venerdì 27 dicembre 2019

Sena ġdida


L-ewwel ta’ Jannar huwa l-jum li kważi d-dinja kollha tqisu bħala l-bidu ta’ sena ġdida, biss dan ma kienx minn dejjem hekk. Tabilħaqq li l-kalendarju ħolqu l-bniedem wara li osserva sewwa id-dinja u ntebaħ li hemm ċiklu li jirrepeti ruħu kull 365 jum iżda ma hemm xejn matul is-sena li jindika bidu. Għalhekk kellu joħloq dan il-bidu hu.


L-ewwel tas-sena hija festa mill-aktar antika għalkemm mhux minn dejjem kienet tiġi ċċelebrata fil-jum li niċċelebrawha llum. Aktarx li t-twelid tad-drawwa li jiġi ċċelebrat il-bidu ta’ sena ġdida beda fi żmien il-Babiloniżi, bosta eluf ta’ snin ilu. Dawn kienu jiffesteġġjaw il-bidu tar-Rebbiegħa b’festa li kienet iddum ħdax-il ġurnata. Sa dak iż-żmien diversi kulturi kienu jużaw kalendarji differenti, xi wħud isegwu ċ-ċiklu tax-xemx u oħrajn isegwa dak tal-qamar u għalhekk kienu differenti minn xulxin. Biex inżommu s-suġġett tal-ewwel tas-sena, allura jkollna ngħidu li lanqas fil-Babilonja, fejn ingħata bidu għaċ-ċelebrazjonijiet ta’ dawn il-festi, ma kien ikun l-ewwel ta’ Jannar il-bidu ta’ sena ġdida.

L-Imperu Ruman
Il-qawwa ta’ Imperu Ruman kienet waħda enormi li wasslet biex parti kbira mid-dinja ta’ dak iż-żmien tgħaddi taħt idejh. Il-Mediterran kien iċ-ċentru tad-dinja u Ruma l-Kapitali. Minħabba d-diversi kulturi li kien hemm fil-konfini ta’ dan l-Imperu inħasset il-ħtieġa li ż-żmien jibna jitkejjel l-istess kullimkien għax b’kalendarji differenti kien faċli ħafna li wieħed jitħawwad. L-Imperatu Ġulju Ċesri fassal kalandarju ġdid għall-Imperu Ruman kollu. Dan il-kalendaru beda jintuża fl-ewwel ta’ Jannar tas-sena 45 Qabel Kristu. Issa s-sena bdiet tibda uffiċjalment kull l-ewwel ta’ Jannar.

Sehem il-Knisja
Il-kalendarju Ġuljan ma kienx perfett mija fil-mija minkejja li kellu saħansitra sena bisestili kull erba’ snin. Biex jiġi kkoreġuti dawn in-nuqqasijiet il-Papa Gregorju XIII introduċa kalendarju ġdid f’Ottubru tas-ena 1582. F’dik is-sena l-għada tal-4 ta’ Ottubru ma kienx il-5 tax-xaahr imma il-15. Dan irregola aktar il-jiem ta-sena mad-dawran tax-xemx, li wara kollox magħha jimxi l-kalendarju ċivili użat minn kważi d-dinja kollha. Qed ngħid kważi għax fadal fejn jintużaw kalendarjinoħra biss dawn huma ftit u jadattaw ruħhom għall-kalendarju Gregorjan ukoll.

X’festeġġjamenti
Sa ftit snin ilu f’pajjiżna ma kinux isiru festeġġjamenti fuq skala nazzjonali fil-lejl li jtemm sena u jibda oħra. Illum l-istorja hija differenti u ftit ftit daħlet anke d-drawwa li l-Maltin jiċċelebraw dan il-lejl fil-pjazez fejn qabel konna ngħadduh jew mal-familja jew f’xi ristorant.

