venerdì 25 ottobre 2019

Tifkira kerha ta' 40 sena ilu


Aħna l-bnedmin għandna fakultà, bħal bosta annimali oħra, li nsejħulha memorja, fakultà li tfakkarna f’dak li seħħ minna xi żmien ilu. Dak li għadda jkun għadda u jibqa’ biss minnu tifkira, memorja, ħsieb u xejn inqas u xejn aktar, imma din it-tifkira tista’ tibqa’ ċara f’moħħna tul ħajjitna kollha. Tifkira tista’ tkun sabiħa u tista’ tkun kerha wkoll. Dan l-aħħar ġiet f’moħħi tifkira kerha ta’ ġrajja li seħħet sewwasew erbgħin sena ilu.

25 ta’ Ottubru 1979
Kien il-jum tal-Ħamis. Jiena  kont fir-raba’ sena tal-iskola sekondarja. Sa sentejn qabel nhar ta’ Ħamis ma kienx ikollna skola u jkollna nofstanhar is-Sibt imma minn sentejn ’l hawn beda jkollna skola l-Ħamis. Kont immur il-Kulleġġ Missjunarju ta’ San Pawl jew kif konna nsejħulu Sant’ Agata fir-Rabat. Konna ilna aktar minn xahar li bdejna is-sena skolastika, kollox kien normali dakinhar sakemm waranofsinhar bdiet nieżla x-xita. Xejn speċjali billi tinżel ix-xita imma għall-ħabta tal-erbgħa donnu dalam u x-xita żdieded. Aħna konna nispiċċaw mill-iskola fl-erbgħa u nofs. Ħriġna mill-iskola bil-ġiri u dħalna fil-karozzi tal-linja li kienu jintużaw bħala privates biex iwassluna lura lejn id-dar. Ix-xita kompliet tiżdied u xħin qbiżna s-Saqqajja u bdejna n-niżla ’l isfel sibna li xi knaten miċ-ċint tas-Saqqajja kienu waqgħu bil-maltemp u ma stajniex ngħaddu. Jien kotn il-prefect tal-private u għalhekk offrejt li ma’ xi oħrajn ninżel inwarrab il-ġebel min-nofs biex inkomplu triqitna lejn id-dar. Għadni niftakar l-ilma jgelgel bis-salt minn mal-ġenb tat-triq, nieżel b’saħħa tal-għaġeb u fi kwantità kbira. Bl-għajnuna t’Alla għaddejna minn dil-biċċa.

Il-wied ta' Ħal Qormi wara l-maltempata
Ġbidna lejn Ħaż-Żebbuġ, ix-xita ma waqfet xejn. Konna diġà ttardjajna xi nofs siegħa fejn is-soltu u kif jgħid il-Malti; ix-xitan m’għandux ħalib imma jagħmel il-ġbejniet, f’nofs it-triq ta’ Ħaż-Żebbuġ nieħdu puncture u x-xufier f’dik ix-xita kellu jibdel ir-rota tax-xarabank. Nofs siegħa oħra taħt xita nieżla bil-qliel. Sadanittant kien dalam b’ruħ ommu u missieru minkejja li kienu għadhom xi ftit qabel is-sitta ta’ filgħaxija. Bit-twila u l-qasira waslana Ħal Qormi, ir-raħal tiegħi. Waqaft bħas-soltu fejn il-Vitorja u bdejt nieżel lejn id-dar tagħna li  ma kinitx wisq bogħod mill-wied. Tista’ taħseb x’sibt! Ilma li qatt ma rajt bħalu,. X’nasal id-dar! Kelli nieqaf ftit għexieren ta’ metri bogħod mid-dar sakemm wara xi ħin taffiet ix-xita, l-ilma beda jbatti minn ġot-triq u nilmaħ lil ommi ġejja tfittixni. Kont se ninża ż-żarbun u l-kalzetti. Għalfejn? Għasra kienu, xi tridni ninża? Wara xi tliet siegħat jew aktar wasalt id-dar.

