venerdì 25 settembre 2020

X’differenza!

 

Spiss niltaqa’ ma’ xi ħbieb jew nies li nafhom u nieqfu ngħidu kelma malajr malajr. Bla ma rridu dejjem nispiċċaw ngħidu xi ħaġa dwar kif qed ngħaddu ħajjitna, kif il-pandemija tal-Covid-19 gerfxitilna ħajjitna, ħarbtitilna r-rutina ta’ ħajjitna u biddlitilna jew ħassritilna l-pjani li kellna f’moħħna. Naħseb li ħaġa bħal din tiġri lilkom ukoll, għax wara kollox qegħdin ngħixu fi żmien li qatt ma għexna bħalu. Lanqas dawk li jiftakru t-tieni gwerra dinjija ma għexu żmien bħal dan għax tal-anqas dawn kienu jkunu jafu meta l-għadu jkun fil-qrib u għalhekk kienu jiġru biex isibu fejn idabbru rashom u jistkennu minnu. L-għadu li laqat lid-dinja din is-sena ma tkunx taf fejn hu u jkun qed jheddek erbgħa u għoxrin siegħa kuljum, sebat ijiem fil-ġimgħa. U aħna nafu li għandna dan l-għadu ma’ djulna u ma nistgħu nagħmlu xejn kontrih għajr li nsegwu l-istruzzjonijiet li jagħtuna l-awtoritajiet. U meta niġu biex ninfirdu minn dik il-persuna li nkunu ltqajna magħha nispiċċaw ngħidu.... “X’differenza!”

Fix-xogħol

Fl-ewwel xhur tal-pandemija kien hawn bosta ħaddiema li bdew jaħdmu minn djarhom. Bis-saħħa ta’ hekk nistgħu ngħidu li gawdiet id-dinja kollha. Billi l-karozzi naqsu mit-toroq l-arja kienet aktar nadifa, sar anqas ħmieġ lill-ambjent u n-natura dlonk bdiet turina li kienet qed tieħu gost b’dak li kien qed jiġri. Iżda wara ftit kollox reġa’ lura għal dak li kien qabel u l-karozzi reġgħu bdew jimlew it-toroq tad-dinja kollha. Aħna l-Maltin, li għandna problema ta’ taffiku enormi, mill-ġdid bdejna neħlu fi sriebet ta’ karozzi ma jispiċċaw qatt.

Allura wieħed jibda’ jistaqsi: Tabilħaqq li mhux il-ħaddiema kollha jistgħu jaħdmu mid-dar, imma dawk li jistgħu jwettqu ħidmiethom b’dan il-mod, għalfejn kellhom jerġgħu lura għas-sistema ta’ qabel ir-restrizzjonijiet? Jien għamilt din il-mistoqsija lili nnifsi elf darba u sibt it-tweġiba waħdi. Ħaddiem li jitlaq mid-dar biex imur għax-xogħol jgħin biex iddur ir-rota tal-ekonomija tal-pajjiż. Jekk juża l-karozza tiegħu ikollu jgħaddi għand tal-pompa tal-petrol biex jimlielha t-tank. Jekk ikun kuraġġuż biżżejjed u juża t-trasport pubbliku jonfoq inqas, imma jrid iħalli daru ħafna qabel il-ħin tax-xogħol tiegħu. Dan il-ħaddiem jekk jgħaddi jieħu kafè u forsi jixtri ħobża biex joħodha miegħu għax-xogħol ikun qed jgħin l-ekonomija. Jekk tfajla hi u dieħla lejn l-uffiċċju tgħaddi minn quddiem ħanut u tara libsa sabiħa, għandha mnejn wara x-xogħol tgħaddi tixtriha. Jekk ix-xogħol isir mid-dar dan il-bejgħ jintilef kollu u jnaqqas it-tidwir tar-rota ekonomika. Meta għamilna dawk il-ġimgħat bit-teleworking rajna ħafna differenza!

