dan huwa innu twil li l-kliem oriġinali tiegħu kien kitbu San Veneratu Fortunatu Isqof ta’ Pointiers fi Franza. Bħal ħafna innijiet reliġjużi oħra, dan l-innu ħa l-isem mill-ewwel kelmiet tiegħu, fil-fatt l-ewwel vers tal-innu huwa: Vexilla regis prodeunt. Il-kelma Vexilla nistgħu ngħidu li tfisser standart, dik il-bandiera li tinġarr minn armata, banda jew xi għaqda oħra biex turi min hi. Regis hija l-ġenitiv ta’ rex, mela tisser xi ħaġa tas-sultan. Mela vexilla regis nistgħu ngħidu li hija l-istandard jew il-bandiera tas-sultan. Kull sultan ikollu bandiera jew standard bl-arma tiegħu. Anke l-president ta’ Malta għandu l-bandiera tiegħu li hija differenti minn dik ta’ Malta. Kull entità għandha l-arma, l-bandiera jew l-istandart tagħha. L-arma jew l-istandard ta’ Kristu huwa s-salib, mela dan l-innu jirreferi għas-salib bħala l-bandiera li jġorr Kristu.

L-innu li qed insemmu kien tkanta l-ewwel darba nhar id-19 ta’ Novembru tas-sena 569 meta r-relikwa tas-Salib Imqaddes li l-Imperatur Biżantin Ġustinu II kien bagħat mil-Lvant wara talba ta’ Santa Radegunda, ittieħdet bl-akbar devozzjoni mill-belt ta’ Tour għall-monasteru tas-Salib Imqaddes fejn kienet toqgħod din is-soru ġewwa Pointiers fejn San Veneratu Fortunatu kien isqof. Kien proprju għalhekk li dan l-isqof kiteb dan l-innu tant sabiħ. Matul is-snin bosta kompożituri famużi kkomponew mużika għal dan l-innu, fosthom Gounod u Liszt. Dan kien maqlub għall-Malti wkoll u jġib l-isem Is-Sinjal tas-Sultan u ġie mmużikat mis-Surmast Joseph Abela Scolaro. Min ġieli sema’ dan l-innu jindaqq fuq il-mużika ta’ Abela Scolaro jgħidlek li huwa kapolavur.

Illum dan l-innu għadnu postu bħala l-innu tal-Vespri tal-Ġimgħa Mqaddsa kif ukoll fil-Festa tal-Eżaltazzjoni tas-Salib li qabel kienet fit-3 ta’ Mejju u llum saret tkun iċċelebrata fl-14 ta’ Settembru, dik li bosta jafuha bħala Santu Kruċ, li ma tifsser xejn għajr is-Salib Imqaddes.

Jagħti fastidju
Minn żmien għal żmien jinqala’ l-argument li għandna nneħħu s-sinjal tas-salib minn postijiet pubbliċi biex ma noffendux lil min ma jemminx fi Kristu. Dan huwa argument bla bażi u bla pedamenti u min jgħid hekk ma jkunx jaf x’qed jgħid jew is-salib ikun idejjaq lilu stess. Jien għamilt snin twal naħdem ma’ persuni Musulmani u fl-uffiċċju dejjem kien hemm kurċifiss. Qatt ħadd mill-kollegi tiegħi ma ħassu offiż jew urtat għax kien hemm dan is-sinjal tan-Nisrani. Jien mill-banda l-oħra qatt ma ħassejtni offiż meta kien isir il-ħin u l-kollegi kienu jifirxu fl-art tapit u jibdew jitolbu. Għalfejn għandi nħossni offiż? Inħossni offiż meta nara bniedem jitlob? Noffendi ruħi għax bniedem ikollu simboli tal-fidi li jkun iħaddan? Meta kont l-Indja rajt ħafna statwi ta’ allat tal-Ħindu. Allura kelli nieħu fastidju? Lanqas xejn, anzi apprezzajt li dawn huma nies li jemmnu u li juru l-fidi tagħhom permezz ta’ xbihat, bħalma l-Insara juru li jħaddnu t-twemmin li jħaddnu permezz tal-kurċifiss. Mela ejjew naqtgħuha darba għal dejjem din il-kantaliena u nifhmuha darba għal dejjem li s-salib mhux veru jagħti fastidju lil min ma jemminx fih.

