venerdì 27 settembre 2019

Plastik


George  Audemars

Illum qegħdin ngħixu f’dinja li kull fejn indawru wiċċna naraw xi ħaġa tal-plastik żgur. Minkejja li l-plastik jaf il-bidu tiegħu aktar minn mija u sebgħin sena ilu, bl-invenzjoni tal-materjal mill-kimiku Żvizzeru George  Audemars, imsejjaħ rayon, qatt daqs illum ma kien hawn daqstant plastik użat mill-bnedmin.

Qrajt li sa tletin sena oħra, fil-baħar aktar ser ikun hemm biċċiet tal-plastik milli ħut. Ma nafx jekk din il-ħaġa hijiex minnha jew jekk hijiex esegerazzjoni, imma meta nħares ħarsa madwari u nara dak li nara xejn ma nieħu bi kbir jekk dak li qrajt huwa l-verità. Qrajt ukoll li xi xjenzjati ħolqu xi batterja li tibdel il-plastik f’ilma. Lanqas din ma naf jekk hix vera jew le.

Storja
Qrajt storja li nixtieq naqsamha magħkom.

Waħda mara anzjana marret f’ħanut tagħmel ix-xirja u meta kienet qed tħallas, il-kaxxiera żagħżugħa staqsietha jekk tridx basket tal-plastik għax-xirja. Il-mara qaltilha li kellha bżonn wieħed u l-kaxxiera weġbitha li kellha tħallas għaxar ċenteżmi tal-basket għax id-dinja qegħda tipprova tnaqqas l-użu tal-plastik biex ma tibqax issir il-ħsara li kkawża l-plastik li kienu jarmu hi u n-nies ta’ żmienha. L-anzjana qabdet diskursata mal-kaxxiera fejn urietha min uża l-aktar plastik, hux il-ġenerazzjoni li llum hija anzjana jew dik tal-lum.

Mit-twelid
Illum sirna ngħixu f’dinja ta’ prodotti li nużawhom darba u narmuhom. Tarbija li tkun għadha kif twieldet wara li jaħsluha, ipoġġulha ħarqa li jkun fiha faxxa tal-plastik biex iżomm il-ħaxu ta’ ġol-ħarqa. Din wara li tintuża tintrema. Dari mhux hekk kienu. Il-ħrieqi kienu tad-drapp u jinħaslu wara l-użu. Anke l-qlejba kienet tinħasel u terġa’ tintuża. Naħseb li l-ommijiet tal-lum mhux talli ma jużawx il-qlejba u jerġgħu jaħsluha imma lanqas jafu x’inhi! Bil-fors għax il-ħrieqi li tuża u tarmi jkun fihom il-qlejba magħhom, li naturalment tintrema wkoll. Imma llum min ser joqgħod jgħallilek dawk il-ħrieqi kollha u jonxorhom u jitwiehom u jerġa’ jużahom? Illum hawn il-kumdità, uża u armi!

Mill-ħanut tal-merċa
Tal-merċa
Il-ħwienet tal-merċa nistgħu ngħidu spiċċaw u għosfru mit-toroq tagħna. Is-supermarkets ħadulhom posthom, imma għadna naraw xi wieħed ’l hemm u ’l hawn.  Qabel, meta konna mmorru nixtru mill-ħanut tal-merċa ma konniex immorru b’idejna vojta bħalma mmorru llum. Il-mara kienet tieħu l-ġewlaq taċ-ċarruta jew il-qoffa tal-qasab biex tagħmel ix-xirja u din il-qoffa jew ġewlaq lanqas ma kien ikun vojt. Il-fliexken tal-ħalib, tal-luminata, tal-inbid u tal-birra kienu tal-ħġieġ u jerġgħu jittieħdu lura għand tal-ħanut meta jkunu vojta. Kien jitħallas depositu fuq kull flixkun u jekk kont tixtri flixkun ħalib jew luminata ieħor ma kontx terġa’ tħallas dak id-depositu. Jekk ma tixtrix kont tingħata d-deposoitu lura. B’hekk il-flixkun kien jerġa’ jintuża wara li jmur il-fabbrika, jinħasel u jiġi sterelizzat. Illum le, illum il-ħalib fil-kartuna li tintrema u l-luminata u l-minerali kollha nsibuhom fi fliexken tal-plastik li jintermew.
Anke għaż-żejt kienu jieħdu flixkun tal-ħġieġ magħhom biex jintela. Illum il-flixkun huwa tal-plastik li ma hemmx għalfejn ngħidilkom xi jsir minnu ladarba jispiċċa ż-żejt! Jekk konna nixtru l-perżut, dan ma kienx ikun lest f’pakkett issiġġillat fil-plastik imma kien jitqatta’ dak il-ħin quddiemna u kien jitpoġġa ġo karta strazza. Iz-zokkor kien jitqartas f’karta kannella mill-istess xkora taz-zokkor u mhux f’borża tal-plastik.