Effetti
Ix-Xlendi wara l-maltempata
Dak il-jum jibqa’ f’moħħ min għexu bħalma għixtu jien. Kien hemm erba’ vittmi li tilfu ħajjithom dakinhar kawża tal-maltemp, tnejn Maltin u tnejn barranin. Bosta karozzi nġarru bl-ilma. Saret ħafna ħsara.

Għadni niftakar il-jum ta’ wara ma mortx skola. Fejn trid tmur? Kullimkien diżastru donnu għadu kif seħħ xi ħbit tal-għadu. Knaten u ġebel f’nofs ta’ triq, karozzi mkissrin li ngarrew mill-ilmijiet, ħitan imwaqqgħin u dak kollu li tista’ timmaġina. Djar kollhom tajn li nġarr mill-ilma bdew jiġu mnaddfin. Id-dar tagħna ma kienx daħal ilma għax kellna l-għatba għolja imma d-dar tan-nanna li kienet toqgħod ftit ’l isfel minna kienet saret baħar u għalhekk tajna daqqa t’id fit-tindif.

Fi ftit kliem nistqarr li kienet l-agħar maltempata li qatt rajt f’ħajti. Biex ngħid id-dritt, f’dik li seħħet fi Frar li għadda, li ħalliet ħsarat enormi f’Malta, jiena inzertajt imsiefer!

Parentesi
Hawn nixtieq nagħmel parentesi biex naqsam magħkom ħsieb li jippreokkupani kultant. Jien m’iniex perit imma naħseb li għandi raġun.

Dik il-maltempata saret erbgħin sena ilu. Illum Malta nbidlet, ir-raba’ naqas ħafna u għalhekk kieku kellha ssir maltempata bħala issa nibża’ li l-effett ikun agħar. Inbnew ħafna djar ġodda u xi djar li nbnew minn erbgħin sena ilu ’l hawn twaqqgħu u saru appartamenti filwaqt li l-katusi tad-drenaġġ tat-triq baqgħu l-istess meta r-residenti żdiedu. Tajjeb li l-awtoritajiet jaħsbu fuq din il-ħaġa wkoll għax minkejja li tidher li hija xi ħaġa zgħira, fil-verità tista’ tikkawża l-inkwiet.

Tifkira
Triq l-Għargħar Ħal Qormi, illum
Illum fil-wied ta’ Ħal Qormi insibu triq li tfakkar din il-maltempata kerha li ħakmet lil gżiritna fl-1979. Din jisimha Triq l-Għargħar 1979. Dak iż-żmien din it-triq ma kinitx teżisti u kien hemm biss ħajt tas-sejjieħ idawwar ir-raba’. Illum lanqas metru kwadru ħamrija ma fadal f’dak il-post, baqa biss isem it-triq li tfakkar x’kien seħħ dakinhar.

Ġriet bija l-memorja, dehru qishom qed iseħħu issa quddiemi, propju issa jiena u nikteb, dawk ix-xeni ta’ twaqqiegħ, ta’ ilmijiet, ta’ tkissir, li dak iż-żmien għalina kienet avventura imma llum ikolli ngħid li hija biss tifkira kerha ta’ traġedja li seħħet f’Malta erbgħin sena ilu.

Fr Reno Muscat



Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 26 ta' Ottubru 2019




sabato 19 ottobre 2019

Bernardette Soubirous


Min dan is-sajf mar xi pellegrinaġġ Lourdes, żgur li ntebaħ li din is-sena hemmhekk qegħda tiġi ċċelebrata sena ddedikata lil Santa Bernartette Soubirous għaliex propju din is-sena taħbat il-mija u għoxrin sena mill-mewt tagħha. Nemmen li kulħadd jaf min hi din il-persuna imma forsi dwarha nafu ftit, nafu li kellha d-dehriet mingħand il-Madonna ġewwa l-grotta ta’ Massabielle f’Lourdes fi Franza u xejn aktar. Hemm ħafna aktar x’wieħed ikun jaf dwar din il-qaddisa.

