venerdì 31 maggio 2019

Imigrazzjoni


Kwistjoni ġdida jew le?

Illum il-ġurnata nisimgħu ħafna kliem dwar l-imigrazzjoni, il-mixi minn pajjiż għal ieħor ta’ eluf ta’ nies. Kliem favur, diskors kontra, ftehim, nuqqas ta’ ftehim, attakki, aċċettazzjoni u elf ħaġa oħra. Jekk naħsbu li din il-kwistjoni hija xi fenomenu ġdid inkunu qed niżbaljaw bil-kbir. Każ eċċellenti ta’ poplu li dejjem ħalla pajjiżu u fittex artijiet oħra huwa l-poplu Lhudi. Dan il-poplu infirex mal-erbat irjieħ tad-dinja u għadna nsibu persuni ta’ nisel Lhudi madwar id-din ja kollha. Jien mhux sejjer nidħol fil-kwistjoni tal-imigrazzjoni li tinsab għaddejja bħalissa, fejn il-poplu Afrikan qed iħares lejn l-Ewropa bħala d-dar futura tiegħu imma sejjer ngħid xi ħaġa dwar dak li qal San Tumas ta’ Akwinu dwar l-imigrazzjoni.

San Tumas mhux bniedem tal-lum. Huwa twieled fl-1225 u miet fl-1274. Ladarba dan il-qaddis kiteb fuq kwistjoni bħal din madwar 750 sena ilu, ifisser li kienet teżisti u nassumi li kien hemm, bħal-lum, min huwa favur u min hu kontra. Dan il-qaddis Dumnikan jitratta din il-kwistjoni fis-Summa Teoloġika (I-II, Q. 105, Art. 3). Hawn huwa bħal jistabbilixxi l-limiti tal-akkoljenza li għandha tingħata lill-barrani, lill-imigrant.

Hemm imigrant u imigrant
San Tumas jgħid li mal-barrani jista’ jkun hemm żewġ tipi ta’ rapporti: rapport ta’ sliem u paċi jew rapport ta’ gwerra. Huwa jkompli jgħid li skont it-tip ta’ rapport li jkun hemm teżisti liġi ġusta għas-sitwazzjoni.

Mela hawnhekk il-qaddis qed jurina li mhux il-barranin kollha huma xorta għax ladarba r-rapporti magħhom huma differenti anke l-attitudnijiet huma differenti; xi wħud huma paċifisti, oħrajn joħolqu konflitt u ġlied. Tumas t’Akwinu jsostni li kull pajjiż għandu d-dritt kollu li waħdu jiddeċiedi x’tip ta’ imgrazzjoni  jaċċetta bħala paċifika u b’hekk ikun jista’ anke jibbenifika mill-ġid li jiġġeneraw dawn il-barranin. Huwa l-pajjiż ukoll li jrid jistudja u janaliżża sewwa liema huma dawk il-barranin li jistgħu jkunu ta’ ostilità għall-pajjiż u għaċ-ċittadini. Għalhekk il-pajjiż għandu jaċċetta lil dawk il-barranin li jħoss li huma ta’ għajnuna għall-ġid komuni tal-poplu u ma jaċċettax dawk li jaħseb li huma ta’ xkiel għas-sliem u l-ġid tal-pajjiż.  Ovvjament fi żmien dan it-teologu il-politika ma kinitx dik li hija llum. Illum il-pajjiż ma jistax jinsa ċerti obbligi li jkun marbut bihom politikament.

Fis-sliem
Il-qaddis hekk imsejjaħ Anġeliku, kiteb li l-Lhud kellhom tliet okkażjonijiet biex jimxu b’mod paċifiku mal-barranin. L-ewwel meta l-barranin kienu jgħaddu minn pajjiżhom fi triqithom lejn xi destinazzjon i oħra, jiġifieri dawk li jgħaddu mill-pajjiż għal ftit żmien, dawk li llum jissejħu in transit. It-tieni kienu dawk li kienu jmorru f’pajjiżhom biex isibu xortihom hemmhekk. I-liġi tal-Lhud titlob li dawn jintwerew ħniena. Fil-fatt fil-ktieb tal-Eżodu insibu:  “La taħqarx il-barrani, u la tgħakksux, għax intom ukoll kontu barranin” [Eż:22:20] u “Taħqarx il-barrani; int taf xi jħoss il-barrani, għax barrani int kont fl-art ta' l-Eġittu. [Eż:23:9] Hawn San Tumas qed juri kif jista’ jkun hemm ħajja paċifika bejn iċ-ċittadini u l-barranin u jgħid li l-pajjiż għandu joffri lil dawn it-talin kull għajnuna. Dak iż-żmien ma kienx jeżisti it-turiżmu imma s-safar kien isir għan-negozju għalhekk il-pajjiż kellu gwadann minn dan it-tip ta’ barrani, bħalma llum kull pajjiż jipprova jattira lit-turisti għax dawn jgħinu lill-pajjiż fl-ekonomija tiegħu. Imma mbagħad isemmi t-tielet każ. Hemm dawk li għaddew minn Israel u riedu jimponu l-użanzi tagħhom fuq il-poplu tal-post. Hawnhekk it-teologu jgħid li wieħed irid jimxi b’ħafna għaqal u ma għandhomx jiġu meqjusin bħala ċittadini mill-ewwel imma tal-anqas għandhom jgħaddu tlieta jew erba’ ġenerazzjonijiet. Hawn insibu lil dawk il-barranin li ma jitqiesux bħala paċifisti.