Uża u armi
Kemm aktar prodotti llum sirna nużawhom darba biss u narmuhom? Ikollna festa; tazzi tal-plastik, platti tal-plastik, frieket, skieken, magħref u kuċċarini tal-plastik. Kollox għar-rimi wara darba.

Ir-raġel ma kienx juża x-xafra tal-leħja li tużaha u tarmiha imma kien ikollu dik li konna nsejhu shaving razor li tinbidlilha x-xafra biss u mhux tintrema kollha kemm hi bħax-xfafar li qed nużaw illum. Anzi tgħid xejn, daħlet il-moda li l-irġiel iħallu d-daqna, jekk xejn din qed tnaqqas xi ftit mill-probelma tar-rimi tal-plastik.

U meta konna għadna tfal aħna, il-ħobż tagħna kien ikun imgeżwer f’karta strazza u poġġut f’xi borża tal-karti kannella. U anke l-iskart kien aktar nadif. Illum nitfgħu l-iskart tagħna f’borża tal-plastik, bajda, sewda. ħadra jew griża, insomma hi ta’ liema lewn hi, xorta tibqa’ tal-plastik. Dari ma konniex nisseparaw l-iskart imma konna nitfgħu kollox fil-barmil taż-żibel, imdawwar bil-karti gazzetti. Meta kien jgħaddi t-trakk taż-żibel kien ibattal il-barmil u jħallih vojt wara bieb dak li jkun. Barmil bħal dan kien iservi snin mhux bħall-borża li tintuża darba biss. Imma lanqas nimmaġina li llum jekk toħroġ barmil bħal dan ser terġa’ ssibu vojt wara biebek. Nemmen li jintrema b’kollox!

Mhux dan biss
Nista’ nibqa’ sejjer b’litanija sħiħa ta’ oġġetti li llum huma tal-plastik u nużawhom u narmuhom. Ftakru li sa nofs seklu ilu, u anqas ukoll, l-istorja ma kinitx hekk. Mela ma nwaħħlux f’dawk ta’ qabilna u ngħidu li ħallewlna dinja mimlija plastik li ma jinqeridx bin-natura imma nammettu li konna aħna stess li ġibna din is-sitwazzjoni b’idejna.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon -  28 ta' Settembru 2019


venerdì 20 settembre 2019

Issa li l-festi ntemmu!


Ix-xhur li fihom aħna l-Maltin niċċelebraw il-festi tradizzjonali tagħna wasal fi tmiemhom ukoll. Tabilħaqq li issa jibdew isiru għadd ta’ festi oħrajn f’kappelli rurari jew festi sekondarji fil-parroċċi tagħna, imma l-kbir għadda. Issa d-daħna tal-murtali ma għadiex tidher u lanqas għadna nisimgħu it-tfaqqiegħ u t-tkarwid tan-nar. Issa l-armar tat-toroq reġa’ sab ruħu fil-maħżen biex issirlu xi tiswija u jintrefa’ għal sena oħra. Id-damask inqala’ minn postu, tfarfar, intewa u reġa’ tpoġġa fil-kxaxen tas-sagristija. L-apparat tal-fidda li nużaw fil-festa kollu tpoġġa f’postu fit-teżor tal-knisja. Issa s-sakra li skirna fil-marċ tal-festa għadditilna u erġajna nħossuna f’sensina u nistgħu nirraġunaw. Kollox juri li l-festi għaddew u ladarba għaddew nistgħu nagħtu ħarsa lura lejhom u naraw x’għamilna tajjeb u x’għamilna ħażin. 