F’divertiment

Bidla oħra li kellna nagħmlu tal dawn l-aħħar xhur huwa l-mod kif niddevertu. Is-sajf Malti huwa kkarattarizzat bil-festi tal-irħula u l-bliet. X’differenza din is-sena! Waqqafna kollox, ftaħna għal ftit u forsi f’dawk il-ftit ġimgħat eseġerajna xi ftit ukoll u kellna nerġgħu nwaqqfu kollox.

Il-festa llum ma għadhiex dik l-attività reliġjuża li kienet darba imma hija waħda mill-imgħażel tar-rota tal-ekonomija. Aktar ma jkollok flus aktar tagħmel festa kbira. Ftit flus, festa ċkejkna, ħafna flus, festa enormi. Dik hija l-verità tal-festi Maltin.

X’differenza dis-sena! Festa ġurnata waħda, quddiesa u xejn aktar. Nies fil-knisja limitati u kulħadd liebes il-maskra jew il-visor. Xejn marċi, xejn xalati l-għada tal-festa!

Tiġijiet

Bosta koppji kellhom ibiddlu d-data taż-żwieġ tagħhom. Minħabba l-pandemija. Imma kemm ser iddum tbiddel dati? Kelli okkażjonijiet li ntejjeġ xi koppji minn dawn li qed insemmi. Fil-knisja ftit li xejn inbidel u l-bidliet li saru jkun hawn min lanqas jintebaħ bihom, imma fir-riċeviment tara bidla totali. Spiċċa ż-żmien fejn tifraħ mal-koppja u mal-mistiedna l-oħra, ikollok toqgħod bilqegħda fejn ipoġġuk u jservuk qisek qiegħed f’ristorant. U jekk ikollok il-ħbieb fuq il-mejda ta’ ħdejk, aqbad il-mowbajl u ċemplilhom jekk trid tgħidilhom xi ħaġa għax ma tistax tmur ħdejhom! X’differenza!

Safar

F’dan is-sajf żgur li rajna bidliet u differenzi kbar fil-pjanijiet tas-safar tagħna. Addio l-vjaġġ li tkun ilek tant xhur tixtieq twettaq, spiċċa l-long haul li ħlomt sewwasew wara l-aħħar vjaġġ tas-sena l-oħra! Tassew li l-ajruport jinsab miftuħ u min irid isiefer jista’ jagħmel dan bil-libertà kollha, imma ħafna huma dawk li qed jibżgħu jagħmlu dan. U min ilumhom? Illum noħolmu u nfittxu fuq l-internet dwar pajjiżi li nixtiequ nżuru ladarba jgħaddi kollox. X’differenza, illum il-pajjiżi qed inżuruhom virtwalment, imma xorta ma huwiex il-mod xieraq li żżur pajjiż. Xejn ma jista’ jissupera il-preżenza fiżika.

Kemm bidliet kellna nagħmlu matul is-sena 2020. F’kull qasam tal-ħajja kellna nbiddlu xi ħaġa rridu jew ma rridux. Bidliet li kellna nwettqu forsi kontra r-rieda tagħna, bidliet li meta nitkellmu dwarhom ma’ xi ħadd nispiċċaw nindunaw bihom u bla ma rridu ngħidu: “X’differenza!”

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 26 ta' Settembru 2020




venerdì 18 settembre 2020

In-niċċa

 

Waħda mill-karatteristiċi tat-toroq tal-irħula antiki Maltin huma n-niċeċ bl-istatwi tal-qaddisin li nsibu fihom. Bħall-popli Mediterranji l-oħra, il-poplu Malti huwa wieħed reliġjuż u jgħożż id-drawwiet qaddisa għalkemm ġieli dawn id-drawwiet jibdilhom f’sempliċiment kultura. In-niċeċ fit-toroq ta’ rħula Maltin qodma huma xhieda ta’ dan.

