Is-sena li qegħdin fiha hija sena
b’jum itwal minn dik li għaddiet jew minn dik li ġejja. Is-sena 2020 hija sena
hekk imsejħa bisestili, sena li minflok 365 jum fiha 366. Nemmen li bosta minna
jafu għalfejn isseħħ din il-ħaġa kull erba’ snin, imma għal min forsi ma jafx
ngħid biss li s-sena, jiġifieri dawra sħiħa tad-dinja max-xemx, tieħu 365 jum u
bejn wieħed u ieħor sitt siegħat. Dawk is-sitt sigħat ta’ kull sena jinġabru f’
ġurnata sħiħa kull erba’ snin u tiżdied ġurnata mal-iqsar xahar, sewwasew
bħal-lum, id-29 ta’ Frar.
Kif inkunu nafu?
Biex wieħed ikun jaf jekk sena
partikolari kinitx, jew hix se tkun bisestili jew le kull ma għandu jagħmel hu
li jiddividi s-sena bin-numru erbgħa. Jekk dan jidħol sewwa fin-numru tas-sena
allura dik is-sena tkun bisestili. Jekk nieħdu s-sena 2020 u niddividuha b’4
ikollna riżultat ta’ 505 eżatt. Mela din is-sena hija bisestili. Imma hemm
eċċezzjoni għal din ir-regola. Kull mitt sena naqbżu sena bisestili. L-ewwel
sena ta’ ċentinarju ma tkunx bisestili sakemm l-annu ma jkunx jiddividi ruħu
b’400. Meta s-sena tal-bidu taċ-ċentianrju tkun tiddividi ruħha b’400 allura
dik is-sena wkoll tkun bisestili. Is-sena 2000, il-bidu ta’ dan iċ-ċentinarju u
millenju kienet sena bisestili għaliex 2000 diviżi b’400 jiġu 5 imma mitt sena qabel, l-1900 minkejja li huwa
numru li jista’ jiġi diviż eżatt b’4 u jagħtina riżultat ta’ 475, jekk
tiddividih b’400 r-riżultat ma jkunx numru sħiħ imma 4.75. Forsi ftit imħawda
l-biċċa imma din hija r-regola ta’ kif tkun taf jekk sena hix ser tkun
bisestili jew le.
Kull qaddis jgħin
Ħafna mill-antenati tagħna kienu
jassoċjaw bosta jiem tas-sena ma’ xi qaddis jew ieħor. Id-29 ta’ Frar għandu
wkoll il-qaddis, anzi qaddisin li jiġu ċċelebrati fih. Ħalli naraw naqra min
huma u ngħidu xi ħaġa fuqhom ukoll.
San Ilarju kien is-46 Papa. Huwa
twieled ġewwa l-gżira ta’ Sardegna u sar Papa fid-19 ta’ Novembru tas-sena 461.
Huwa laqqa’ sinodu ġewwa Ruma u kiteb bosta kitbiet dwar il-primat tal-Isqof
ta’ Ruma. Huwa miet nhar id-29 ta’ Frar tas-sena 468. Tajjeb ngħidu li f’dak
iż-żmien il-kalendarju li kien jintuża ma kienx dak li jintuża llum, allura l-jum
tal-mewt ta’ dan il-Papa rridu ngħidu li taħbat mad-29 ta’ Frar tal-lum. San Osvaldo ta’ Worcester twieled fl-Ingilterra
minn ġenituri Daniżi. Huwa sar saċerdot u laħaq kanonku, daħal f’monasteru fejn
daħħal f’bosta monasteri ir-regola ta’ San Benedettu, sakemm intgħażel bħala
Arċisqof ta’ York u ta’ Worcester fis-sena 972.
Huwa miet b’fama ta’ qdusija fid-29 ta’ Frar tas-sena 992. Santu Wistin
Chapdelaine kien saċerdot Franċiż imwieled fl-1814. Huwa mar fiċ-Ċina bħala
missjunarju u hemmhekk ikkonverta bosta Ċiniżi għall-Kristjaneżmu. Kien maqbud
u mitfugħ il-ħabs, itterturat u maqtul fid-29 ta’ Frar tas-sena 1856 ġewwa Sy-Lin-Hien.
Il-Beata Antonia ta’ Firenze iżżewġet meta kienet għadha żgħira. Kellha tifel imma
ma damitx wisq ma romlot. Daħlet mas-sorijiet tal-klawsura u kienet għal aktar
minn darba Badessa. Hija mietet fid-29 ta’ Frar tas-sena 1472. Ġisimha għadu
intatt u jinstab midfun f’monasteru fl-Aquila.
Forsi jkun hawn min jistaqsi jekk
il-festa ta’ dawn il-qaddsin issirx darba kull erba’ snin. Meta s-sena ma tkunx
bisestili l-festa tagħhom tkun iċċelebrata jum qabel.
Fl-istorja
F’dan il-jum seħħew ukoll xi
ġrajjiet li tniżżlu fl-istorja. Fost oħrajn fl-1940 l-attriċi Hattie McDaniel rebħet il-premju Oscar. Din
kienet l-ewwel attriċi sewda li rebħet dan il-premju għall-parti li ħadmet
bħala Mammy fil-film “Gone with the wind”. Dakinhar ukoll il-Fillandja bdiet
it-taħdidiet għall-paċi mal-Unjoni Sovjetika.
Fl-1944 il-ġżejjer hekk imsjeħa tal-Ammiraljat, fl-Oċean Paċifiku ġew invaduti
mill-Istati Uniti. Fl-1960 bħal dan il-jum kien seħħ terrimot qawwi fil-Marokk
li qatel terz tal-popolazzjoni tal-belt ta’ Agadir. Aktar qrib tagħna naraw li
fis-sena 2004 ġewwa Ħaiti kienet saret rivoluzjoni li ġegħlet lill-President Jean-Bertrand
Aristide iħalli l-pajjiż.
Dawn huma ftit mill-ġrajjiet li
seħħew nhar id-29 ta’ Frar. Hemm nies famużi li twieldu f’ dan il-jum, hemm
oħrajn li ħallew din id-dinja bħal-lum ukoll. Dawk li twieldu bħal-lum hemm
minnhom li jiċċelebraw għeluq sninhom jum qabel u hemm oħrajn li jiċċelebrawh
fl-ewwel ta’ Marzu. Hija għażla ta’ dak li jkun jekk jiċċelebrax jum qabel jew
jekk jistenniex li jibda Marzu. Fost il-personalitajiet Maltin li twieldu f’dan
il-jum insibu lil Carmel Busuttil il-Bużu, l-ex player internazzjonali. Din
is-sena dawn se jkunu jistgħu jiċċelebraw għeluq sninhom fil-jum propju.
Jum li jiġi biss darba kull erba’
snin, huwa jum speċjali u interessanti ħafna
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher fin-Nazzjon - 29 ta' Frar 2020