Kemm smajna kummenti
Storja li tirrepeti ruħha kull sajf hi dik li bosta jgorru dwar xi aspett tal-festi Maltin. Fuq nett tal-lista tal-ilmenti nsibu n-nar. Biex ngħidu d-dritt tassew li għad għandna min jeseġera xi ftit, imma jkollna ngħidu wkoll li fejn għexieren ta’ snin ilu, in-nar naqqas mill-istorbju tiegħu. Illum sirna naraw spettakli piromużikali ta’ livell tassew għoli. Rajt spettakli bħal dawn barra minn Malta, imma nistqarr li dawk ta’ pajjiżna jissuperaw lil dawk li rajt jien lil hinn minn xtutna. Jekk inhu hekk, min jaf jekk tkunx idea tajba li ninvestu aktar f’piroteknika mal-mużika u nnaqqsu l-murtali tal-bomba? B’hekk nemmen li jonqsu l-kummenti negattivi kontra l-festi.

Ding dong
Garr ieħor isir kontra d-daqq tal-qniepen. Filwaqt li nifhem li min joqgħod qrib ta’ xi knisja għandu dritt għall-mistrieħ, ngħid ukoll illi dan id-daqq ma jsirx is-sena kollha. Ġimgħa f’sena għandna mhux nissaportuhom imma nieħdu gost bihom. Jekk taħseb dejjem fin-negattiv żgur li l-ħoss tal-qniepen idejqek imma jekk tipprova tifhem li d-daqq tagħhom qed iwassal messaġġ, il-ħoss tibda tieħu gost bih.

Sweet Caroline
Il-marċi tal-festa wkoll huma punt fejn nisimgħu bosta kritika negattiva dwarhom. Nistqarr li bosta drabi min jikkritika lil dawn il-marċi jkollu raġun. Qed nesegeraw; fil-ħin, fix-xorb, fil-kummiedji żejda. Wara l-marċ bosta każini u ħwienet qed ikomplu jiċċelebraw billi jibqgħu miftuħin b’żgħażagħ jixorbu. Rajt b’għajnejja stess żgħażagħ għadhom jixorbu waqt li mill-knisja tkun ħierġa l-purċissjoni. It-tul ta’ ħin għax-xorb ma jsirx biss f’jum il-festa imma wkoll wara l-marċi ta’ fost il-ġimgħa. Kont f’lokalità għall-festa dan is-sajf. Iddeċidejt li nieħu l-vakanzi tas-sajf tiegħi f’dan il-post fil-ġimgħa tal-festa. Wara l-marċ iż-żgħażagħ jinġabru fil-każin għall-party, biex issa mhux ikantaw mal-marċi tradizzjonali imma jgħajtu mad-diska  Sweet Caroline! Il-marċ jispiċċa fil-ħdax ta’ billejl, imma l-party tal-kazin beda jdum sat-tlieta ta’ filgħodu, bi storbju eseġerat li ma jħalli lil ħadd jorqod. Ma ssaportejtx u tlaqt lejn id-dar għall-kwiet! Possibbli li wara marċ ta’ tlett sigħat irridu nagħmlu party ta’ erbgħa sigħat? Il-liġi li fil-ħdax ta’ filgħaxija jrid jieqaf l-istorbju għadha teżisti. Jekk iva żgur mhux qed tiġi mħarsa.

Pedestalli u antarjoli
Issa la qed insemmi t-tgergir insemmi wkoll l-armar ta’ barra li jsir fil-festi. Bosta jgorru li minħabba fih in-nies ma tkunx tista’ tgħaddi minn fuq il-bankina. Hemm fejn għandhom raġun imma hemm fejn le. Fuq il-bankini ma narawx biss l-armar tal-festa imma naraw karozzi pparkjati, street furniture u anke xi arblu tad-dawl. Allura l-pedestall jagħtikom fastidju? Rajt pedestalli ġodda tassew oriġinali. Dawn jeħlu mal-ħajt u jħallu aċċess għall-pubbliku biex jgħaddi minn fuq il-banikina. La qed ngħid xi ħaġa pożittiva tajjeb insemmi fejn rajtha. Prosit lill-grupp tal-armar ta’ San Pawl il-Baħar ta’ din l-idea tajba. Kieku kienet xi ħaġa ħażina ma kontx ser insemmi l-post! U la qed insemmi l-pożittiv ma nistax ma nsemmix lid-Dumnikani tal-Birgu li mxew fuq il-passi tal-Ġorġjaniżi Qriema u qatgħu il-bżieżaq mill-festa tagħhom. Smajt li hemm festi oħrajn li jew qatgħu jew ser jaqtgħu il-bżieżaq biex jitħares l-ambjent.