Skopijiet



L-ewwel skop ta’ dak li jagħmel in-niċċa kienet tkun id-devozzjoni. Il-Madonna hija l-aktar xbieha popolari f’dawn in-niċeċ. Billi Marija hija meqjuma b’għadd ta’ titli u devozzjonijiet, ma jistax jonqos li nsibu niċe       ċ tal-Madonna bi xbihat differenti, minn tal-Karmnu għall-Kunċizzjoni jew id-Duluri u elf titlu ieħor. San Ġużepp ukoll huwa qaddis popolari f’dawn in-niċċeċ u mbagħad ma jonqsux il-qaddisin titulari tal-parroċċa ta’ dak ir-raħal jew belt li fiha tkun dik in-niċċa bl-istatwa.  Dak li jkun kien jieqaf jgħid xi talba quddiem xi niċċa u b’hekk kien jintlaħaq l-iskop ta’ dak li jkun waqqafha. Xi wħud min-niċeċ għandhom marbut magħhom xi tip ta’ indulgenza. Din tingħata mill-isqof għal numru ta’ żmien lil min jgħid talba quddiem ix-xbieha. Il quddiem nikteb xi ħaġa dwar dawn l-indulġenzi.

Dawn in-niċeċ kienu jservu wkoll skop ieħor. Billi d-devoti ta’ dawn il-qaddisin qatt ma kienu jħalluhom neqsin mix-xemgħa, jew aħjar miż-żejt, għax qabel bdiet tintuża x-xemgħa kienu jintużaw tazzi biż-żejt, kienu jservu wkoll biex matul il-lejl jittaffa xi ftit mid-dlam. Qegħdin nitkellmu fi żmien meta d-dawl elettriku kien għadu ma daħalx f’pajjiżna u anke meta daħal kien għadu ma nxteridx sewwa.

Xi wħud minn dawn in-niċeċ taw anke isem liż-żona tagħhom u għalhekk insibu min jirreferi għal xi rokna jew roqgħa partikolari f’xi raħal bl-isem ta’ xi niċċa li jkun hemm, bħal ngħidu aħna, fejn San Pawl jew ħdejn Santu Rokku.

Kurżitajiet


Ma’ xi wħud minn dawn in-niċeċ hemm marbutin stejjer jew kurżitajiet.  Insemmu xi waħdiet biss għax jekk nibdew min jaf meta nispiċċaw! Fir-raħal ta’ Tal-Pietà, inti u sejjer lejn l-Imsida, sewwasew quddiem il-baħar,  hemm sqaq, li llum iġib l-isem Sqaq ix-Xatt numru 3. Fil-bidu ta dan l-isqaq hemm niċċa tad-Duluri. Jingħad li f’dan l-isqaq kienet toqgħod ċerta Perennia Pace. Iż-żagħżugħ Ġużeppi Calì tefa’ għajnejh fuqha u għamel wegħda mal-Madonna li jekk taċċetta l-proposta tiegħu għaż-żwieġ iwaqqaf niċċa fit-tarf tas-sqaq fejn kienet toqgħad din it-tfajla. Gużeppi u Perennia żżewwġu fl-1871 u r-raġel żamm kelmtu, waqqaf in-niċċa u fiha poġġa pittura tad-Duluri li pitter huwa stess. Illum minħabba l-valur ta’ din il-pittura ma għadniex naraw il-kwadru oriġinali fin-niċċa imma xorta nsibu xbieha tad-Duluri.

Niċċa oħra ta’ interess partikolari hija dik li nsibu fi Triq San Bartilmew Ħal Qormi. Din għandha fiha statwa ta’ San Bastjan u jingħad li nħadmet mill-iskultur Marku Montebello meta kien għadu tfal, anzi din kienet l-ewwel xogħol ta’ dan l-iskultur li maż-żmien ħadem statwi madwar Malta kollha, mhux biss għal niċeċ ta’ mad-djar iżda anke bosta stawi oħra ma’ knejjes jew fuq xi zuntier jew portiku, kampnar jew fontispizju ta’ knisja.