Il-Lhud barranin
Ejjew issa naraw ftit mhux dak li qal San Tumas ta’ Akwinu imma dak li seħħ matul is-snin. Il-Lhud mhux biss kellhom barranin f’pajjiżhom imma kienu huma stess barranin f’artijiet ta’ ħaddieħor. Minkejja li l-poplu Lhudi huwa meqjus bħala poplu paċifist, huwa wkoll poplu konservattiv li ma jibdilx id-drawwiet tiegħu kif ġieb u laħaq. Il-Inkwiżizzjoni Spanjola xejn ma kienet ħelwa mal-poplu Lhudi. Ħafna Lhud kellhom iħallu Spanja u telqu lejn l-Olanda, pajjiż li minn dejjem kien xi ftit jew wisq aktar miftuħ u tolleranti għal kulturi differenti u jaċċetta opinjonijiet diversi. U xi ngħidu għan-Nażi? Il-Lhud fil-Ġermanja baqgħu Lhud minkejja li twieldu hemm, trabbew hemm, kienu ċittadini Ġermaniżi, iħallsu t-taxxi tal-pajjiż, jitkellmu l-ilsien tal-pajjiż. . . .  imma baqgħu Lhud minn ġewwa u din il-ħaġa ma kienet qatt aċċettata mill-Ġermaniżi.

Ma nidħolx fil-kwistjoni tal-lum fejn bosta Afrikani qed isibu kenn fl-Ewropa għax jaħsbu li sabu l-ġenna, il-ħsieb tiegħi li wassalni nikteb dan l-artiklu kien li d-dinja rota, u l-istorja tirrepeti ruħha u kull kwistjoni li nsibu madwarna llum diġà xi darba dehret fuq wiċċ id-dinja.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon -  1 ta' Ġunju  2019


venerdì 24 maggio 2019

Napli u n-Naplitani

Via Forcella

Minn żmien għal żmien inħobb ngħaddilkom xi tagħrif dwar xi belt li tkun laqtitni. Ikunu bosta dawk li jwaqqfuni u jgħiduli li jieħdu ġost jaqraw dwar dawn l-ibliet u l-kultura tagħhom. Illum nixtieq naqsam magħkom xi tagħrif dwar il-Belt ta’ Napli, belt li mhux biss żort imma li għext fiha għal tliet snin, blet li minkejja kollox sirt inħobb u li għadni nħobbha u meta nsib l-opportunità inżurha.

Żewġ uċuħ
Mergellina
Napli hija belt li fiha minn kollox imma fuq kollox fiha żewġ uċuh. F’Napli tista’ tara l-kriminalità organizzata, it-telqa tal-post, it-tħażżiż biż-żebgħa mal-ħitan, il-ħwejjeġ minxurin barra minn ħajt għal ħajt donnhom il-pavaljuni li narmaw fil-festi tagħna, tista’ tara l-faqar. Il-wiċċ l-ieħor ta’ din il-belt huwa għal kollox differenti, tista’ tara l-lussu, tara l-arti barokka, tara l-kumdità, tara l-organizzazzjoni fit-toroq. Tiskanta kif fl-istess belt tista’ ssib żewġ estremi. Jekk tinżel fl-istazzjon ċentrali tal-ferrovija issib ruħek fil-qalba ta’ din il-belt antika. Żgur li l-ewwel darba tieħu xokk kulturali. Illum Piazza Garibaldi fejn qed insemmi hija bil-wisq aħjar milli kienet ftit snin ilu, imma xorta tieħu xokk kif tirfes fiha l-ewwel darba. Ħafna jsemmi s-serq li hemm. Jien mhux sejjer nghid li din il-ħaġa mhix minnha, imma nista’ ngħid ukoll li kemm domt ngħix Napli qatt ma sibt la fastidju u lanqas kien hemm min ipprova jisraqni. Ma nistax ngħid hekk għal xi bliet oħrajn li ma għandhomx il-fama ħażina li għadha l-belt ta’ Napli.