Il-familja
Missier Bernardette kien François li bħala xogħol kien jaħdem f’mitħna tal-qamħ fil-qalba tar-raħal ta’ Lourdes. Jingħad li riedu jgħarrsuh, bil-ħsieb li ’l quddiem jiżżewġu, lil ċerta xebba ta’ mparu bl-isem ta’ Bernarda Casteròt , imma huwa tefa’ għajnejh fuq oħtha ż-żgħira li kien jisimha Louise u minn hemm u minn hawn iżżewweġ lil min xtaq. Kien id-9 ta’ Jannar tas-sena 1843 meta dawn it-tnejn ingħaqdu fis-sagrament taż-żwieġ Min dan iż-żwieġ twieldu disat itfal: il-kbira Bernardette sewwasew jumejn qabel l-ewwel anniversarju taż-żwieġ ta’ din il-koppja, Jean li twieled fis-sena 1845 u miet ftit wara t-twelid, Toinette fl-1846, Jean-Marie li twieled fl-1848 u miet fl-1851 meta twieled tifel ieħor u ssemma wkoll Jean-Marie. Fl-1855 twieled Justin u l-1859 ġie fid-dinja Pierre. Jean ra d-dawl tad-dinja fl-1864 iżda miet ta’ ftit xhur filwaqt li l-aħħar tarbija kienet Louise li twieledet fl-1866 iżda mietet tat-twelid.

Il-familja kienet toqgħod fil-mitħna fejn kien jaħdem il-missier, proprju fil-qalba tar-raħal tal Lourdes. Ix-xogħol tad-dħin tal-qamħ kien importanti ħafna għaliex id-dqiq kien l-aktar ingredjent importanti fil-ħajja tal-poplu ta’ dak iż-żmien. Il-magni industrijali ġabu sfortuna għall-François Soubirous u l-familja tiegħu. Issa d-dħin beda jsir bil-magni u għalhekk il-prezz tad-dħin raħas u dawk li kellhom is-sengħa tad-dħin u kellhom ukoll l-imtieħen spiċċaw bla xogħol. L-istorja dejjem l-istess, kull progress fih prezz xi tħallas.

Billi l-missier spiċċa bla xogħol il-familja Soubirous kellha tħalli darha u sabet kenn f’kamra f’bini li qabel kien ħabs. Tant kien post degredanti li lanqas lill-ħabsin ma ħallew fih. U dan qed nitkellmu lejn tmiem is-seklu XIX mhux illum! Tistgħu timmaġinaw!

It-tifla
Bernardette kienet tifla marradija u moħħha ftit li xejn kien tajjeb għall-istudju. Kienet titkellem id-djalett tal-Pirinej, il-muntanji li jiffurmaw fruntiera naturali bejn Spanja u Franza. Bernardette ma kintix titkellem il-Franċiz minkejja li kienet Franċiża u lanqas l-Ispanjol minkejja li r-raħal tagħha kien qrib mhux ħażin ta’ Spanja. Kienet titkellem id-djalett ta’ dawn l-akwati imsejjaħ l-Oċċitan. Fil-fatt meta Bernardette staqsiet lis-Sinjura li kellha d-dehriet tagħha, min kienet, din weġbitha: “Que soy era immaculada concepciou” li tfisser “Jiena l-Immakulata Kunċiżżjoni” bl-ilsien jew djalett Oċċitan.  Kienet ħaġa normali li t-tfal, u allura anke l-kbar, għax it-tfal jikbru, jitkellmu biss l-ilsien jew id-djalett li jitkellmu sħabhom, il-familjari tagħom u kull bniedem qrib tagħhom.

Soru
Meta Bernardette telqet mir-raħal li fih twieldet u għexet tfultiha, marret f’Nevers u dħalet soru. Ħajjitha xejn ma kienet faċli hemmhekk. Il-kongregazzjoni li daħlet magħhom Bernardett kienet imwaqqfa proprju f’Nevers fl-1680 mill-patri Benedittin Jean-Baptiste Delaveyne. Hija għexet fil-kunvent li kien waqqaf il-fundatur fejn tgħallmet tikteb u taqra. Is-sorijiet ta’ din il-kongregazzjoni jissejħu Sorijiet tal-karità. Il-viżjonarja ta’ Lourdes serviet f’dan il-kunvent bħala infermiera u fih mietet ukoll nhar is-16 ta’ April 1879 fl-għomor ta’ 35 sena. Il-fdalijiet tagħha għadhom miżmumin hemmhekk minkejja li n-numru ta’ sorijiet fih kull ma jmur qiegħed jonqos. Ladarba tmut l-aħħar soru min jaf x’jiġri mill-ġisem ta’ Santa Bernardette Soubirous li jinsab f’urna tal-ħġieġ għax baqa’ ma tmermirx? Nistennew u naraw. Hemm min isostni li għandu jittieħed ġewwa Lourdes għax hemm twieldet u hemm rat lill-Madonna. Il-kunvent ta’ Nevers illum inbidel u ssemma Espace Bernadette-Soubirous-Nevers. Hemmhekk bosta volontiera mal-ftit sorijiet li fadal imexxu l-post u jxerrdu d-devozzjoni lejn din il-qaddisa.

