Minkejja li r-rummien jikber
f’pajjiżna, ma nistgħux ngħidu li din hija xi frotta popolari wisq magħna
l-Maltin. Jista’ jkun minħabba l-fatt li fiha ħafna żerriegħa li tista’ ddejjaq
lil min jiekol din il-frotta. Ħasra għax minbarra li hija frotta tajba
fit-togħma fiha bosta vitamini u minerali bżonjużi għalina l-bnedmin.
Frotta popolari
Ir-rummien beda jkun ikkultivat
fejn illum insibu l-Iran u n-naħa ta’ fuq tal-Indja eluf ta’ snin ilu. Minn
hemm inxtered lejn il-Mediterran, l-aktar in-naħa tal-Afrika ta’ fuq. Dan ma
jfissirx li fl-Ewropa ma bediex ikun ikkultivat ukoll, iżda l-ambjent Afrikan
huwa tajjeb għas-siġra tar-rummien, mhux bħal siġar oħra li jippreferu ambjent
anqas xott. Meta l-Ispanjoli waslu fil-kontinent Amerikan, dawn ħadu magħhom
din il-frotta u intorduċewha hemmhekk, fejn saret popolari wkoll.
Ir-rummien jissemma fil-Bibbja
wkoll. Insibu riferiment għalih fil-ktieb tal-Eżodu kif ukoll fil-ktieb
tan-Numri. F’dan il-ktieb insibu l-poplu Lhudi fid-deżert igorr ma’ Mosè
għaliex hemmhekk ma jsibx dak li kien isib l-Egittu, fost oħrajn ir-rummien.
Ir-rummien imbagħad huwa wieħed mill-għadd ta’ frott u prodotti oħra imwegħdin li kellu jsib
fl-Art Imwegħda l-poplu Lhudi. Fil-ktieb tal-Għanja tal-Għanjiet il-maħbub
jgħid li ħaddejn il-maħbuba tiegħu donnhom biċċtejn rummiena. Hemm aktar fejn
insibu r-rummien fil-Bibbja, imma ejjew nieqfu hawn.
Ir-rummiena għall-poplu Lhudi
kienet meqjusa bħala frotta b’bosta sinifikati. Ħafna jxebħuha mal-virtù għax
isostnu li r-rummiena fiha 613 żerriegħa, sewwasew daqs kemm hemm kmandamenti
fit-Torah. Fil-fatt is-siġra tar-rummien kienet tidher fuq waħda mill-muniti
Ebrej antiki. Xi studjużi Lhud jemmnu li fil-ġnien tal-Eden is-siġra tal-frotta
projbita ma kinitx it-tuffieħa iżda rummiena.
Ikel u xorb
Bosta minna meta jkollna rummiena
ma naħsbu f’xejn għajr li nqaxxruha u niekluha. Wara li nqaxxruha u forsi qabel
ma nikluha, inħaru lejn idejna u naraw li l-meraq ta’ din il-frotta ikun ħalla
t-tbajja fuq idejna. Il-lewn ħamrani tar-rummiena huwa magħruf għall-qawwa tiegħu.
Fil-fatt dan il-meraq fil-qedem kien jituża biex jinżebgħu d-drappijiet bih u
sal-lum il-ġilda kannella, jew kif isibuha xi wħud; ħamra, għadha tingħata
l-kulur bir-rummien; ovvjament qed nirreferi għal dik il-ġilda li għadha
tinħadem b’mod antik u mhux il-ġilda sintetika li saret komuni.
Intant, ir-rummiena tista’ wkoll
tingħasar. Il-meraq ta’ din il-frotta huwa tassew tajjeb. Ngħid id-dritt qatt
ma kton doqtu sakemm kont il-Marokk. Nista’ ngħid li r-rummien magħsur huwa
differenti minn meta tieklu biż-żerriegħa.
F’ikel tipiku Iranjan, ir-rummien
jintuża għal mar-ross, mat-tiġieġ kif ukoll issir soppa tiegħu. F’xi platti
oħra, ir-rummien jintuża biex iżejjen il-platt tal-ikel, li ma jkunx deżerta.
Simboliżmu
Ir-rummiena hija attribwita ma’
bosta simboli. Għall-Eġiżjani tal-qedem din kienet simbolu tal-ambizzjoni, għax
minn frotta waħda joħorġu mijiet ta’ żerriegħa u min ikun ambizzjuż minn oġġett
wieħed jipprova joħroġ kemm jista’. Sinifikat ieħor għall-ġens Eġiżjan antik
meta jħares lejn ir-rummiena kien il-prosperità. L-istess, meta tiftaħ rummiena
joħorġu ħafna żerriegħa u għalhekk kienu
jissimbolizzawha mal-abbundanza. Għandu mnejn li minn dan il-ħsieb twieldet
f’moħħ l-Insara li r-rummiena hija simbolu tal-providenza ta’ Alla.
Hawn tiġi f’moħħi t-triq li nsibu
mhux wisq bogħod tal-bażilika ta’ San Ġorġ tar-Rabat Għawdex. Jidhirli li din
jisimha Triq il-Providenza u fiha nsibu niċċa tal-Madonna bil-bambin Ġesù li
f’idu għandu rummiena. Din mhux l-unika triq f’pajjiżna li ġġib dan l-isem,
imma ma nafx jekk jeżistux aktar xbihat bħal din li semmejt.
La semmejt Għawdex ma nistax
inħalli barra milli nsemmi li f’din il-gżira nsibu bajja pittoreska li ġġib
l-isem ta’ Ħondoq ir-Rummien. Din il-bajja ċkejkna, faċċata tal-gżira ta’
Kemmuna hija wieħed mill-isbaħ postijiet li hemm fil-gżira tat-tliet għoljiet.
Ma nafx minn fejn ħa ismu dan il-post imma nimmaġina li fil-qedem kien hemm
bosta siġar ta’ dan il-frott.
Is-siġra
Is-siġra tar-rummien ma tirdx
wisq kura u tista’ tikber anke f’postijiet xotti. Fil-fatt jekk siġra minnhom
ikollha ħafna ilma l-għeruq tagħha ħafna drabi jiġu attakkati minn fungi u
jeqirduha. Siġra minn dawn tista’ tgħix sa mitejn sena u tista’ tikber sa
għaxar metri. L-ewwel frott li tibda tagħti s-siġra jkun wara xi tliet snin
iżda ħafna drabi din ma tkunx tiflaħ iżżommu u għalhekk jaqa’. Ta’ ħames snin
is-siġra tibda tagħti l-frott sewwa. L-għadd ta’ frott li siġra tista’ tagħti
jiddependi mill-kobor tagħha u meta siġra tixjieh tispiċċa kważi kważi ma
tagħti l-ebda frott. Din is-siġra ġieli titkabbar bħala bonsai. Fiċ-ċokon din is-siġra
hija mill-isbaħ u anke tagħti frott ċkejken.
Illum rajna xi ħaġa dwar frotta
li minkejja li nsibuha f’pajjiżna, u narawha anke għall-bejgħ għand tal-ħaxix
ftit li xejn nafu dwarha. Tajjeb jekk nibdew niekluha aktar.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 30 ta' Novembru 2019