Jekk trid tara l-wiċċ l-ieħor ta’ Napli, ħalli ċ-ċentu u mur lejn il-baħar, lejn Mergellina jew Posillipo. Hawn tara d-differenza li teżisti f’din il-belt. Hawn la tara telqa, la tara mbarazz, la tara kitba mal-ħitan. Hawn tara lukandi tal-ogħla livell u vilel u djar ta’ nies għonja. Fost dawk li jgħixu hawn insibu lil Massimo Ranieri.

L-innu ta’ Napli
Il-kant fuq fomm in-Naplitan huwa don naturali. Tisma’ l-bejjiegħ donnu jkanta biex jirriklama dak li għadnu fuq it-tilar. Tisma’ lill-mara ssejjaħ lill-ġara mill-gallarija ta’ darha b’kadenza twila li aktar tistħajjilha għanja milli għajta. Iva n-Naplitani donnhom ikantaw u mhux jitkellmu.

Jekk hemm diska li kull Naplitan jaf bl-amment u jekk hemm kanzunetta li kull meta jiltaqgħu grupp Naplitani biex jiddevertu jispiċċaw ikantaw hija Soldato Innamorato, jew kif isejħulha bin-Naplitan 'o surdato 'nnammurato. Nistħajjel din il-kanzunetta bħala l-innu ta’ din il-belt. Nemmen li f’Napli hemm min ma jafx il-kliem tal-Innu Nazzjonali Taljan imma ma hemmx pesuna waħda li ma tafx tkanta din id-diska.

Din hija waħda biss mill-bosta kanzunetti Napiltani li tant huma popolari mad-dinja kollha, forsi din l-aktar waħda popolari.

Għal qalb in-Napiltani
Via San Gregorio Armeno
Hemm bosta ħwejjeġ li jagħmlu lil din il-belt unika. Hemm bosta ħwejjeġ li minkejja li ssibhom fi bliet oħra, xorta waħda huma sinonimi ma’ Napli. Ha ngħiduha kif inhi: fejn se tiekol pizza aħjar minn Napli? Pizza ssib madwar id-dinja kollha, imma mhux bħal ta’ Napli. Sinonimu wkoll ma’ Napli huwa l-presepju. Il-presepju Naplitan ma huwiex dak li juri twelid ta’ Ġesù fil-faqar imma huwa presepju lussus maħdum fuq stil Barokk. Tant hu popolari dan il-presepju li fiċ-ċentru tal-belt insibu triq mimlija ħwienet li jbiegħu presepji jew aċċessorji għall-presepji. Din hija Via San Gregorio Armeno u t-triq li twasslek għaliha, Via San Gregorio dei Librai, fiha wkoll mijiet ta’ ħwienet li ħafna minnhom ibiegħu aċċessorji tal-presepju.

San Ġennaru huwa l-aktar qaddis għażiż għall-poplu ta’ dan il-belt. Xhieda tal-imħabba li dan il-poplu għandu għal dan il-qaddis, li kien isqof ta’ din il-belt, huwa t-teżor li għandu. Huwa kkalkulat li t-teżor ta’ San Ġennaru fih aktar rikkezzi mill-Crown Jewels tal-monarkija Brittanika jew mit-tezor tat-Tżar tar-Russja. Huwa l-qaddis patrun ta’ din il-belt kbira, imma tajjeb ngħidu li dan il-qaddis ma kienx Napiltan imma minn Benevento. Fil-fatt il-Beneventani huma kburin li qaddis li għandu daqstant qima twieled f’belthom.

Imbagħad hemm ħaġa oħra għal qalb in-Napiltani -  il-logħob tal-ballun. Il-futbol iħobbuh daqs kemm iħobbu l-pizza u lil San Ġennaru. U fost tant players li lagħbu mat-tim tan-Napli, Diego Maradona baqa’ fil-qalb tan-Naplitani. Fiċ-ċentru ta’ Napli wieħed poġġa niċċa barra l-ħanut tal-kafè tiegħu. Taħsbux li poġġa lil San Ġennaru jew li xi qaddis popolari ieħor. Xejn minn dan, fin-niċċa tpoġġa ritratt ta’ Diego Armando Maradona. Lanqas hemm għalfejn inżid aktar ma dan!