Immorru fl-estrem
Is-salib anke fil-ħajja ta’ min ma jemminx fi Kristu jidħol b’mod indirett. Fejn żewġ toroq jaqsmu fuq xulxin kulħadd jgħidilhom : salib it-toroq, cross roads, incrocio jew cruce de carreteras. Qed taraw kif b’xi mod is-salib daħal kemm fil-Malti, fl-Ingliż, fit-Taljan kif ukoll fl-Ispanjol ? U nemmen li f’kull lingwa oħra għax il-forma hija ta’ salib temmen jew ma temminx! Ħaġa oħra li forsi jafuha aktar in-nisa milli aħna l-irġiel. X’jissejjaħ dak ix-xogħol maħdum bl-idejn qisu rakkmu fuq il-kanvas? Bil-Malti ma naħsibx li għandna isem imma bl-Ingliż cross stitch jgħidulu u bit-Taljan punto croce! Nibdlulu ismu wkoll biex ma joffendi li ħadd? Ma mmorux fl-estrem.

Is-sinjal tas-Sultan jirreferi għas-Salib, dak li llum, Sibt il-Għid qed nistennew li jsir l-istandart ta’ Kristu rebbieħ fuq il-mewt.

Fr Reno Muscat


Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon - 20 ta' April 2019


sabato 13 aprile 2019

Minn idejn l-artist Malti


Fil-jiem tar-Randan fil-knejjes tagħna nibdew naraw bosta statwi li juru xi xena mill-passjoni tal-Mulej. Tassew li l-għan ewlieni ta’ dawn l-istatwi hija d-devozzjoni, jiġifieri li dik l-istatwa tressqek biex taħseb fuq dak li tirrapreżenta, imma jkolli ngħid li minbarra l-ispiritwalità fil-biċċa l-kbira tal-vari tal-passjoni f’pajjiżna, naraw ukoll l-id artistika u ta’ kapaċità kbira tal-artist li jkun sawwar dik ix-xbieha.

Artisti kbar
Ġuda - Ħal Qormi
Pajjiżna minkejja ċ-ċokon tiegħu jista’ jiftaħar li minnu ħarġu artisti ta’ ħila kbira. Kif nistgħu ma nsemmux lil Melchiore Gafà? Minkejja li ħafna minn ħajtu, għad li kienet qasira ħafna, għaddieha lil hinn minn xtut artna, ħadd ma jista’ jiċħad li huwa Malti bħalna, imwieled ġewwa l-Birgu għall-ħabta tas-sena 1635. Huwa miet ta’ 32 sena meta waqa’ fuqu ammont kbir ta’ tafal waqt li kien qed jaħdem ġewwa Ruma. Min jaf kieku għex fit-tul kemm kien ikollna aktar opri artistiċi tiegħu. U fil-ftit snin li ħadem, għandna kapolavuri kbar minn tiegħu fil-knejjes ta’ Ruma u f’xi oħrajn f’pajjiżna wkoll. Semmejt li Gafà għaliex aktarx li kien l-ewwel artist Malti li kiseb fama barra minn artna.

Jekk Gafà fetaħ il-bieb, dan qatt ma ġie mbarrat u sal-lum pajjiżna għadu jgawdi minn frott artisti lokali li bix-xogħol tagħhom għamlu unur mhux biss għalihom personali imma għall-pajjiż kollu. Kif nistgħu ma nsemmux skulturi Maltin bħal Pietru Felici, Saver Laferla, Xandru Farrugia, Salvu Psaila, Salvu Dimech, Pietru Pawl Azzopardi, Marjanu Gerada, Ċensu Cremona, Karlu Darmanin, Wistin Camilleri u wliedu Alfred u Michael u wlied uliedu Aaron u Adonai, il-mibki Renzo Gauci, Pawlu Aquilna, iż-żgħażugħ Manuel Farrugia u oħrajn? Dawn huma kollha artisti li ħadmu jew għadhom jaħdmu statwi devozzjonali u wkoll artisitċi. Huma kollha Maltin bħalna u għalhekk tajjeb li nkunu kburin bihom.

Tal-Ġimgħa l-Kbira
Mill-artisti li semmejt hawn fuq hemm minnhom li għandhom xi statwa jew aktar fil-purċissjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira li joħorġu minn diversi knejjes tagħna. Biex ngħid kollox hemm minnhom li għandhom xi statwa li turi xena tal-passjoni imma ma tifformax parti minn xi sett u hemm oħrajn li ma għandhomx statwi tal-passjoni għalissa, jalla ’l quddiem ikollhom.

Monument -  Mosta
Semmejt lil Gafà u għalhekk tajjeb ngħidu li ta’ dan l-artist għandna mhux statwa tal-Ġimgħa l-Kbira imma tal-Irxoxt. Dan insibuh fil-knisja tal-Ġiżwiti fil-Belt Valletta. Kien hemm żmien li l-istatwa tal-Irxoxt tal-parroċċa ta’ San Ġorġ ta’ Ħal Qormi kienet attribwita lilu minħabba x-xebħ kbir li hemm bejn iż-żewġ statwi, imma llum bosta jaħsbu li din hija attribuzzjoni żbaljata billi ma nafux li Ġafà qatt ħadem kartapesta u aktarx li l-irxoxt tal-Qriema inħadem wara mewt l-iskultur Gafà. Il-Belt Valletta tista’ tiftaħar li għandha numru ta’ vari fil-purċissjoni tagħha li ħarġu minn idejn l-imgħallem Saver Laferla. Ħaż-Żebbuġ aktarx li għandu xi statwi ta’ dan l-artist ukoll fil-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira tiegħu. Ħaż-Żebbuġ imbagħad għandu xogħol ta’ Ninu Mifsud, bħalma huma l-istatwi tal-marbut u l-Ecce Homo, liema statwi ġew miżjudin persunaġġi magħhom fis-snin tmenin mill-artist Michael Camilleri Cauchi. Ħaż-Żebbuġ għandu wkoll xogħol ta’ Gilormu Dingli.