Artista bla ma taf
Il-ġrajjiet li seħħew fir-raħal ta’ Lourdes fis-sena 1858 kienu suġġett għal għadd ta’ films jew produzzjonijiet teatrali. Fis-sena 1909 ħareġ l-ewwel film dwar id-dehriet, film qasir iżda informattiv. The Miracle of Lourdes u The Song of Bernardette huma tnejn mill-għexieren ta’ films li jirrakkuntaw il-ġrajjiet li seħħew fil-post. Bosta rappreżentazzjonijiet teatrali jirrakkuntaw ukoll dawn il-ġrajjiet, rappreżentazzjonijiet li anke lokalment ġieli rajna minnhom. Bħalissa wkoll għaddejja musical bl-isem Bernardette de Lourdes - Why Me? Din ir-rappreżentazzjoni mużikali hija tal-ogħla livell u fiha jieħdu sehem bosta artisti ta’ fama kbira. Bernaredette saret artista bla ma taf.

Dan huwa ftit mill-ħajja ta’ din il-qaddisa li qed niċċelebraw il-140 sena minn mewtha, ftit tagħrif li mhux kuħadd jafu.

Fr Reno Muscat


Dan l-artiklu deher f'In-nazzjon - 19 ta' Ottubru 2019

mercoledì 16 ottobre 2019

Qrun


Missirijietna kienu jemmnu bl-għajn il-ħażina. Kienu jemmnu li hawn min b’ħarsa jista’ jagħmillek id-deni, jemmnu li hawn min għandu qawwa li jagħmel il-ħsara b’sempliċiment daqsxejn ta’ ħarsa. Ma rridx inkun jien li ngħid jekk din il-ħaġa hix minnha jew le, biss min jemmen bl-għajn bosta drabi jsostni dan it-twemmin minħabba li xi darba ġralu xi ħaġa wara li rah jew kellmu xi ħadd. Kollox jista’ jkun u min hu mġarrab ma tlumux jekk jemmen li xi darba kienu għajnuh.

Kontra l-għajn bosta jemmnu li jaħdem sewwa l-qrun. Imma minn fejn ġej dan it-twemmin fil-qrun kontra r-risq il-ħażin?

Infittxu fil-Bibbja
Jekk inqallbu l-paġni tal-Iskrittura, speċjalment fit-Testment il-Qadim insibu bosta drabi din il-kelma. Fit-traduzzjoni Maltija nsibuha anqas imma nsibuha xorta. Il-kelma oriġinali, jiġfieri bil-Grieg hija κέρας, (tinqara: keras). Fl-Evanġelju skont  San Luqa nsibu dak li bosta jsejħulu l-Benedictus jew il-kantiku ta’ Żakakrija (Lq 1:68-79) Fit-tielet linja ta’ dan l-innu nsibu l-kliem: “…u waqqaf għalina qawwa ta' salvazzjoni” (vers 69). Jekk naqraw dan il-vers bil-Ggieg insibu li l-kelma “qawwa” hija miktba bħala κέρας. Il-qarn huwa simbolu ta’ qawwa, ta’ poter u ta’ saħħa. Fil-fatt l-annimali muqrana jużaw qrunhom għall-ġlied u biex jipproteġu lilhom infushom jew lill-merħla tagħhom. Iċ-ċriev, il-bdabad l-imtaten u anke l-barrin kollha jistgħu jużaw il-qrun bħala arma meta jkunu jinsabu fil-periklu. Mela hawn naslu għall-konklużjoni li l-qrun huwa simbolu ta’ qawwa. Huwa għalhekk li min jemmen fl-għajn jagħmel il-qrun biex jinħeles minnha għax qrun huwa qawwa bħalma hija l-għajn.