Napli, belt ma’ xatt il-baħar, belt li darba kienet kapitali ta’ saltna, belt li fiha minn kollox. Nagħlaq billi naqsam maghkom kliem li qalli ħabib tiegħi, minn Napli, jismu Gennaro. Dal-ħabib qalli: Jekk issib Naplitan mill-agħar, għid li sibt l-agħar bniedem fid-dinja, imma jekk issib ħabib minn Napli, għid li sibt ħabib għal għomrok kollu. U tabilħaqq li huwa hekk, Napli hija belt li tista’ taraha minn elf lenti, imma taraha minn fejn taraha, taralha xi xorta ta’ ġmiel.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon -  25 ta' Mejju 2019








venerdì 17 maggio 2019

Zinn Zinn Bumm Bumm


Riflessjoni  qasir dwar il-festi tagħna


Issa li l-Għid il-Kbir għadda, fuq il-kalendarju ta’ pajjiżna jibdew jidhru l-festi tal-ibliet u rħula tagħna. Ma tgħaddix sena li ma niktibx xi ħaġa dwar dan is-suġġett għaliex tant huwa vast li tikteb kemm tikteb qatt ma tkun għidt kollox.

Il-festi Maltin minn dejjem kienu għall-qalb dan il-poplu. Il-frattarija u l-istorbju donnhom jimlewna bil-ferħ lilna l-Maltin. Insomma mhux lilna biss, kull poplu Mediterrajnu ieħor iħobb xi ftit jew wisq ambjenti kuluriti, xi ftit gegwiġija u għajat. Kien għalhekk li lil dan l-artiklu tajtu l-isem li tajtu għax fil-festi tagħna nsibu ruxmata l-ħsejjes bħal dawk tal-banda: zinn zinn u tal-logħob tan-nar: bum bumm, żewġ kelmiet li nużaw mat-tfal iż-żgħar biex nirreferu għall-festi u dawk l-elementi importanti li fihom.

Ilbieraħ u llum
Il-festi parrokkjali tagħna raw tibdil minn żmien għal żmien. Kien hemm min bassar li dawk kellhom imutu mewta naturali, imma min ħaseb hekk żbalja bil-kbir. Il-festi minn dejjem kienu jservu bħala avvenimenti soċjali, forsi l-akbar attività li kienet issir f’raħal, attività li tinvolvi lil kulħadd, lill-kbir u liż-żgħir, lill-mara u lir-raġel. Ir-rwoli tan-nisa u l-irġiel fil-festi ma kienux dawk li huma llum. Sa ħamsin jew sittin sena ilu l-mara lanqas biss kien jgħaddilha minn moħħha li tirfes l-għatba tal-każin tal-banda aħseb u ara li tkun bandista. Illum mhux talli għandna nisa bandisti imma għandna saħansitra nisa presidenti ta’ għaqdiet tal-banda. L-emanċipazzjoni tal-mara fis-soċjetà daħlet ukoll fil-festi tagħna u għenet biex dawn evolvew.

Progress u tibdil rajna wkoll fl-arti piroteknika. Minkejja li għadna ma wasalniex għal kollox, imma qed nindunaw li aħjar il-kwalità milli l-kwantità. Illum sirna ngawdu spettakli piro-mużikali mill-isbaħ. Ngħid b’wiċċi minn quddiem li ċerti spettakli Maltin jissuperaw xi wħud milli rajt barra minn Malta.

Pika jew kompetizzjoni?
Niftakar lill-bużnanna tiegħi tgħid taqbila dwar il-festi. Din kienet hekk:
Santa Marija l-Mosta.
Il-Vitorja, in-Naxxar.
Santa Liena Birkirkara
U Tal-Grazzja Ħaż-Żabbar.
Minn din it-taqbila sempliċi nistgħu naraw kemm inbidel it-taqbil li jsir fil-festi. Illum sirna nisimgħu taqbiliet li jkun fihom tgħajjir u nsulti lejn xi każin ieħor, lejn xi raħal ieħor, lejn xi parroċċa oħra, lejn xi qaddis jew qaddisa oħra. Jekk f’xi oqsma l-festi Matlin għamlu qabża ’l quddiem, f’dan ir-rigward żgur ma nistgħux ngħidu li morna ’l quddiem jew li kbirna.