Dawn huma xi punti li jsir wisq tgergir dwarhom. Tajjeb li naħdmu fuqhom u ,mhux jekk naraw xi kitba dwarhom ngħidu “Ħalluna ngawdu” jew “Go back ta’ your country”. Ejjew intejbu u nirrangaw. Il-kritika mhux dejjem tkun distruttiva, minnha nistgħu nitgħallmu u nitjiebu.

Xi qrajt
Qrajt li bħalissa l-Għaqda Każini tal-Banda għaddejja bi proċess biex il-festa Maltija tiġi tagħmel parti mill-inventarju nazzjonali tal-wirt intanġibbli. Jekk din it-talba tiġi milqugħa allura il-pass li jmiss  ikun li ssir applikazzjoni mal-UNESCO biex il-festa Maltija ssir wirt intanġibbli dinji. Tajjeb naraw naqra l-kelma INTANĠIBBLI xi tfisser qabel xejn. Din tfisser li ma tkunx tista tintmiss, issir wirt mhux biss ta’ pajjiżna imma anke tad-dinja kollha. Imma kemm verament il-festa Maltija baqgħet ma ntmissitx? Inkunu sinċiera magħna nfusna. Il-festa Maltija evolviet imma fl-evoluzzjoni tagħha daħlu xi elementi li xejn ma għandhom x’jaqsmu magħha anzi qed jagħmlulha ħafna ħsara.
Tajjeb li issa li għaddew il-festi npoġġu ftit fil-kwiet u nagħmlu evalwazzjoni tagħhom, evalwazzjoni serja u imparzjali.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon -  21 ta' Settembru 2019


venerdì 13 settembre 2019

Bologna




Il-belt hekk imsejħa Capo Luogo tar-reġjun tal-Emilia Romagna fl-Italja hija Bologna. Sa ftit snin ilu ftit kienu dawk li jżuru din il-belt bħala turisti għax minkejja li hija belt li fiha ħafna x’tara, aktar kienet imfittxija għall-kummerċ kif ukoll għall-istudji billi fiha għadd ta’ universitajiet. Minn xi snin ’l hawn il-comune ta’ Bologna beda jħajjar aktar turisti lejn beltu. Mhux diffiċli tasal Bologna minn Malta. Illum minn pajjiżna wieħed jista’ jsib titjiriet diretti għall-ajruport ta’ Bologna li jinsab biss ftit kilometri bogħod miċ-ċentru tal-belt. Minn Ruma wieħed jista’ jasal hemmhekk bil-ferrovija f’madwar sagħtejn filwaqt li minn Milan hemm ferroviji li jwassluk f’madwar siegħa.

Iċ-ċentru
Piazza Maggiore u San Petronju
Minkejja li Bologna hija belt kbira, iċ-ċentru storiku tagħha huwa ta’ qies li wieħed jista’ jżuru sewa anke bil-mixi. Iċ-ċentru ta’ kollox hija pjazza hekk imsejħa Maggiore. F’din il-pjazza nsibu l-akbar knisja ta’ Bologna u waħda mill-akbar tad-dinja, iddedikata lil San Petronju. Dan il-qaddis ftit li xejn huwa magħruf barra din il-belt għaliex kien isqof ta’ Bologna li reġa’ bena lil din il-belt wara li kienet twaqqgħet fuq ordni ta’ Teodosju I. F’din il-bażilika nsibu għadd ta’ affreski imma hemm wieħed li llum huwa meqjus xi ftit kontroversjali. Dan juri il-ġudizzju universali u fih jidher Mawmettu jinbela’ mix-xitan. Illum lanqas tgħaddi minn moħħ ħadd li ssir pittura bħal din, imma rridu nifhmu ż-żmien li fih tpittret.  Din il-pjazza hija l-istess waħda li għaliha il-kantant minn Bologna Lucio Dalla kiteb u jkanta l-kanzunetta Piazza Grande.