Biex inkomplu ftit dwar il-qrejjen u l-Bibbja tajjeb ngħidu li fit-Testment il-Ġdid ftit li xejn insibuh imniżżel imma fl-Apokalissi nsibu l-bhima b’sebat irjus u sebat iqrun. In-numru sebgħa huwa meqjus bħala n-numru perfett u l-qarn bħala qawwa, mela din il-bhima tal-Apokalissi trid turi l-qawwa kbira tal-ħażen.

Għax-xorti tajba
F’bosta djar antiki u f’ħafna rziezet qabel kont issib imwaħħal qrun ta’ barri. Dan aktarx kien ikun fuq il-bieb ta’ barra minn ġewwa biex jekk dak li jkun jidħol fid-dar jew fir-razzett u jkollu xi intenzjoni ħażina, jew ikun jgħajjen, mill-ewwel isib il-qrun biex jissielet mal-qawwa ħażina li jkollu dan it-tali. Aktarx minn jidħol  mill-bieb lanqas jinduna bil-qrun għax jiġi wara dahru.

Pulcinella
Aħna l-Maltin nistghu nqisu rwieħna superstuzzjużi imma mhux daqs in-Naplitani. Dawn il-qrun għadhom jemmnu bil-qawwa tiegħu sal-lum u għadek issibu kważi ma kull mazz ċwievet, ġewwa kull karozza, f’kull dar u f’kull post ieħor. Qarn jista’ jkun risq tajjeb u f’din il-belt Taljana naraw kemm-il darba lil karattru ta’ Pulcinella b’kornukopja f’idu mimlija bil-muniti tad-deheb. Superstizzjoni u xejn aktar għax kienu l-qrun jgħamlek sinjur, kieku n-Naplitani kollha miljunarji!

Ma rridx hawnhekk ngħid li min jemmen bl-għajn bil-fors qed jiżbalja. Darba, meta kont għadni ngħix Bologna, kont ħiereġ mill-kunvent bir-rota. Liebes it-tack suit ovvjament, mhux ser nilbes ta’ patri fuq ir-rota! Waħda mara ġara ħarset lejja b’ħarsa biex ngħid hekk, dispreġġjattiva, donnha tkażat li patri joħroħ bir-rota. Intant bdejt naqdef biex immur fejn kont sejjer. Madwar għaxar minuti wara nieħu skoss u ttaqbitli r-rota ta’ quddiem.  Bil-qalb it-tajba kelli nerġa’ lura lejn il-kunvent bil-mixi inġorr ir-rota f’idejja. Meta wasalt dik il-mara kienet għadha hemm, fejn il-bieb tal-kunvent. F’qalbi ħassejt xi ħaġa tgħidli li kollu tort tagħha dak li ġrali. Tgħid kienet tgħajjen dik ix-xiħa? Tgħid laqtitni bl-għajn? Imma mbagħad bdejt naħseb li t-triq li kont għaddej minnha kienet miksija bil-ġebel taż-żonqor, kwadri, u mhux ħaġa kbira li xi waħda nqalgħet u b’hekk ħadt skoss u fqajt it-tubu tar-rota. Ħafif fil-piż miniex u allura tajjart il-ħsieb tal-għajn minn ġo moħħi. Biss wara, kull meta kont inkun ħiereġ bir-rota u jkun hemm dik is-sinjura xiħa tħares, kien ikolli aptit niftaħ żewġt iswaba forma ta’ qrun, imma le, mhux jien: reliġjuż! Mur ara xi skandlu nagħti jekk jarani xi ħadd nagħmel il-qrun lil xi ħadd.