F’pajjiżi barranin din id-drawwa ilha li bdiet. Ġieli kont barra minn Malta f’dan il-lejl u rajt drawwiet differenti imma ħafna drabi l-festeġġjamenti ma jkunux neqsin mil-logħob tan-nar. Fi Sqallija rajt il-festa tan-nar, manifestazzjoni mill-isbaħ b’għadd kbir ta’ nar differenti. Fl-Albanija rajt il-folla tispara stoppini żgħar, u kultant ħtija tax-xorb żejjed li spiss jikkaratterizza dan il-lejl, xi stoppin minflok jitla’ ’l fuq jimxi b’mod orizzontali. Fl-Ungerija rajt nar flimkien ma’ laser show tal-ġenn, f’kesħa xxoqq il-għadam fejn kelli nistenna ħames sigħat biex insib taxi twassalni lura għax il-ferroviji kienu waqfu minħabba l-biża’ tal-millenium bug. U xi ngħidu għall-Italja. Fl-Umbrija lejl kiesaħ imma mimli ferħ, Ruma nar u xampanja u ma nistax ma nsemmix Napli. Qatt ħajti ma rajt is-sema b’daqstant ilwien. Kull roqgħa fis-sema ssir ikkulurita hekk kif idoqq nofsillejl.

Riżoluzzjonijiet
Il-bidu ta’ sena ġdida huwa wkoll il-jum fejn dak li jkun jiddeċiedi li jibdel xi ħaġa f’ħajtu. L-aktar riżoluzzjoni li ssir hija dik tad-dieta, imma hija wkoll l-aktar waħda li ma tinżammx. Hawn min jiddeċiedi li mis-sena l-ġdida ma jpejjipx aktar, jibda jmur jimxi jew jagħmel aktar eżeċizzji fiżiċi. Mhux għax hija xi ħaġa ħażina li bniedem jagħmel riżoluzzjoni għax din aktarx tkun biex ittejjeb il-ħajja ta’ dak li jkun, imma ippermettuli nagħmel mistoqsija: Hemm bżonn jasal l-ewwel tas-sena biex tieħu deċiżjoni u twaqqaf xi ħaġa li ilha ddejqek jew li tibda xi ħaġa li tassew għandek bżonnha?  Mhux bil-fors, imma aktarx li bis-saħħa ta’ bidu ta’ sena ġdida dak li jkun  għandu mnejn jagħmel kuraġġ jibda xi ħaġa mill-ġdid, jibdel xi ħaġa minn ħajtu. Jalla r-riżoluzzjonijiet li nagħmlu nżommuhom. Ħabib tiegħi qalli li se jagħmel riżoluzzjoni li ma jagħmilx aktar riżoluzzjonijiet għax qatt ma jirnexxielu jżomm imqar waħda! Affari tiegħu!

Sena ġdida bidu ġdid. Tassew li l-ewwel ta’ Jannar intgħażel mill-bniedem biex jimmarka bidu ta’ sena ġdida għax il-kalanedarju ħolqu wkoll il-bniedem. Sena ġdida ta’ min jaf kemm-il tama, ta’ min jaf kemm-il xewqa, ta’ min jaf kemm ġrajjiet li sejrin iseħħu, ta’ min jixtieqhom u jistenniehom u ta’ min lanqas qatt ikun ħolom li jistgħu jseħħu! Hu x’inhu, nawguralek is-sena t-tajba, mimlija b’dak kollu li tixtieq qalbek.

Fr Reno Muscat


Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 28 ta' Diċembru 2019


lunedì 23 dicembre 2019

L-ispirtu tal-Milied


Ninsabu fuq l-għatba tal-festa tal-Milied. Ftit sigħat oħra u niċċelebraw dak li niċċelebraw kull  nhar il-25 ta’ Diċembru ta’ kull sena. Bosta minna diġà bdew bil-vakanzi u ma jersqux lejn il-post tax-xogħol tagħhom qabel tibda s-sena d-dieħla.

L-ambjent f’pajjiżna juri li dan huwa żmien speċjali, żmien differenti minn kull żmien ieħor ta’ matul is-sena. Dan l-aħħar qrajt li Malta hija meqjusa bħala post ideali fejn wieħed jgħaddi dawn il-festi li ġejjin. Ngħid id-dritt, ġieli kont imsiefer fil-Milied jew fi żmienu u jkolli nistqarr li s-sentiment li tħoss f’Malta ma tħossux f’post ieħor. Forsi għax trabbejna f’dan l-ambjent, fejn kważi f’kull dar issib il-Bambin jew il-presepju, is-siġra tal-Milied u bosta tiżjin ieħor li mhux daqstant komuni fid-djar tal-barranin? Forsi għax kif jgħidu t-Taljani “Natale con i tuoi”? Hu x’inhu, l-ispirtu tal-Milied jinħass sewwa f’dawn il-gżejjer.