Il-festi tagħna saru l-mejda fejn nikkompetu bejn xulxin. Il-kompetizzjoni ħafna drabi tinbidel f’pika u huwa hawn fejn immorru ħażin. Il-piki fil-festi kienu minn dejjem biex ngħidu d-dritt. Nisma’ rakkont dwar il-pika li kien hemm bejn il-Qriema u ż-Żebbuġin. Ngħidilkom id-dritt ma nafx jekk huwiex minnu jew le imma naħseb li huwa minnu ghax smajtu kemm Ħal Qormi kif ukoll Ħaż-Żebbuġ. Jingħad li nhar it-23 ta’ April, meta Ħal Qormi kien qed jiċċelebra bil-kbir il-festa tal-patrun tiegħu, niżlu xi Żebbuġin għall-festa u magħhom ħadu xi għasafar tal-bejt. Meta dawn daħlu l-knisja jingħad li fetħu l-bieb tal-gagga tal-għasafar u dawn spiċċaw jittajru fil-knisja. Il-Qriema stennew ftit ġimgħat wara u meta fit-12 ta’ Mejju ż-Żebbuġin kienu mehdijin bil-festa tal-qaddis ta’ Aġira, xi ħadd minn Ħal Qormi mar kmieni filgħodu Ħaż-Żebbuġ, daħal fil-knisja u tefa’ trab tal-kulur aħmar fil-fontijiet tal-ilma mbierek. B’hekk kull min daħal jisma’ l-quddies u għamel salib bl-ilma mbierek spiċċa b’tiċpisa ħamra fuq moħħu. Din hija storja waħda, ġieli smajna bi stejjer agħar minn din li ġrat bejn dawn iż-żewġt irħula ġirien.

Bdejna bil-ħażin
Din is-sena jkollna nammettu li l-festi hekk imsejħin “tas-sajf” bdew fuq nota ħażina. Kull min għandu għal qalbu l-festi, kull min għandu għal qalbu dak kollu li hu Malti, tnikket bl-aħbar li l-ark ta’ San Pupulju tal-Furjana spiċċa fil-mira ta’ att vandalu u ntemm għal kollox. X’ ħasra! Anke jekk jerġa’ jsir ark ieħor bħalu, anke jekk ikun isbaħ, xorta waħda qatt ma jista’ jkun l-ark oriġinali. Dan l-att jiftaħ għajnejn bosta għaqdiet li għandhom armar tal-festa. Kemm eluf, jekk mhux miljuni ta’ ewro ta’ armar tal-festa għandna f’pajjiżna! Ħafna mix-xogħol huwa imprezzabbli għax huwa xogħol antik li sar minn artisti li lum ma għadhomx magħna. X’patrimonju għandna! X’vetrina ta’ arti u sengħa jkollna fit-toroq tal-irħula tagħna fil-jiem tal-festa! Personalment ma nafx x’nistgħu nagħmlu għaliex dan l-armar huwa intiż li jintrama’ barra t-triq u mhux jitpoġġa f’mużew, u barra t-triq ikun espost għal kollox, għall-elementi tan-natura, xemx u xita, għal xi inċident, bħal meta xi karozza tolqot xi antarjola jew xi kolonna u sfortunatament issa indunajna li huwa wkoll espost għall-atti vandali. Tabilħaqq li dan ma kienx l-ewwel att vandalu li seħħ fuq xi armar tal-festa, imma huwa l-ewwel wieħed ta’ dan il-livell.

Zinn zinn. Bdejna nisimgħu in-noti mill-baned tagħna. Bumm bumm. Bdejna naraw u nisimgħu l-murtali. Bdew il-festi! Dan huwa patrimonju. Dan huwa wirt. Ejjew nibżgħu għalih, ejjew ma nkissruhx u fuq kollox ejjew ma ninsex għalfejn u għal min niċċelebraw dawn il-festi. Ejjew il-festi tagħna ma nħalluhomx isiru biss zinn zinn bumm bumm.

Fr Reno Muscat




Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 18 ta' Mejju 2019

venerdì 10 maggio 2019

Il-Belt ta’ Ruma

Għalina l-Maltin, il-belt ta’ Ruma hija l-għatba għall-bieb tad-dinja. Minkejja ċ-ċokon u l-limitazzjonijiet ta’ pajjiżna, jekk wieħed jieħu titjira ta’ siegħa, isib ruħu fil-kapitali tal-Italja u minn hemm isib it-toroq kollha miftuħin għad-dinja kollha, għall-kontinenti kollha. Ruma hija belt interessanti li fiha storja millenarja u minkejja l-qedem tal-istorja tagħha għadha żagħżugħ fl-ispirtu tagħha daqs kemm kienet elfejn sena ilu.