Ma’ din il-pjazza kbira nsibu tmiss pjazza oħra, imsejħa Piazza del Nettuno. Din ħadet dan l-isem minħabba l-funtana li hemm f’nofsha li turi lil dan l-alla tal-baħar. Kif toħroġ minn din il-pjazza fuq naħa tara iż-żewġ torrijiet magħrufin mal-belt. Huma żewġ torrijiet simbolu ta’ Bologna. L-itwal wieħed huwa għoli 97 metru u kwart: l-itwal torri fl-Italja. It-torri ta’ ħdejh huwa iqsar u huwa mmejjel u huwa twil 48 metru. It-torri t-twil huwa miftuħ għall-pubbliku u wieħed jista’ jitla jara veduta mill-isbaħ ta’ din il-belt. Jekk ma tersaqx lejn it-torrijiet u tibqa’ fit tarf ta’ Piazza del Nettuno fuq quddiem tara triq mimlija ħwienet u n-naħa l-oħra jieħdok lejn Via del Pratello.

Minn hawn wieħed jista’ jmur fejn tixtieq qalbu. Jista’ dak li jkun imur iżur xi wħud mill-knejjes sbieħ li nsibu f’din il-belt, jew xi mużew milli hemm. Minn iħobb ix-xiri għandu Via dell’Indipendenza mimlija ħwienet li jbigħu dak kollu li wieħed jista’ jixtieq. Fit-tarf ta’ din it-triq, fi Piazza 8 Agosto jarma suq miftuħ. Minkejja li dan huwa suq li jiġbed ħafna nies, ma ssibx fih dik il-geġwiġija li tistenna, anzi ssib kollox ordnat u ftit li xejn storbu. Min iħobb il-ħruġ filgħaxijiet allura jista’ jżur Via del Pratello u jgħaddi lejl mill aqwa f’ambjent ferrieħi. Billi Bologna hija belt universitarja ma jistax jonqos li f’dawn il-postijiet wieħed jara l-preżenza ta’ ħafna żgħażagħ.

Qaddisin
S. Katerina ta' Bologna
F’Bologna insibu rabta speċjali ma’ żewġ qaddisin. San Duminku  minkejja li twieled fi Spanja, miet u ndifen f’Bologna. Hemmhekk insibu knisja kbira ddediakta lil San Nikola u fiha hemm kappella b’bosta opri tal-arti fejn hemm il-qabar ta’ dan il-qaddis. Jekk tkun sejjer hemm issaqsi lil ħadd għall-knisja ta’ San Nikola imma staqsi għall-knisja ta’ San Duminku għax kulħadd hekk jafha u kulħadd hekk isejħilha.

Qaddisa oħra li ġisimha ma jinstabx wisq bogħod mill-knisja ta’ San Duminku hija Santa Katarina ta’ Bologna. Din kienet soru tal-kalwsura, magħrufa għall-qdusija, kienet kittieba u anke pittret xi kwadri. Ġisimha baqa’ ma tmermirx u sal-lum wieħed għadu jista’ jaraha fil-knisja tal-monasteru msejjaħ Corpus Domini. Tajjeb ngħidu li dini s-soru qaddisa mietet fl-1463.

Il-mejda
Mortadella ġganteska
Bħal kull belt oħra, Bologna għandha l-kċina tagħha. Ħafna jassoċċjaw iz-zalza Bolognese ma’ din il-belt, imma hawnhekk dik iz-zalza tissejjaħ ragù, bħalma jsejħulha fi nħawi Taljani oħra wkoll. Sinonimi mal-belt huma t-tortellini. Hawn wieħed isib verjetajiet ta’ toretllini, mimlijinbil-ġobon jew bil-laħam. Issib anke qisien differenti ta’ tortellini. Il-mortadella wkoll hija prodott tipiku ta’ Bologna u min ikun għaddej mit-toroq ta’ bejn Piazza Maggiore u Via Castiglione jkun jista’ jgawdi minn spettaklu ta’ ikel tradizzjonali fosthom il-mortadella li ġieli tara minnha eħxen minn 30 ċentimetru.