La semmejt l-ispirtu
Niftakar li fis-snin sebgħin kienet ħarġet diska bil-Malti dwar il-Milied. Din id-diska kien jisimha “Bil-grokkijiet” u r-ritornell tagħha kien hekk: “L-ispirtu tal-Milied, jinxtorob bil-grokkijiet.” Dan dlonk ifakkarna li f’dawn il-jiem il-konsum tal-alkoħol jiżdied, għax biex niċċelebraw irridu nieħdu grokk jew tnejn. Illum niddubita kemm kien ikun hawn awturi li jiktbu dan ir-ritornell għaliex f’erbgħin sena nbidlet sewwa l-ħajja u d-drawwiet. Inbiddlu wkoll il-liġijiet u llum jekk tixrob u s-suq tkun qed tissogra li titlef il-punti tal-liċenzja. Imma aktar importanti mill-punti tal-liċenzja hija l-ħajja, bix-xorb żejjed mhux il-punti biss tista’ titlef imma anke ħajtek jew dik ta’ ħaddieħor. Għall-grazzja ta’ Alla, illum bosta huma dawk li saru jifthemu u dak li jkun ser isuq ma jixrobx jew inkella min joħroġ u jkun irid jixrob xi ftit aktar milli tippermetti l-liġi, imur lura d-dar billi jikri karozza bix-xufier u jasal lura d-dar qawwi u sħiħ bla nkwiet ta’ xejn.

L-ispirtu tal-Milied Malti ma huwiex biss dak ta’ ġol-flixkun. Il-kċina ta’ pajjiżna fiha ikel bnin għal dawn il-festi. Illum il-qagħaq tal-għasel insibuhom matul is-sena kollha, imma oriġinarjament dawn kienu ħelu tal-Milied. L-istess l-imbuljuta, xarba sħuna bil-qastan u l-kokotina, ma ssibhiex kullimkien. Ma’ dawn illum insibu għadd ta’ ikel, jew aħjar ħelu ieħor li daħal fil-kċina tagħna bħalma huma l-kejkijiet tal-Milied, il-Christmas log, il-pudina tal-Milied u l- mince pies. Bħala ikla ta’ nhar il-Milied il-Maltin kellhom drawwa jsajru dundjan iżda kull ma jmur qed tonqos din id-drawwa għaliex bosta ma jiekluhx u billi dan huwa tajra kbira, il-familja tal-lum saret ċkejkna wisq biex tiekol dundjan sħiħ. Iżda aħna nsibu soluzzjoni ta’ kollox, illum issib tixtri biċċiet tad-dundjan u għalhekk ma jkollokx għalfejn tixtri wieħed sħiħ. Dawn huma xi ftit ingredjenti li jħawru l-Milied Malti u jkomplu jżiru l-ispirtu tiegħu.

Tiżjin
Kull min ikun f’Malta f’dawn il-jiem jintebaħ bl-ammont ta’ dawl li jinxtegħel. Dawl dekorattiv li jagħti atmosfera unika. Aħna ma għandniex borra u silġ allura l-Milied tagħna huwa wieħed kulurit u mhux bajdani fik naraw fil-kartolini jew xi kultant noħolmu li ngħaddu xi wieħed. B’daqshekk ma jfissirx li ma għandniex is-sbuħija tagħna allavolja bla borra. Ma hawnx raħal jew belt f’Malta li ma jkolliex xi ftit tiżjin fit-toroq u l-pjazez, li jagħti ambjent festiv. Din il-ħaġa mhux dejjem issibha barra minn Malta.