Caput Mundi


Fl-aqwa żmien tal-Imperu Ruman, Ruma kienet titqies bħala l-Belt Kapitali tad-dinja. Id-dinja magħrufa ta’ dak iż-żmien kienet kważi kollha f’ idejn ir-Rumani u t-tmexxija ta’ dawn l-artijiet kollha kienet issir minn din il-belt. Bil-Latin kienu jsejħulha Caput Mundi, li sewwasew tfisser ir-ras tad-dinja. U tabilħaqq kien hekk għax l-Imperu Ruman kien jinfirex fl-Ewropa kollha, sa bejn wieħed u ieħor ix-xmara Danubju li kienet isservi ta’ fruntiera naturali, fl-Afrika ta’ fuq u l-Lvant nofsani.

Pajjiżna wkoll kien jagħmel parti mit-territorju ta’ dan l-imperu iżda l-ilsien Latin qatt ma kien daħal fost missirijietna. Fil-fatt fl-Atti tal-Appostli insibu l-kelma “Barbari” għall-Maltin. Fit-traduzzjoni Maltija naqraw “in-nies tal-gżira” imma fl-oriġinal aħna msejħin “Barabri” għas-sempliċi raġuni li ma konniex nitkellmu l-ilsien uffiċjali tal-imperu li kien jaħkem fuqna.

Ruma kienet ukoll il-belt tal-qrati. Fil-fatt San Pawl kien fi triqtu lejn Ruma biex tinstema’ l-kawża tiegħu meta wasal fuq xtut pajjiżna. Il-liġi kienet toħroġ minn hawnhekk u kienet tiġi esegwita wkoll hawnhekk. Ċittadin Ruman seta’ jitlob li jidher quddiem qorti f’Ruma, ħaġa li mhux kulħadd seta’ jitlobha.

Kapitali tal-Italja
Illum kulħadd jaf li Ruma hija l-belt Kapitali tar-Repubblika Taljana imma forsi mhux kulħadd jaf li din mhux minn dejjem kieent il-kapitali Taljana. Sal 1861 l-Italja kienet għadha reġjuni awtonomi minn xulxin. L-għaqda jew kif insejħulha, l-unifikazzjoni, tal-Italja bdiet dik is-sena imma Ruma ma ngħaqditx mal-kumplament tar-Renju tal-Italja. Ruma sa dak iż-żmien kienet tagħmel parti mill-istat Pontifiċju, jiġifieri mill-istat tal-Knisja Kattolika. L-ewwel belt kapitali tal-Italja kienet Turin. Fl-1865 il-kapitali Taljana nbiddlet u saret il-Belt ta’ Firenze u baqgħet taqdi dan ir-rwol sal-1871, sewwasew għaxar snin wara l-bidu tal-unifikazzjoni, meta Ruma kienet għaddiet f’idejn ir-Renju Taljan.
Fl-20 ta’ Novemru 1870 seħħet dik li hija magħrufa bħala Breccia di Porta Pia, fejn is-suldati tar-Renju Taljan ħabtu għal Ruma li kienet għadha f’idejn l-Istat Pontifiċju. B’din il-battalja Ruma għaddiet f’idejn l-Italja u bil-liġi li għaddiet nhar it-3 ta’ Frar 1871 din il-belt saret il-belt kapitali Taljana, sewwasew kif kienet ix-xewqa ta’ Garibaldi, Cavour u l-bella compagnia li ħaddmu għal Italja magħquda fi stat wieħed.

Kapitali tal-Fidi Kristjana
It-twelid tal-fidi Kristjana sar f’parti mill-Imperu Ruman u għalhekk is-segwaċi ta’ Kristu fittxew li jmexxu lil din il-fidi mill-kapitali tal-Imperu. B’hekk insibu li San Pietru, li Kristu stess ħalla f’idejh il-Knisja, telaq minn pajjiżu u mar Ruma għaliex kien jaf li minn hemmhekk seta’ jkollu tmexxija aħjar għax kien proprju f’nofs id-dinja. Dan il-fatt ta lil Ruma l-isem ta’ “Il-belt Eterna”.