Niċċa li qalgħet xi ftit jew wisq kontroversja kienet dik tal-Madonna ta’ Lourdes li kien hemm fejn il-pixxina nazzjonali Tal-Qroqq. Din kellha titneħħa minħabba l-proġett tal-pont tal-Kappara. Billi kienu ħafna dawk devoti ta’ din in-niċċa kien hemm min ħaseb li din issa ser tingħata l-ġenb u min jaf xi jsir minnha. Forsi kieku ħadd ma qal xejn  hekk kien jiġri, biss illum  minkejja li nbidlilha postha, qegħda f’niċċa tal-ġebel mill-isbaħ, sewwasew taħt il-pont il-ġdid.

Stat tan-niċeċ

Ħafna minn dawn in-niċeċ huma parti mill-faċċata ta’ xi dar privata għalhekk dawn ikunu privati wkoll. Billi ħafna minnhom għandhom bosta snin, xi wħud minnhom aktar minn mitt sena, iż-żmien ikun beda jħalli fuqhom il-marka tiegħu. In-niċeċ huma maħdumin mill-ġebla Maltija u tal-istess materjal huma l-istatwi li nsibu fihom. Għalhekk fħafna minn dawn in-niċeċ bdejna naraw ħafna ħsara għax sidhom jew ma jkunx jista’ jagħmel ir-restawr meħtieġ jew għax dik id-dar tkun spiċċat vojta. Biex ngħidu d-dritt, hawn ħafna niċeċ fi stat tajjeb għax sidhom jieħu ħsieb idurhom spiss, imma hemm ukoll minnhom fi stat tal-biki.

Kien hemm żmien fejn ftit li xejn konna qed nagħtu kashom u siċċajna biex tlifna xi wħud minnhom, jew minħabba l-elementi tan-natura jew għax intgħoġbu minn xi ħadd u għamilhom tiegħu.

Dawn illum saru patrimonju u ma tistax taqbad u tneħħi xi waħda minnhom, imma hemm bżonn li titieħed azzjoni bla aktar dewmien. Il-gvern ċentrali għadnu jiftaħ fond għar-restawr ta’ dawn in-niċeċ. Naf li xi kunsilli lokali jieħdu ħsieb xi restawr ta’ statwi fil-lokal, imma ma nafx jekk jieħdux ħsieb dawn in-niċeċ ukoll.

Hemm bżonn wieħed jaħseb fuq din il-ħaġa bis-serjetà u bla ma jitħalla wisq aktar żmien jgħaddi.

Fr Reno Muscat


Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 19 ta' Settembru 2020




venerdì 4 settembre 2020

It-tribuna ta’ Bernini

 

Hawn min isejħilha tribuna, min baldakkin, min ċiborju. Ħafna jaħsbu li din hija simbolu li l-knisja li tkun fiha tkun bażilika. Dan mhux bil-fors. Insibu bażiliċi, anke Malta stess li ma għandhomx tribuna u nsibu knejjes oħra li għandhom it-tribuna imma ma humiex bażiliċi. Illum nixtieq ngħid xi ħaġa dwar dik it-tribuna li naħseb hija l-aktar waħda famuża mad-dinja kollha. Qegħdin nirreferu għal dik l-istruttura li nsibu fuq l-artal maġġur tal-Bażilika ta’ San Pietru, sewwasew taħt il-koppla meastuża, tribuna li nħadmet mill-artist Bernini.


L-artist

Gian Lorenzo Bernini twieled fis-7 ta’ Diċembru, 1598 fil-Belt ta’ Napli li sa dak iż-żmien kienet il-belt Kapitali tar-Renju ta’ Napli. Aħna l-Maltin ngħidu li bin is-sengħa għadnu nofsha, u f’dan il-każ żgur li dan huwa qawl li jgħid il-verità għax missieru kien skultur li jismu Pietro. Ommu kienet Angelica. Propjament missieru ma kienx Naplitan imma kien minn Firenza, belt oħra mimlija arti bħalma hija Napli. Sa minn ċkunitu Gian Lorenzo wera li huwa ġenju fejn tidħol l-arti. Missieru ħeġġu biex jaqbad il-linja li kien ħa hu. Ikollna nammettu li qegħdin nitkellmu fi żmien meta l-Knisja kienet qed tikkommissjona ħafna artisti jaħdmu fil-knejjes. Kien l-isbaħ żmien għall-arti barokka.