Darna wkoll tissebbaħ u tiżżejjen b’mod differenti. Il-presepju, għad li mhux drawwa Maltija, illum reġa’ ħa spinta ’l quddiem u bosta minna għandhom wieħed fid-dar. Kien hemm żmien fejn donnu l-presepju kien qed jintesa minna imma llum ma nistgħux ngħidu hekk. Fi djarna llum insibu presepji tal-ogħla livell, presepji Naplitani jew maħdumin f’pajjiżna stess li nistgħu ngħidu huma opri tal-arti. Tara wieħed tinsa l-ieħor! Ma’ dan insibu l-Bambin. Dan ukoll għandu parti mill-folk Malti. Snin ilu kienu jsiru Bambini tal-ġibs, tal-forma, maħdumin lokalment. Posthom ħaduh il-Bambini ta’ Spanja, sbieħ u fini li donnhom tarbija tat-twelid. Il-Bambin tal-ġibs konna bdejna ninsewh imma lum erġajna qed narawh mat-tiżjin għaliex wieħed qed jerġa’ jsib jixtri minnhom u forsi dawk li kellhom u kienu refgħuhom, illum qed jerġgħu jżejnu bihom.

Drawwiet Maltija puri
Jekk hawn drawwa tal-Milied li nistgħu ngħidu li hija mija fil mija Maltija hija l-purċissjoni tal-Bambin. Grazzi għal San Ġorġ Preca li beda din id-drawwa u li s-soċi tal-Museum li żammew ħajja din id-drawwa. Noqgħodu attenti li ma tintemmx għax fejn qed jagħlqu l-oqsma tal-Museum hemm tendenza li din il-purċissjoni ma ssirx lanqas. Hawn parroċċi li jagħmlu din il-purċissjoni f’xi jum tan novena, imma bix-xieraq li din issir lejlet il-Milied.

Drawwa oħra li ma nsibu mkien ieħor ħlief f’Malta hija l-prietka tat-tifel. Illum tista’ tkun tifla li tagħmel din il-prietka jew inkella tifel u tifla flimkien. Din id-drawwa għadha ħajja u jalla tibqa’.
Dan huwa l-ispirtu tal-Milied Malti, spirtu li ma ssibux kulimkien, spirtu li mhux biss jinxtorob fil-grokkijiet imma spirtu li jinħass fl-arja Maltija.

Nieħu din l-okkażjoni biex nawguralkom il-Milied it-tajjeb, fi spirtu ta’ ferħ, paċi, hena u saħħa.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon -  21 ta' Diċembru 2019






sabato 14 dicembre 2019

Il-Presepju u Napli


Issa li bdejna żmien l-Avvent u kull ma jmur resqin lejn il-festa tal-Mileid, jixraq li ngħidu xi ħaġa dwar ix-xena tat-twelid ta’ Kristu kif tiġi rrapreżentata fil-presepju Napiltan. Insibu bosta presepji minn madwar id-dinja, imma dak ta’ Napli huwa xi ħaġa magħrufa minn dawk kollha li għandhom għal qalbhom il-Milied u t-tradizzjoni tal-presepju. Hemm bosta xi tgħid dwar dan is-suġġett. Din tiegħi hija biss ħarsa fuq fuq.

Differenzi
Tajjeb ngħidu li f’Napli niltaqgħu ma’ tipi ta’ presepji differenti. Aktarx li l-aktar komuni huma dawk li juru lill-Madonna, San Ġużepp u lil Ġesù Bambin biss. Dawn ikunu mlibbsa ilbies rikk u ħafna drabi nsibuhom fuq forma ta’ pedestall. Insibu wkoll il-presepju fil-bozza tal-ħġieġ. Dawn ikun fihom pasturi tat-tafal maħdumin f’Napli stess imdaħħlin f’xena tat-twelid ta’ Kristu. F’din ix-xena jitpoġġa d-dawl biex jidher aħjar id-dettall tal-presepju. Ovvjament, dan ikollu forma tonda li joqgħod f’bozza tal-ħġieġ. Imbagħad insibu l-presepju l-kbir b’ħafna persunaġġi u xeni mill-ħajja Napiltana. Il-pasturi ta’ dan il-presepju jkunu pupazzi bħal tal-ewwel presepju li semmejt. Dawn il-pupazzi, li tajjeb ngħid jistgħu jkuni ta’ qisien differenti, jkollhom ir-ras, l-idejn u s-saqajn tal-fuħħar u l-ġisem jissawwar fuq il-fildiferru imdawwar b’ħafna spag. B’dan il-mod il-ġisem tal-pastur ikun jista’ jingħata l-forma li jkun irid dak li jkun qed jaħdem il-presepju. Fl-aħħar nett il-pastur jitlibbes bi drapp skont dak il-persunaġġ li jkun qed jirrapreżenta.