Sal-lum meta nsemmu Ruma jiġi f’moħħna l-Vatikan, il-Papa u l-knejjes sbieħ li fiha din il-belt meraviljuża. Illum l-Istat Pontifiċju spiċċa u twaqqaf l-Istat tal-Vatikan li huwa stat awtonomu, l-iżgħar stat fid-dinja, minn fejn titmexxa l-Knisja Kattolika. Dan twaqqaf fil-11 ta Frar 1929 bil-patti li saru bejn il-Knisja Kattolika u r-Renju tal-Italja ġewwa l-Palazz tal-Lateran. Fil-fatt dan il-ftehim ta’ twaqqif ta’ stat ġdid iġib l-isem ta’ Patti Lateranensi. Għan-naħa tal-Knisja kien iffirma dan il-ftehim il-Kardinal Pietro Gasparri u għall-Italja kien iffirma Benito Mussolini. B’dan il-ftehim reġgħet ġiet stabbilita l-paċi bejn il-Knisja u r-Renju tal-Itlaja, ħaġa li kienet ilha fi kriżi mill-1870.

Illum Ruma għadha l-post fejn insibu l-mexxej tal-Knisja Kattolika. Kien hemm żminijiet fejn il-Papa ma kienx joqgħod Ruma imma dejjem intalab jerġa’ jmur lura għaliex wieħed tajjeb ikun jaf li l-Papa huwa wkoll l-isqof tad-djoċesi ta’ Ruma u jekk il-Knisja Universali tista’ titmexxa minn Ruma jew Pisa jew Avignon jew Viterbo jew mill-belt Valletta, id-djoċesi titlob li jkollha l-isqof tagħha jgħix fiha. Għalhekk il-Papa dejjem mar lura lejn Ruma. B’din il-ħaġa l-Papa huwa kostrett li jgħix Ruma.

Belt Turistika
Żgur li Ruma mhix nieqsa mit-turisti. Nies minn kull parti tad-dinja jżuru din il-belt mimlija storja. Min iżurha għall-istorja kbira li fiha, oħrajn iżuruha għall-arti u l-kultura li tħaddan din il-belt sabiħa. Imma Ruma hija wkoll attrazzjoni għaż-żgħażagħ. Fiha jsiru bosta kunċerti u attivitajiet oħrajn li jressqu lejha miljuni. Hija belt ta’ turiżmu reliġjuż għax fiha jsiru xi wħud mill-akbar manifestazzjonijiet reliġjużi. Hija belt ta’ elf kulur, hija belt li kulħadd isib xi ħaġa li togħġbu fiha.
Hija fuq kollox belt ġara tagħna.

Fr Reno Muscat



Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 11 ta' Mejju 2019

Tberik tal-Għid


Niftakar li meta kont żgħir hekk kif joqrob żmien il-Ġimgħa l-Kbira u l-Għid il-Kbir id-djar kienu jibdew jitlibbsu l-libsa tal-festa. Wara tfarfira tajba u ħasla nobis kienu jitneħħew il-purtieri u t-tapiti hekk imsejħin “ta’ kuljum” u posthom joħduh dawk “tal-festa”. Xi fajjenza li kienet tkun merfugħa min jaf fejn kienet issib ruħha għall-arja tad-dar wara ma nafx kemm-il xahar merfugħa moħbija xi mkien bogħod mill-għajnejn. Billi jiena minn Ħal Qormi u l-festa ta’ San Ġorġ dak iż-żmien kienet tiġi f’Mejju, dan it-tiżjin speċjali kien iservi wkoll għal meta jiġi l-Arċipriet jew xi saċerdot ieħor ibierek id-dar fi żmien l-Għid kif ukoll għall-festa tal-patrun. Hekk kif kienet tgħaddi l-festa kollox kien jerġa’ jintrefa’ biex jerġa’ jintrama fil-festi tal-Milied.

Għalfejn il-bidla?
Illum il-mara taħdem barra mid-dar u ftit li xejn għandha ħin biex toqgħod tibdel il-purtieri, it-tapiti u l-fajjenza tad-dar. Barra minn hekk il-mentalità nbidlet ukoll u dak li jkun sar igawdi dak li għandu s-sena kollha u mhux ftit ġimgħat biss fis-sena. Imma jekk nifhmu sewwa dak li kienu jagħmlu ommijietna u n-nanniet tagħna naraw x’sens ta’ rispett kien hawn lejn il-mistieden fid-dar. Fi żmien l-Għid il-Kbir ma tkunx ħaġa kbira li wieħed ikollu l-mistednin f’daru. L-istess fi żmien il-festa tal-qaddis patrun kif ukoll fil-Milied. Għalhekk kien isir dan it-tibdil. Billi bejn il-festa tal-Għid u l-festa tar-raħal kien ikun hemm it-tberik, id-dar kienet tkun imżejna biex tilqa’ lis-saċerdot ukoll.