Strument
Daqqaq tax-Xofar
Il-qrun jista’ wkoll isir strument mużikali. Il-Lhud għadhom dak li jsejħulu Xofar. Dan ma huwa xejn għajr qarn ta’ muntun li jindaqq qisu tromba. Fil-Bibbja bil-Malti nsibu dan l-istrument imsejjaħ tromba imma fil-verità huwa x-Xofar, imma jekk tikteb ismu proprju ħadd ma jkun jaf għal xiex qed jirreferi l-kittieb. Dan il-qarn kien jindaqq f’ċelebrazzjonijiet liturġiċi speċjali tal-fidi Ġudajka. Sal-lum għad hemm xi Lhud li jużaw dan l-istrument fil-liturġija tagħhom.

Il-qrun, tiskanta kemm hemm xi tgħid dwaru u tiskanta kemm għandu importanza fid-drawwiet, superstizzjonijiet kif ukoll fit-twemmin.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon 5 ta' Ottubru 2019




X'aħna żgħar


Kull meta aħna l-Maltin insiefru u nibdew naraw il-kobor ta’ pajjiżi li nkunu qed inżuru, aktarx nibdew nindunaw kemm pajjiżna huwa żgħir ħdejn dak li nkunu fihom. Kultant xi Maltin jaqtgħu qalbhom biex imorru jżuru xi post li jkun bogħod ngħidu aħna tliet sigħat sewqan. Għalina tliet sigħat huma wisq għax imdorrijja li fi ftit minuti, jekk ma ssibx traffiku, tasal minn ponta sa ponta ta’ Malta.
Ngħid għalija l-aktar pajjiż li meta żortu rrealizzajt bil-kobor enormi ta’ xi pajjiż kien l-Indja. Tagħmel vjaġġ ta’ ġurnata, għaxra jew tnax-il siegħa sewqan u meta tħares lejn il-mappa tal-post tara fuqha li tkun imxejn ftit millimetri. Meta naraw dan il-kobor spiss naħsbu li pajjiżna huwa l-iżgħar pajjiż fid-dinja, imma nkunu qed niżbaljaw għaliex jeżistu nazzjonijiet iżgħar minna. Pajjiżna jiġi l-għaxar pajjiż fid-dinja fiċ-ċokon. Ejjew naraw min huma dawk id-disa’ pajjiżi oħra li huma iċken minna.

Maldives
Dan il-pajjiż huwa arċipiergu ffurmat minn bosta gżira żgħar li jinsabu fl-Oċean Indjan. Dan huwa l-iżgħar pajjiż fl-Asja kemm mid-daqs kif ukoll mill-popolazzjoni. Minkejja li bħala art fiha 300 kilometru kwadru, il-firxa tal-ġżejjer li jiffurmawha hija kbira madwar 90 elf kilometru kwadru. Dan il-pajjiż kien kolonja tal-Potugall, l-Olanda u tal-Ingliżi u ħadu l-indipendenza fl-1965.


Saint Kitts and Nevis
Dan il-pajjiż huwa ffurmat minn żewġ gżejjer li jinsabu fil-Karibew. Bejniethom fihom 261 kilometru kwadu. Għal bosta snin dan il-pajjiż kien jgħix mill-esportazzjoni taz-zokkor. Illum jgħix mit-turiżmu. Bosta jżuru dan il-pajjiż biex jaraw il-ġmiel li hemm fil-qiegħ tal-baħar tiegħu. Dan l-istat sar wieħed indipendenti mir-Renju Unit fl-1983.



Marshall Islands
Dawn il-grupp ta’ gżejjer jinsabu fl-Oċean Paċifiku bejn il-Hawai u l-Awstralja. Fihom 181 kilometru kwadru. Dawn il-gżejjer ħadu l-indipendenza tagħhom mill-Istati Uniti fl-1979. L-industrija ewlenija ta’ dan l-istat hija l-agrikultura iżda f’dawn l-aħħar snin l-industrija tas-sajd kabbret l-ekonomija ta’ din ir-Repubblika.



Liechtenstein 
Sa issa semmejna pajjiżi mhux Ewropej. Dan huwa pajjiż li jinsab bejn l-Awstrija u l-Iżvizzera. Dan huwa l-uniku nazzjon li jinsab kollu fuq l-Alpi. Fih 160 kilometru kwadru. Dan l-istat huwa mmexxi minn prinċep. Il-Prinċipat ta’ Liechtenstein twaqqf fl-1719 imma nqata’ mill-Konfederazjoni Ġermaniża fl-1866. L-ekonomija tal-pajjiż hija waħda b’saħħitha minkejja li r-riżorsi naturali huma ftit. Fil-fatt jeżistu kumpaniji rreġsitarati f’dal-pajjiż aktar milli jgħixu nies fih!