Oriġini
Mhux faċli wieħed jgħid sewwa meta d-drawwa tal-presepju daħlet f’Napli. It-tradizzjoni tgħidilna li kien San Franġisk ta’ Assisi li għamel l-ewwel presepju, imma dak ma kienx fil-Campania, ir-reġjun li Napli hija l-kapitali tiegħu iżda fl-Umbria, mijiet ta’ kilometri bogħod.

Issa tajjeb ngħidu li San Franġisk għex bejn l-1182 u l-1229 iżda l-ewwel riferiment għal xi forma ta’ presepju hija qabel din id-data. F’att notarili tas-sena 1021 jissemma presepju fil-knisja ta’ Santa Marija msejħa “ad Praesepe” li tfisser tal-presepju. Tajjeb ngħidu li din il-knisja hija dik li llum nafuha bl-isem ta’ Santa Maria Maggiore fil-belt ta’ Ruma. Billi f’din il-knisja jingħad li hemm il-maxtura li kien hemm fl-għar ta’ Betlem, kien inbena presepju hemmhekk. Biss dak ta’ San Franġisk jibqa’ l-ewwel presepju ħaj, b’nies bħala pasturi.

Iżda ejjew nersqu lejn Napli. F’kitba tas-sena 1324 insibu riferiment għal presepju f’kappella ġewwa d-dar tal-familja Alagni f’Amalfi. Tabilħaqq li Amalfi ma huwiex Napli, anzi jinsab taħt il-golf Naplitan, iżda ma ninsewx li kien jagħmel parti mir-renju li Napli kien il-kapitali tiegħu. Fl-1340 mart is-Sultan ta’ Napli Robertu ta’ Angiò, is-Sutlana Sancia, tat presepju lis-sorijiet tal-Klarissi f’Napli biex jitpoġġa fil-knisja li kienu għadhom kemm bnew. Parti żgħira minn dan il-presepju għadha teżisti u tinsab fil-Mużaw Nazzjonali ta’ San Martin fil-belt ta’ Napli. Forsi dawn huma l-ewwel presepji tabilħaqq Naplitani.

Fis-seklu XV bdejna nsibu xi artisti Naplitani li bdew jaħdmu pasturi tassew artistiċi. Tajjeb ngħidu li fil-Mużew ta’ San Martin hemm sezzjoni ddedikata lill-presepju u hemm wieħed jista’ jara bosta eżempji minn dawn il-presepji li taw bidu għat-tradizzjoni tal-presepju Naplitan. Fis-sena 1532 wasal f’Napli saċerdot li meta kien Ruma kien diġà wera ġibda kbira lejn ix-xena tat-twelid ta’ Kristu. Dan is-saċerdot, li llum huwa qaddis, ma huwa ħadd għajr San Gejtanu ta’ Thiene, dak li fil-Ħamrun għandu parroċċa ddedikata għalih. Aktarx li kien hu li bena l-presepju fl-isptar magħruf bħala tal-inkurabbli, u kien hu wkoll li daħħal id-drawwa li fil-knejjes jibda’ jintrama presepju u li d-djar ukoll ikollhom ix-xena tat-twelid ta’ Kristu f’forma ta’ presepju.

Id-djar irjali mill-ewwel laqgħu din l-idea u għalhekk insibu bosta presepji li kienu ta’ palazzi rjali. Bosta familji nobbli minn Napli wkoll bdew jordnaw presepju għal darhom u għalhekk id-drawwa kompliet tinxtred. Dawk li ma kienux nobbli ma baqgħux lura u bdew jibnu xi presepju huma wkoll, sempliċi u fqir imma li xorta waħda jwassal ix-xena tal-Milied.