Il-ġelat ta’ Bologna huwa xi ħaġa meraviljuża. Jien ma nistax ngħid li nħobb il-ġelat, imma ġelat ta’ Bologna nibdlu ma’ kollox.

Bologna hija belt li ta’ min iżurha. Fiha vantaġġ minabba li tista’ tgħid li t-toroq kollha fihom il-loġoġ, għalhekk kemm fix-xemx kif ukoll fix-xita u kważi kważi anke fis-silġ, wieħed jista’ joħroġ bla nkwiet ta’ xejn.

Bologna hija belt li toffri ħafna lil min iżurha!

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon -  14 ta' Settembru 2019



venerdì 6 settembre 2019

X’kunjomok?


Illum meta xi ħadd jistaqsina isimna b’mod uffiċċjali dlonk inwieġbu billi nagħti l-isem li tawna l-ġenituri tagħna fi twelidna u dlonk inżidu l-kunjom tal-familja. L-isem ta’dak li jkun kien jingħata lill-bniedem sa mill-eqdem żminijiet, hekk pereżempju nsibu l-istorja tal-ħolqien tad-dinja fil-Bibbja u fil-Quran li l-ewwel bnedmin kellhom ukoll isem: Adam u Eva, minkejja li ma kellhomx wisq bżonnu. Iżda l-kunjom mhux antik bħall-isem. L-użu tal-kunjom daħal bil-mod fid-dinja u minkejja kollox, illum għadna nsibu xi kulturi li għadhom ma jużawhx.

Fi żmien ir-Rumani u wara
Fl-Ewropa l-użu tal-kunjom sar popolari fi żmien lmperu Ruman. Ovvjament il-kunjom kien jingħata liċ-ċittadin u mhux lill-iskjav. Billi dan l-imperu kellu taħt idejh ix-xatt tal-Mediterran kollu, din id-drawwa infirxet ukoll f’dawk l-inħawi li kienu jitmexxew minn Ruma. Mal-waqgħa ta’ dan l-imperu storiku, l-Ewropa għaddiet minn żmien ta’ taqlib. Daħlu fiha l-popli Ġermaniċi, il-Persjani u popli oħra bi drawwiet differenti minn dawk ta’ Ruma u f’dawn iż-żminijiet il-kunjomijiet ma baqgħux jintużaw.

Hawn jiġini f’moħħi ħsieb. Min jaf x’kien kunjomu San Ġużepp u għalhekk awtomatikament Ġesù? Min jaf San Pawl x’kunjom kellu minkejja li l-ittri tiegħu qatt ma ffirmahom bil-kunjom ukoll? U min jaf x’kien kunjomu San Publju li laqa’ lil Pawlu f’Malta tagħna?

Fi żmien il-Medjuevu il-kunjom reġa’ beda jintuża. Aktarx li l-kunjom issa beda jindika x’mestier jagħmel dak li jkun, jew minn fejn ikun jew anke x’fiżjonomija jkollu. Dawn, jista’ jkun li aktar kienu laqmijiet milli kunjomijiet iżda kienu huma li welldu l-kunjomijiet li nużaw illum.
Tajjeb ngħidu li fiċ-Ċina l-kunjom ilu jintuża sa madwar seklu qabel Kristu. Insomma ċ-Ċina dejjem kienet dinja differenti minna!

Jintiret
Il-kunjom jintiret mill-ulied. Normalment l-ulied jingħataw il-kunjom tal-missier. F’Malta sa ftit snin ilu il-mara kienet tieħu kunjom żewġha maż-żwieġ. Illum din tista’ żżomm kunjomha jew inkella saħansitra tati kunjomha lil żewġha. Meta fit-twelid, il-missier ma jkunx magħruf jew ma jaċċettax lit-tarbija, il-wild jingħata kunjom l-omm.