Karlu Damanin huwa meqjus bħala wieħed mill-akbar artist Malti fil-kartapesta. Fil-purċissjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira dan daħħal xi elementi ġodda fejn fl-Ort ta’ Bormla għamel żewġ anġli fejn is-soltu dejjem konna naraw wieħed. L-istess ħaġa irrepetiha fl-Ort ta’ Ħal Qormi. Għall-purċissjoni tal-Qriema Darmanin ħoloq l-istatwa ta’ Ġuda, xbieha li baqgħet unika f’pajjiżna għal madwar 50 sena. Il-Qriema għandhom ukoll bosta xogħolijiet tas-snin tmenin tal-artist Alfred Camilleri Cauchi. Darmanin għandu ħafna mis-sett tal-Mosta. Fiż-Żejtun insibu xi statwi attriwitu lil Darmanin u hawn insibu wkoll ix-xogħol ta’ Xandru Farrugia.

Irxoxt  - Belt Valletta
Wistin Camilleri ħadem is-sett tal-vari tradizzjonali għaż-Żebbuġ ta’ Għawdex. Kien sewwasew mitt sena ilu li ħarġet l-ewwel darba l-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira minn din il-knisja. Aktar tard hu ħadem statwi oħrajn għal din il-purċissjoni kif ukoll irrestawra l-istess statwi li kien ħadem. Ma nistgħux ma nsemmux il-monument tal-Mosta, kapolavur ta’ dan l-artist Għawdxi.

Statwi tal-Ġimgħa l-Kbira għadhom jinħadmu sal-lum. Tajjeb insemmu li f’Ħal Luqa insibu xogħol ta’ Renzo Gauci u f’Ħal Għaxaq xogħol ġdid ta’ Alfred Camillieri Cauchi u ibnu Aaron.

Hawn ma semmejtx kollox u lanqas semmejt lil kull min ħadem xi statwa. Dan ma għamiltux b’nuqqas ta’ rispett jew stima imma għaliex il-lista hija twila mmens. Nemmen li jkun jixraq li f’dan iż-żmien nagħtu tislima li tant artisti Maltin bħalna li tawna dawn l-opri artisitċi u reliġjużi li saru patrimonju ta’ pajjiżna. Dawn l-artisti li semmejt kif ukoll oħrajn tawna frott il-ħila artistika tagħhom.

Fr Reno Muscat



Dan l-artiku deher f'In- Nazzjon - 13 ta' April 2019


venerdì 5 aprile 2019

Taraġ misterjuż


Dan l-aħħar iltqajat ma’ storja li nixtieq naqsamha magħkom. Ngħid id-dritt kont ilni li qrajtha xi mkien ftit snin ilu imma qatt ma dħalt fl-istorja daqs din id-darba. Din hija dwar fatt kurjuż li seħħ fi knisja tas-sorijiet sewwasew ġewwa Santa Fe, New Mexico.

Kappella
L-Isqof ta’ Santa Fe, Jean-Baptiste Lamy, Franċiż li emegra lejn l-Amerika, kien ġab żewġ periti Franċiżi biex jippjantaw il-katidral ta’ San Franġisk. Is-sorijiet tal-Madonna ta’ Loreto sabu x-xoqqa f’moxtha biex jitolbu lil dawn il-periti jippjantaw kappella li xtaqu jibnu. Dan kollu seħħ bejn l-1872 u l-1873.

Il-knisja tas-sorijiet, li ġiet iddedikata lill-Madonna ta’ Loreto, inbniet fuq stil gotiku u tlestiet fl-1878. Meta kien lest il-bini is-sorijiet indunaw li minkejja li l-knisja kien fiha gallarija għall-orgni u l-kor fuq il-bieb prinċipali, madanakollu ma kienx hemm min fejn wieħed jitla’ fiha. U din il-gallarijija hija madwar seba’ metri ’l fuq mill-art! Is-sorijiet kellmu lil bosta mastrudaxxi bit-tama li xi ħadd minnhom isib mezz kif jista’ jagħmel taraġ għal din il-gallarija iżda minħabba ċ-ċokon tal-knisja ħadd ma sab soluzzjoni.