Fil-qalb
Illum ma ssibx dar Naplitana li ma għandiex prespju. Il-presepju daħal f’qalb in-Naplitani daqs kemm daħal San Ġennaru. Fih huma jdaħħlu karattri magħrufin bħal politiċi, atturi jew plejers tal-futbol mal-pasturi biex hekk iħossu li Kristu twieled fostom, sar wieħed minnhom. Il-presepju tant daħal fil-qalb tan-Napiltan li nsibu anke rappreżentazzjonijiet teatrali marbutin ma’ dan is-suġġett. Il-Cantata di Natale hija rappreżentazzjoni fejn turi l-pasturi tal-presepju li jieħdu l-ħajja. Rappreżentazzjoni li fiha sitwazzjonijiet xi kultant anke komiċi li twassal biex turi t-twelid tal-Bambin. Rappreżentazzjoni oħra hija l-kummiedja Natale a casa Cupiello, fejn il-familja Cupiello, minkejja l-inkwiet li tkun għaddejja minnu, xorta jkollha l-kap li jrid jarma l-presepju u jistenna li kulħadd jgħidu kemm hu sabiħ.

Dan huwa biss ftit minn dak li wieħed jista’ jgħid fuq il-presepju u Napli, il-belt li minkejja kollox, tħoss l-ispirtu tal-Milied is-sena kollha.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon -  14 ta' Diċembru 2019


venerdì 6 dicembre 2019

Il-Pirinej

L'immagine può contenere: 1 persona, in piedi, montagna, spazio all'aperto, natura e acqua
Qalb il-Pirinej

Illum, meta bosta mill-istati tal-Ewropa huma magħqudin f’unjoni politika kif ukoll permezz tal-ftehim Schengen, il-fruntieri ma għadhomx komuni bħalma kienu sa ftit għexieren ta’ snin ilu. Biss għan-natura la teżisti Unjoni Ewropeja u lanqas Schengen. In-natura ġieli toħloq fruntieri permezz ta’ xmajjar u ġieli tifforma fruntiera permezz ta’ katina ta’ muntanji. Hekk insibu bejn Spanja u Franza, katina ta’ muntanji li jissejħu l-Pirinej. Qalb dawn il-muntanji nsibu bosta postijiet mill-isbaħ li ta’ min ikun jaf xi ħaġa dwarhom.
Prinċipat
Fil-bidu semmejt żewġ postijiet kbar, Spanja u Franza, imma tajjeb ma ninsewx li f’dawn il-muntanji nsibu stat, jew aħjar il-Prinċipat ta’ Andorra. Dan il-mikrostat huwa akbar minn Malta. Fih 468 kilometru kwadru b’popolazzjoni ta’ madwar 90 elf ruħ. L-Andorreżi, kif jissejħu dawk li twieldu hemm, huma f’minoranza. Madwar 40% biss tar-residenti huma minn hemm u l-oħrajn huma Spanjoli, Portugiżi, Franċiżi jew ta’ xi nazzjonalità oħra li marru jgħixu hemm. Interessanti li bħala kap ta’ stat, Andorra għandu żewġ ko-prinċpijiet li huma l-Isqof tad-Djoċesi ta’ Urgell fi Spanja u l-President tar-Repubblika Franċiża. Dawn huma l-kapi tal-istat iżda t-tmexxija hija f’idejn il-parlament tal-post, immexxija minn prim ministru  u gabinett. Il-lingwa uffiċjali ta’ Andorra huwa l-Katalan minkejja li anke l-Ispanjol, il-Franċiż u l-Portugiż huma mitkellma.

Komunità Awtonoma Baska
Sal-1978 din il-komunità ma kinitx rikonoxxuta uffiċċjalment. Il-Baski li jiffurmaw din il-komunità minn dejjem riedu li jkollhom stat għalihom u f’dik is-sena Spanja kkonċediet ċerta awtonomija. Iż-żona ta din il-komunità fiha madwar 7,200 kilometru kwadru b’aktar minn żewġ miljun ruħ jgħixu f’dan it-territorju. Minkejja li mhux uffiċċjali, il-belt ta’ Vitoria-Gasteiz isservi bħala kapitali tal-komunità Baska. Bħala lingwi jintużaw kemm l-Ispanjol kif ukoll il-Bask għalkemm hemm Baski ta’ oriġini Franċiża wkoll. L-Awtorità titmexxa minn gvern parlamentari. Minkejja li din l art hija parti minn Spanja, għandha wkoll il-bandiera tagħha. Min jaf, forsi għad tieħu l-indipendenza u jiżdied stat ieħor fl-Ewropa.