San Marino
Nibqgħu l-Ewropa u hawnhekk insibu r-Repubblika ta’ San Marino, li fiha 61 kilometru kwadru. Din ir-repubblika hija meqjusa bħala l-eqdem repubblika fid-dinja u hija mdawra kollha kemm hi mir-Repubblika Taljana. Huwa maħsub li bħala territorju nqata għalih mill-Imperu Ruman fis-sena 301. L-ekonomija tal-pajjiż hija bbażata fuq l-agrikultura, il-banek u t-turiżmu. Hawn insibu li r-rata ta’ qagħad hija fost l-aktar baxxa fid-dinja.


Tuvalu
Nerġgħu mmorru fl-Oċean Paċifiku u nerġgħu nitkellmu fuq gżejjer. Tuvalu hija monarkija li tinsrab fil-Grigal tal-Awstralja. Sas-sena 1978 kienet kolonja tar-Renju Unit. Minħabba li dan l-arċipiergu jinsab kemmxejn il bogħod, ftit li xejn iżuruh turisti għalhekk jibbaża l-ekonomija tiegħu fuq l-agrikultura. Id-daqs tal-monarkija li fiha disa’ gżejjer fiha total ta’ 26 kilometri kwadri.

Nauru
Nibqgħu fil-Paċifiku u hawn insibu t-tielet l-iżgħar stat fid-dinja. Nauru hija l-iżgħar gżira stat fid-dinja, b’21 kilometru kwadru. Sal-1968 din il-gżira kienet f’idejn l-Awstralja, New Zealand u r-Renju Unit. Sa ftit snin ilu l-ekonomija ta’ din il-gżira kienet tiddependi mill-minjieri tal-fosfat iżda minħabba ċ-ċokon tal-gżira llum ftit li xejn fadal minjieri. Illum 95 ta’ dawk li jaħdmu fuq din il-gżira stat huma impejgati tal-gvern tal-post.

Monaco
Nerġgħu lura fl-Ewropa. Max-xatt tal-Mediterran tar-Repubblika Franċiża nibu dan il-prinċipat żgħir bl-isem ta’ Monaco. Dan il-prinċipat fih żewġ kilometri kwadri imma huwa kalamita għat-turisti. Il-prinċipat twaqqaf fl-1297 meta nqata’ mir-Repubblika ta’ Ġenova. Fih issir il-Grand Prix tal-Karozzi tal-Formula One u huwa magħruf għall-postijiet fejn wieħed jilgħab il-flus. Dan il-pajjiż huwa l-aktar wieħed dens fil-popolazzjoni madwar id-dinja kollha b’madwar 19-il elf abitant kull kilometru kwadru. It-turiżmu u l-logħob fil-casinos huma s-sorsi tal-ekonomija tal-pajjiż.

L-Istat tal-Vatikan
Sal-1929 dan l-istat ma kienx jeżisti. Twaqqaf wara trattat li seħħ bejn il-Knisja u r-Renju tal-Italja. Huwa stat żgħir imdawwar kollu kemm hu bis-swar fil-qalba tal-belt ta’ Ruma. Fih inqas minn nofs kilometru kwadru iżda bħala stat għandu xi artijiet il barra mit-territorju tiegħu, bħal ngħidu aħna il-palazz ta’ Castel Gandolfo. Bħala stat huwa immexxi mill-Papa li kif nafu huwa wkoll il-kap tal-Knisja Kattolika. Id-dħul ewlieni għal dan l-istat huma dawk it-turisti li jżuru l-mużewijiet li hemm fil-Vatikan. Dħul żgħir ieħor huwa dak li jiġi mill-bejgħ ta’ bolol u muniti li joħroġ spiss dan l-iżgħar stat fid-dinja.

Aħna tabilħaqq żgħar, imma hawn min hu iżgħar minna!

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 12 ta' Ottubru 2019