Illum maż-żwieġ, il-mara u r-raġel jiddeċiedu liema kunjom se jżommu. Koppja ħabiba tiegħi iżżewġet, hu kunjomu Galea u hi l-istess. Meta marru r-reġistru pubbliku biex jirreġisteraw iż-żwieġ tagħkom riedu jkunu jafu jekk hi kinitx se tieħu kunjom żewġha jew tibqa’ b’kunjom xbubitha. Qaltilhom li Galea kienet u Galea se tibqa għax hi u żewġha għandhom l-istess kunjom. Insistew li trid tiddeċiedi u għalhekk qaltilhom li se tieħu kunjom il-qassis li kien ser iżewwiġhom, li nzerta Galea wkoll!

Kunjomijiet Maltin
Bħal kull ċiviltà jew ġens ieħor, aħna l-Maltin għandna l-kunjomijiet tagħna. Il-kunjomjiet Maltin nistgħu niddividuhom fi tlieta: dawk li ġejjin mid-dinja Semitika, mill-Għarbi jew mil-Lhudi, dawk li ġejjin mid-dinja Romanza, mit-Taljan jew Sqalli, mill-Franċiż u l-Ispanjol u mbagħad hemm kunjomijiet li daħlu f’pajjiżna minħabba l-kolonjaliżmu, kunjomijiet Ingliżi, Skoċċiżi jew Irlandiżi.
Minkella li f’Malta nsibu aktar minn dsatax-il elf kunjom differenti, tliet kwarti tal-Maltin għandhom l-istess mitt kunjom. Kwart mill-poplu Malti kollu għandi l-istess għaxar kunjomijiet, allura ovjament huma l-aktar kunjomijiet popolari. Tajjeb insemmuhom dawn l-għaxar kunjomijiet l-aktar popolari f’artna: Borg, Camilleri, Vella, Farrugia, Zammit, Galea, Micallef, Grech, Attard, Spiteri u Azzopardi. Il-kunjomijiet ta’ pajjiżna evolvew bħal kunjomijiet oħra. Xi ismijiet ta’ rħula saru kunjomijiet, bħal Asciak, Attard, Balzan, Curmi, Lia u Valletta. Mhux hekk biss, xi ismijiet ta’ bliet barranin ukoll saru kunjomijiet Maltin bħal Cremona, Messina, Catania, Avellino, Trapani u Salerno. Formosa huwa l-isem antik tal-gżira ta’ Taiwan filwaqt li Muscat huwa l-isem tal-belt kapitali ta’ Oman. Iżda dawn l-aħħar żewġ kunjomijiet ma’ għandhom xejn x’jaqsmu la mal-gżira qrib iċ-Ċina u lanqas mal-kapitali tas-Sultanat Għarbi.

Ċerti kunjomijiet imbagħad huma marbutin ma’ rħula jew bliet partikoli. Jekk issemmi lil Abdilla, jiġi f’moħħok Ħal Safi u l-inħawi, jekk imbagħad tgħid li kunjomok Aquilina jassoċċjawk mas-Siġġiewi. Bezzina huwa popolari ħafna fir-raħal ta’ Ħal Għargħar u Vella fil-Mellieħa. Għawdex għandu kunjomijiet sinonimi miegħu bħal ngħidu aħna Rapa, Meilak u Debrincat.

Lil hinn minn xtutna
Il-kunjomijiet tagħna inxterdu mad-dinja minħabba l-emegrazzjoni ta’ bosta Maltin, imma hemm xi kunjomijiet li lanqas taħsibha li huma aktar popolari barra minn xtutna milli f’artna. Pereżempju il-kunjom Zahra huwa popolari fostna, imma hemm pajjiżi li fihom dan il-kunjom huwa aktar mifrux milli f’Malta. F’Malta hawn madwar elf u sitt mitt persuna b’dan il-kunjom imma fil-Pakistan hemm kważi tmenin elf ruħ li kunjomhom huwa Zahra. Bħal dan hemm xi wħud oħrajn ukoll għalkemm ftit ħafna.

Ilum rajna xi ħaġa żgħira dwar it-tieni isem tagħna, il-kunjom, dak li ġieli nsejħulu l-isem tal-familja. Hemm wisq aktar x’tgħid!

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon 7 ta' Settembru 2019