San Sebastian
Belt mal-kosta taż-żona Baska hija dik imsejħa San Sebastian. Mhux wisq bogħod mill-fruntiera Franċiża, madwar għoxrin kilometru biss. Il-poplu Bask isejjaħ lil dan il-post bl-isem ta’ Donostia li tfisser l-istess bħalma tfisser San Sebastian fl-Ispanjol. Don jew Done tfisser qaddis u Ostia ħija tqassir tal-isem Bastjan. Minn Done Sebastiane saret Donostia. Il-belt tiftaħar bi tliet bajjiet mill-isbaħ li huma imfittxijin sewwa fix-xhur tas-sajf. Fil-festa ta’ San Bastjan issir festa kbira fil-belt. Is-sindku jtella’ l-bandiera tal-post f’nofsillejl u għal 24 siegħa sħaħ issir festa bid-daqq ta’ tnabar. Mhux ta’ b’xejn li din il-festa tissejjaħ “Tamborrada”.

Saint Jean de Luz
Nibqgħu fiż-żona tal-poplu Bask imma l barra miż-żona tal-Komunità Awtonoma li semmejt qabel. Il-belt ta’ Saint Jean de Luz tinsab fi Franza. Il-Baski jsejħu lil din il-belt bl-isem ta’ Donibane Lohizune. Issa li qrajtu kif jissejjaħ San Sebastian, tifhmu kif oriġina l-isem Bask ta’ dan il-post. Hawnhekk insibu belt mill-isbaħ b’port li huwa mimli sajjieda. Il-post huwa wieħed turistiku u fih bajja ramlija kbira u sabiħa. Wieħed jista’ jimxi tul il-bajja mit-triq ta’ fuqha u hemm fejn wieħed jiekol ikla ħut mill-aqwa. Biss dawk li ma jħobux il-ħut xorta jistgħu jsibu biex jimlew żaqqhom. Tul is-sena kollha hawnhekk isiru attivitajiet kulturali li huma attrazzjoni mhux biss għan-nies tal-lokal imma għal bosta turisti wkoll.

Pont d’Espagne
L'immagine può contenere: Renò Muscat, spazio all'aperto
Lourdes
Minkejja li ismu huwa marbut ma’ Spanja, anzi jfisser sewwasew il-pont ta’ Spanja, dan il-post jinsab fi Franza.  L-isem ittieħed minn pont li nsibu fil-post li jgħaddi minn fuq kaskata ta’ ilma li jagħti bidu għax-xmara Gave de Marcadau. Dan il-post jinsab 1,500 metru ’l fuq mill-baħar, f’waħda mit-toroq li jgħaqqdu lil Franza ma’ Spanja.

Jekk wieħed jasal sa hawn, jista jew jitpaxxa bil-kaskati tal-ilma li hawn jew jibqa’ tiela’ aktar ’l fuq safejn għadira mill-isbaħ. Din l-għadira tinsab madwar mitejn metru aktar il fuq minn Pont d’Espagne u tista’ tasal għaliha permezz ta’ cable chair. Hemmhekk hemm xenarju mill-isbaħ.

Lourdes
Din il-belt fil-Pirinej hija l-aktar magħrufa għad-dehriet li seħħew fiha fl-1858 u għall-miljuni li ta’ kull sena jżuruha bħala pellegrini, iżda lil hinn minn żjara bħala pellegrin, wieħed jista’ jżur Lourdes bħala viżita kulturali. Il-belt fiha fortizza fuq l-ogħla parti tagħha li llum wieħed jista’ jżurha u jara mużew interessanti. Qrib tal-belt hemm għadira kbira fejn wieħed jista’ jammira ġmiel naturali u jgħaddi ftit ħin fil-kwiet. Ovvjament, la wieħed ikun Lourdes ikun qed jonqos jekk ma jittawwalx lis-santwarju.

Dawn huma ftit mill-postijiet li wieħed isib fil-Pirinej. Hemm bosta aktar x’wieħed iżur!

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 7 ta' Diċembru 2019