sabato 25 luglio 2020

Siracusa


Tefgħa ta’ ġebla bogħod – dinja differenti

Anqas minn mitt kilomeru bogħod minna nsibu l-gżira ġara tagħna; Sqallija. Gżira kbira aktar minn ħamsa u għoxrin elf kilomeru kwadru; gżira b’popolazzjoni ta’ ħames miljun ruħ; gżira li fiha storja qadima mmens; gżira li fiha minn kollox, arti, kultura, storja, u ħafna ħafna aktar.

Wieħed mill-postijiet popolari magħna l-Maltin hija l-belt ta’ Siracusa. Jekk wieħed jasal bil-baħar sa Pozzallo, ikollu xi siegħa sewqan biex jasal hemm, jekk jasal bl-ajru sa Catania, ikollu xi siegħa sewqan ukoll.. Mela nistgħu ngħidu li din il-belt tinsab sewwasew f’nofs triq bejn Pozzallo u Catania.

Storja
Siracusa hiija belt mimlija storja għax kienet imwaqqfa mill-Griegi u wara għaddiet f’idejn ir-Rumani u l-Biżantini. Kien hemm żmien fejn kien jeżisti l-Emirat ta’ Sqallija u bla dubju Siracusa kienet tifforma parti minnu. Jekk naqbżu qabża sewwa mill-istorja, ngħidu li Siracusa kienet belt li soffriet ħafna bumbardamenti waqt it-tieni gwerra dinjija. Meta wieħed jara kemm hi għanja l-istorja ta’ din il-belt jinduna li ma jistax jonqos tkun għanja wkoll f’dak kollu li għandha x’toffri.

Ortigia u Augusta
Il-pjazza bil-katidral ta' Ortigia
Ma’ Siracusa nsibu żewġ gżejjer żgħar; Ortigia u Augusta. L-ewwel waħda hija popolari ħafna għax iżuruha bosta turisti minħabba l-bini barokk li fiha. Il-faċċata tal-katidral tal-post huwa meravilja. Meta wieħed jidħol ġewwa fih, isib linja artistika totalment differenti minn dak li jimmaġina li ser isib. Ma jistax jonqos li f’post turistiku bħal dan wieħed isib bosta ħwienet.
Augusta hija inqas famuża imma hija wkoll gżira ħelwa. Din mhix post turistiku iżda xorta hemm x’wieħed jara. Hija gżira marbuta ma’ San Duminku, li huwa l-patrun tal-gżira. Madanakollu l-patrijiet Dumnikani ilhom li ħallew il-kunvent u l-knisja li kellhom fuq din il-gżira, biss il-festa baqgħet issir xorta waħda f’Mejju.

Dawn iż-żewġ gżejjer huma magħqudin mal-kumplament ta’ Sqallija bil-pontijiet.

Madonna tad-dmugħ
Id-devozzjoni lejn il-Madonna tad-dmugħ  bdiet minn fenominu li seħħ f’ dar ġewwa Via degli Orti di San Giorgio, Siracusa.

Santwarju Madonna tad-Dmugħ
Angelo Iannusso u martu Antonina Lucia Giusto ma kienux ilhom wisq miżżewġin. Antonella kienet waqt l-ewwel tqala tagħha. Ma kellix tqala feliċi, bdiet tmurilha saħansitra l-vista. Matul il-lejl tad-29 ta’ Awwissu 1953 Antonella ma bdiet tara xejn iżda l-vista reġgħet ġietha filgħodu. L-ewwel ħaġa li lemħet Antonella kien dmugħ nieżel minn għajnejn in-nofs bust tal-Madonna tal-ġibs li kellhom fuq is-sodda. Din ix-xbieha kienu qalgħuha bħala riġal tat-tieġ, fil 21 ta’ Marzu ta’ dik is-sena. Dawn il-fenomini baqgħu sejrin sal-1 ta’ Settembru ta’ dik is-sena u seħħew għal 58 darba. L-aħbar ġriet malajr u nies minnn kull parti ta’ Sqallija bdew imorru lejn din id-dar biex jitolbu lill-Madonna. Fit-30 ta’ Awwissu il-fenominu tad-dmugħ kien irreġistrat fuq filmat. Dan il-filmat intwera fuq ir-RAI fl-1994.

Il-Knisja waqqfet kummissjoni biex tistudja l-każ bla tef ta’ żmien. Fl-1 ta’ Settembru din il-kummissjoni żaret id-dar u eżaminat il-likwidu li kien ħiereġ minn għajnejn in-nofs bust. Huma ddikjaraw li dak kien dmugħ uman u x-xjenxa ma setgħet tagħti l-ebda spjegazzjoni għall-fenomenu.
Il-ħsieb li tinbena knisja għal dan in-nofs bust ġie f’ moħħ bosta. Kien fl-1957 li saret il-pjanta tas-santwarju wara li sar konkors internazzjoanli. Il-bini fih forma ta’ demgħa u beda jinbena fl-1966. Il-materjal użat huwa l-konkos. In-nies tal-post kemm minħabba l-forma kif ukoll minħabba l-materjal ma tantx ħadet grazzja mal-proġett. Il-bini tas-santwarju intemm 28 sena wara li nbeda. Il-Papa San Ġwanni Pawlu II inawgura s-santwaru fl-1994. Fih tpoġġiet ix-xbieha tal-Madonna li bkiet fl-1953.

Tajjeb ngħidu li meta f’Malta, wara l-gwerra l-patrijiet Kapuċċini bnew il-knisja l-ġdida tagħhom fil-Marsa, din ġiet iddedikata lill-Madonna tad-Dmugħ iżda mbagħad inbidel it-titular u ġiet iddedikata lil Marija Reġina.

Xkora vojta?
Jekk wieħed iżur Siracusa ma għandux jibqa’ lura milli jduq xi ġelat tajjeb, jew jekk inti bħali, tippreferi l-granita, allura hawn tkun sibt il-ġenna! Billi din hija belt mal-baħar ma jistax jonqos li ssib bosta ħwienet li joffru ħut għall-ikel, imma mhux biss, hemm minn kollox u anke huma ħwienet li joffru platti abbundanti. Imbagħad jew xi kannol tal-irkotta, jew xi biċċa cassata u kafè tajjeb. Biex ma tkun tlift xejn, duq xi biskuttin tal-lewż. Nassigurak li dan huwa ħelu, li flimkien mal-pastarjali, huwa xi ħaġa ta’ barra din id-dinja! Le le, żgur li Siracusa mhux ser tħalluha vojta l-ixkora!

Rajna fuq fuq xi ħaġa dwar post qrib tagħna, li wieħed jista’ jżuru fi vjaġġ ta’ ġurnata waħda biss. Tassew li Siracusa hija tefgħa ta’ ġebla bogħod minna iżda hija dinja għal kollox differenti.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 25 ta' Lulju 2020