Jekk naqbdu nsemmu x-xogħlijiet ta’ dan l-artist ma nieqfu qatt iżda tajjeb ngħidu li Ruma ħalla ħafna xogħol, fosthom il-kolonnat ta’ Pjazza San Pietru. Xogħol ieħor tiegħu insibuh anke barra mill-art Taljana. Hu ma ħadimx biss fi knejjes, iżda nsibu l-arti tiegħu f’bosta palazzi, ġonna jew pajzez, fosthom f’Villa Borghese u l-famuża funtana tal-erba’ xmajjar fi Pjazza Navona, it-tnejn f’Ruma. Huwa miet fil-belt ta’ Ruma fit-28 ta’ Novembru 1680 meta kellu wieħed u tmenin sena. Ħajja twila u mimlija, mhux ta’ b’xejn insibu daqstant xogħol tiegħu.

It-tribuna

Imma ejjew nitkellmu ftit fuq it-tribuna li semmejt fil-bidu.

Il-Papa Urbanu VIII li mexxa l-Knisja bejn l-1623 u l-1644, fl-istess sena li ntgħażel Papa, qabbad lill-artist Naplitan Gian Lorenzo Bernini sabiex jaħdem din it-tribuna biex ikun imsebbaħ dejjem aktar il-qabar tal-Appostlu Pietru. Il-bażiliċi prinċipali kollha ta’ Ruma għandhom tribuna u allura kien jixraq li ssir waħda għal din il-bażilika wkoll. Il-materjal tagħha huwa bronż. Hemm xnieha li tgħid li l-bronż għal din it-tribuna kien jgħatti x-xorok tas-saqaf tal-Pantheon ġewwa Ruma, iżda xi wħud ma jaqblux ma din ix-xnieha u jsostnu li l-bronż għaliha kien inġieb minn Venezja. Hi x’inhi, illum għandha tribuna tal-bronż mill-isbaħ u induratura tad-deheb.

Isfel nett insibu erba’ bażijiet tal-irħam. Fuq dawn il-bażijiet naraw l-arma tal-familja Barberini, il-familja tal-Papa Urbanu VIII. Fuqhom insibu erba’ kolonni stil solomonjak għoljin għoxrin metru u mbagħad kapitelli fuq stil korint. Fuq il-kapitelli jinfirex is-saqaf tat-tribuna fejn isfel naraw simbolu tal-Ispirtu s-Santu, mad-dawra jidhru patalotti mdendlin u fuq naraw sett ta’ anġli filwaqt li minn kull rokna jitla’ skartoċċ sabiex l-erba’ skrataċ jiltaqgħu fin-nofs u fuq kollox jiddomina salib. B’kollox din it-tribuna hija għolja kważi tletin metru.

Bis-saħħa ta’ din it-tibuna ġie rranġat anke żball arkitettoniku. Fi knisja forma ta’ salib latin l-artal maġġur għandu jkun bejn iż-żewġ pilastri maġġuri ta’ wara. Fil-bażilika tal-Vatikan l-artal maġġur qiegħed f’ nofs l-erba’ pilastri maġġuri, biex ikun sewwasew fuq il-qabar ta’ San Pietru. B’din it-tribuna ntrebaħ dan id-difett jekk nistgħu ngħidulu hekk.

Kopji

Madwar id-dinja nsibu xi kopji ta’ din l-opra tal-artist Bernini.

Kopja tal-injam ta’ din it-tribuna tinsab fil-katidral ta’ Foligno fl-Italja. Din saret fl-1698. Inħadmet minn Antonio Calcioni fuq xewqa tal-familja Roscioli. Għalhekk fil-bażi tal-kolonni tat-tribuna nsibu l-arma ta’ din il-familja.