Is-sorijiet minkejja li ma sabux soluzzjoni mill-bnedmin, xorta ma qatgħux qalbhom u daru għall-għajnuna sopranaturali. Għamlu novena lil San Ġużepp, patrun tal-mastrudaxxi. Ma’ tmiem in-novena jingħad li wasal raġel fuq ħmara għand is-sorijiet li kien qed ifittex ix-xogħol. Is-sorijiet qalulu bix-xogħol li kellhom bżonn u r-raġel offra li jibni taraġ tal-injam u jsolvi l-problema li ma solvewx il-periti Franċiżi jew il-mastrudxxi tal-post. Dan ir-raġel ma kellux xi għodda speċjali, munxar, martell u kartabun. Ma kellux lavranti miegħu u beda jaħdem waħdu. Dam tmien xhur biex lesta dan it-taraġ tal-injam forma ta’ garigor. Meta temm il-ħidma tiegħu dan ir-raġel għeb bla ma tħallas ta’ xogħlu u ħadd aktar qatt ma raħ b’għajnejh. Ħadd ma kien jaf min hu, minn fejn hu jew l-iċken tagħrif dwaru.

Taraġ speċjali
Sa hawn ma hawnx wisq biex wieħed jistgħaġeb għax forsi jkun hawn min jaħseb li dan il-mastrudaxxa ried jagħmel opra ta’ karità ma’ dawn is-sorijiet, imma l-parti s-sabiha hija kif inhu mibni dan il-garigor. L-ebda arblu ma hemm fin-nofs tiegħu biex iżomm it-turġien u għalhekk ir-rabta kollha tiegħu hija mal-art. Barra minn hekk it-taraġ huwa kollu minċotti u la fih viti la msiemer u lanqas kolla. Il-periti kollha li rawh ilkoll qablu li dan it-taraġ imur kontra l-liġi tal-gravità għax kif inhu maħdum suppost iċedi bil-piż tiegħu stess. Iżda dan ma seħħx. It-taraġ li ħadem ir-raġel mistejuż ma kienx fih poġġaman u għalhekk dan sar xi snin wara biex ma jkunx ta’ periklu għal dawk li jitiligħu jew jinżlu minnu. Is-sorijiet għamlu aktar minn mitt sena jużaw dan it-taraġ kuljum. Inxterdet ix-xnieha li dak ir-raġel li bena dan il-garigor ma kien ħadd għajr San Ġużepp.

Illum din il-knisja ma għadiex f’idejn is-sorijiet u saret mużew minkejja li għadha sservi għall-funzjonijiet religjużi f’ xi każi partikolari.  Dan it-taraġ mal-knisja kollha llum saru waħda mill-akbar attazzjonijiet turistiċi ma’ dawk li jżuru New Mexico. Madwar nofs miljun ruħ ta’ kull sena jmorru f’din il-knisja biex jaqtgħu l-kurżità u jaraw dan it-taraġ b’għajnejhom.

Fittixt u ma sibtx
Ngħidilkom id-dritt li jien l-Amerika qatt ma mort, allura kif tistgħu tobsru, din il-knisja u dan it-taraġ qatt ma rajthom b’għajnejja. Imma meta kont sejjer pellegrinaġġ l-Italja u kont ser inżur Loreto, kont qed nitkellem ma’ soru u qaltli li ladarba mmur hemm għandi nara dak it-taraġ misteruż. Ftakart li xi darba kont qrajt dwar taraġ li hemm min jaħseb li bnieh San Ġużepp imma ma kontx naf fejn jinsab. Meta kont Loreto ħarist u fittixt kemm flaħt biex nara nsibx dak it-taraġ, imma kif tridni narah jekk dak mhux qiegħed l-Italja imma fi New Mexico? Nista’ ndum inħares u nfittex! Is-soru, li bħali qatt ma marret l-Amerika nassumi li semgħet xi darba din l-istorja ta’ dan it-taraġ ,li tabiħaqq jinsab fil-knisja tal-Madonna ta’ Loreto, u assumiet li qiegħed fl-Italja. Meta kont ġejt lura Malta minn dak il-pellegrinaġġ kont għidtilha lil dik is-soru li mhux kull min ifittex isib u mhux kull min iħares jara għax jiena bqajt ma rajtux it-taraġ li ħadem San Ġużepp! Meta qrajt fejn jinsab dak it-taraġ fhimt sewwa għalejn ma rajtux ġewwa Loreto.

Nerġgħu lura għat-taraġ. Jien mhux qed ngħid li dan it-taraġ sar b’miraklu, inħalli lil min hu kompetenti jaqta’ s-sentenza, imma ma nistgħux ngħidu li ma huwiex xi ħaġa li tqanqal fik kurżità.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 6 ta' April 2019