Tberik
Imma ejjew issa niffukaw ftit dwar it-tberik hekk imsejjaħ tal-Għid. Nafu li llum f’bosta parroċċi ma għadux isir it-tberik tal-familji hekk kif jgħaddi l-Għid il-Kbir imma jibda qabel. Hawn parroċċi li t-tberik isir bħala home visits matul is-sena kollha, parroċċi oħra jibdew fi żmien ir-Randan u jkomplu fi żmiem il-Għid kif ukoll hawn parroċċi li t-tberik ma jsirx kull sena.

Dan kollu huwa frott in-numru dejjem jonqos ta’ saċerdoti u n-numru dejjem jikber ta’ parruċċani. Hemm fattur ieħor li jwassal li fi żmien il-Għid ma jilħaqx jitlesta t-tberik kollu. Dari s-saċerdot kien joħroġ ibierek filgħodu u filgħaxija iżda llum jekk toħroġ tħabbat il-bibien tad-djar filgħodu aktarx tibqa’ bla ma jiftaħlek ħadd għaliex il-familja tkun ħarġet għax-xogħol u għall-iskola. Din hija realtà li rridu nżommuha f’moħħna. Jekk imbagħad it-tberik isir ejja ħa mmorru, sempliċiment kemm jitraxxax ftit ilma u s-saċerdot jitlaq il barra mod ieħor, imma t-tberik għandu jsir bħala talba. 

Dari t-tberik kien laqgħa tal-familja mas-saċerdot li miegħu kien ikollu lis-sagristan u lil xi abbati bis-satla f’idu. Kien jiġi offrut xorb u ikel lil dawn kollha imma llum mhux hekk, illum differenti, illum is-sagristan bilkemm għadna nsibuh fil-knisja aħseb u ara fit-tberik u l-abbatini wkoll qed jgħosfru. Mill-banda l-oħra nemmen li dan il-mument jista’ jkun ta’ opportunità għall-familja biex tiftaħ qalbha mas-saċerodt  dwar xi problema. Bil-preżenza tas-sagristan jew tal-abbati din il-ħaġa ma ssirx daqstant bil-kumdità, għalhekk naqbel li s-saċerdot għandu jkun waħdu meta jmur ibierek.

Żmien moħli
Niftakar fi ċkuniti qabel ma jasal is-saċerdot biex ibierek kien ikun hemm xi persuna mit-triq li tħabbat il-bieb ta’ dak li jkun biex tavżah li wasal it-tberik. B’hekk kien jitnaqqas il-ħin li s-saċerdot jitlef jistenna wara l-bieb. Ġieli aktar iddum tistenna barra l-bieb milli ddum tbierek id-dar. Imbagħad hemm min jiftaħlek u jgħidlek li ma kienx jaf li kien imiss dik it-triq. U inti tkun ilek tavża fil-knisja u tagħmel avviżi fil-fuljett parrokkjali ma nafx kemm u ssib lil dan il-proxxmu jgħidlek: “taf li lanqas kont naf?” Kieku kull min irid ibierek jistenna lis-saċerdot ġej jitnaqqas ħafna ħin moħli.

Sistema tajba qed isir f’parroċċa partikolari fejn min jixtieq ibierek jimla formola u qabel it-tberik ta’ dik it-triq tintefa’ nota fil-kaxxa tal-ittri bil-ħin bejn wieħed u ieħor ta’ meta jkun ser jasal is-saċerdot biex ibierek. Xorta mhix sistema perfetta imma tal-anqas tnaqqs xi fti mill-ħin moħli li ġieli jsir.
Ġieli ħriġt inbierek jien flimkien ma’ saċerdoti oħra u spiċċajna li minn triq inbierku żewġ jew tliet familji kull wieħed għax l-oħrajn jew ma jkunux id-dar jew inkella ma jkunux Insara Kattoliċi. X’ħela ta’ ħin u x’ħela ta’ risorsi.

Minkejja kollox ma nistgħux ingergru aħna l-Maltin. Hawn pajjiżi Ewropej fejn kien hemm id-drawwa tat-tberik tal-familji fi żmiem il-Għid imma llum dan sar ħaġa tal-imgħoddi. Forsi għad jasal żmien fejn anke f’pajjiżna t-tberik tal-Għid jispiċċa u ma jsirx aktar, imma ejjew ngħixu llum. Ladarba għad għandna dan is-servizz tajjeb li dak li jkun japprezzah.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 4 ta' Meju 2019