Kopja oħra nsibuha fil-katidral Mary Queen of the World ta’ Montreal fil-Kanada. Din hija kopja maħduma fil-bronż minn Arthur Vincent u Olindo Gratton bejn l-1885 u l-1888. Din hija kopja fidila ta’ dik li nsibu fil-Vatikan.

Fl-aħħar imma mhux l-inqas insibu kopja ta’ din it-tribuna f’pajjiżna. Fil-bażilika ta’ San Ġorġ tar-Rabat Għawdex saret tribuna kopja ta’ dik ta’ Bernini fl-1967. Din hija tal-bronż u nħadmet mill-artist Carlo Pisi. Din ukjoll hija replika tajba ħafna.

Tajjeb ngħidu li fil-katidral ta’ San Vigilju fi Trento l-Italja wkoll naraw tribuna oħra li saret fl-1743. Din inħadmet minn  Domenico u Anton Giuseppe Sartori. Minkejja li hija kopja ta’ dik tal-Bernini, jkollna ngħidu li ma hijiex kopja fidila għal dik oriġinali, iżda mal-ewwel daqqa ta’ għajn mill-ewwel tgħid li min ħadimha, jew min fassalha kellu dik ta’ Ruma f’moħħu.

Illum rajna xi ħaġa żgħira fuq opra tal-arti famuża li nistgħu ngħidu li aħna ffurtunati li f’pajjiżna għandna wkoll replika tagħha.

Fr Reno Muscat


Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon -  5 ta' Settembru 2020











giovedì 3 settembre 2020

Id-deżert Saħara

 

Min jaf kemm-il darba smajna l-isem tad-deżert Saħara li jinsab mhux wisq bogħod minn artna. Min jaf kemm immaġinajna xeni ġewwa moħħna ta’ kif jista’ jkun dan il-post li ġieli ltqajna’ miegħu fil-kotba tal-iskola, l-aktar tal-ġeografija. Dan id-deżert enormi hemm ħafna x’wieħed jgħid fuqu u aktar ma tfittex aktar tinduna kemm ma nafu xejn dwaru.

 Qabel xejn

Tajjeb l-ewwel ħaġa naraw minn fejn ġej l-isem ta’ dan id-deżert. Nimmaġina li bħali hawn min kien jaħseb li l-kelma Saħara għandha x’taqsam mas-sħarijiet, mal-magħmul u mal-maġija. Meta kont għadni żgħir hekk kont naħseb. Imma l-isem ġej mill-kelma Għarbija ṣaḥrā li tfisser medda ta’ art deżert. Il-plural ta’ ṣaḥrāʾ  tiġi ṣaḥārā. Minn hawn ġej l-isem li d-dinja kollha ssejjaħ lil dan id-deżert. Għal bosta Għarab dan id-deżert jissejjaħ ukoll Al-Kubra, li tfisser “il-kbir”, ovvjament jindika lid-deżert il-kbir. Dan huwa l-isem tad-deżert sħiħ iżda tajjeb inkunu nafu li xi partijiet minnu għandhom isem għalihom bħal ngħidu aħna ir-reġjun ta’ Tanezrouft  fil-Lbiċ tal-Alġerija u r-reġjun ta’ Ténéré li nsibu fiċ-ċentru tan-Niger.  Tajjeb ukoll ngħidu li dan id-deżert jinfirex f’bosta pajjiżi. Jibda mill-Marokk għall-Alġerija, it-Tuneżija, il-Libja u l-Eġittu, stati li jiffurmaw ix-xatt Afrikan tal-Mediterran. Minn dawn il-pajjiżi jestendi  ’l isfel u jidħol fil-Mawritanja, il-Mali, in-Niġer, iċ-Chad, l-Eritrea u s-Sudan. Parti minn dan id-deżert, li tinsab fil-Punent bejn il-Marokk u l-Mawritanja, toħloq xi ftit problemi għax iż-żewġ pajjiżi jgħidu li tagħmel mat-territorju tagħhom.

 Sa issa għidt biss li dan id-deżert huwa enormi jew li huwa kbir, imma ma semmejtx daqsijiet. Id-daqs ta’ dan id-deżert huwa ftit aktar minn disa’ miljun kilometru kwadru. Kien hemm żmien fejn kien akbar u kien hemm żmien meta kien iżgħar għax in-natura tagħmel xogħolha mal-medda tas-snin.

 

Ħajja jew le?

Forsi jkun hawn min jaħseb li f’dan id-deżert ma teżistix ħajja, imma minkejja l-klima sħuna li hemm fih, xorta waħda hemm bosta ħajjiet. Jeżistu aktar minn elfejn speċi ta’ pjanta differenti fih kif ukoll għadd ta’ siġar li jifilħu l-ħajja iebsa ta’ dan il-post. Waħda mill-aktar siġra komuni hija s-siġra tal-palm li tipproduċi t-tamar. Kont naħseb li jeżisti tip wieħed ta’ tamar imma kont żbaljat. Meta żort suq tat-tamar intbaħt li hemm għexieren ta’ kwalitajiet ta’ tamar differenti, jiddependi mit-tip ta’ palma li jikber fiha. Fid-deżert insibu siġat tal-palm differenti.

 Bħala annimali żgur li meta nsemmu d-deżert jiġi f’moħħna l-ġemel, imma dan huwa wieħed biss mill-bosta annimali li kapaċi jgħixu f’dan l-ambjent. Mogħoż u nagħaġ tad-deżert huma abbundanti, iċ-ċriev ukoll huma annimali li nsibu f’għadd kbir. Imbagħad hemm il-klieb tad-deżert jew xakalli kif ukoll il-volpi tad-deżert. Darba kelli l-opportunità nżomm volpi minn dawn f’idejja. Bqajt miblugħ bil-fatt kemm il-pil tiegħu hu artab. Tmellsu u tistħajlek qed tmiss xi biċċa satin fina. Tiskanta n-natura x’kapaċi tagħmel! F’xi partijiet insibu annimali perikolużi bħal sriep u kukkudrilli u ftit speċi ta’ felini, ir-razza li tinkludi l-iljuni, t-tigri u annimali simili. F’xi nħawi hija xena komuni tara familji ta’ xadini. Jeżistu wkoll bosta annimali oħra żgħar bħal ġrieden u famuż ħafna huwa l-iskorpjun tad-deżert li l-qawwa tal-valenu tiegħu tista’ toqtol bniedem.  Dawn huma biss ftit mill-annimali li nsibu. Bħala tjur insibu ħafna fosthom il-kokka u l-ajkla.

Nafu li bla ilma l-ebda ħajja ma tista’ tkompli miexja ’l quddiem. U hawn dlonk tiġi l-mistoqsija kif jgħixu dawn il-ħajjiet kollha? Id-Deżert Saħara minkejja li huwa xott fih ukoll xi xmajjar li matul ix-xhur niexfa jixxuttaw għal kollox iżda meta jkunu xhur ta’ xita dawn jerġgħu jieħdu l-ħajja u l-ilma tagħhom jerġa jibda jgelgel fihom. Hemm żewġ xmajjar biss li ma jinxfux, in-Nil u n-Niger. Biss hemm bosta riservi u għadajjar imxerdin mad-deżert li jiggarantixxu l-ħajja f’dan il-post.

L'immagine può contenere: Renò Muscat, con sorriso, in piedi, spazio all'aperto e natura
L-awtur b'volpi tad-deżert f'idejh

.

 


Abitanti
  

Minkejja li huma ftit, hemm xi popli wkoll li jappartjenu propju għad-deżert. Dawn għadhom jgħixu b’mod primittiv u jimxu minn post għal ieħor skont il-ħtiġijiet tagħhom u skont x’ikun l-istaġun. Hemm madwar żewġ miljuni u nofs minn dawn il-bedwini. Kif wieħed jista jaħseb, il-ħajja ta’ dawn in-nies xejn ma hija waħda faċli u għalhekk illum bosta minnhom qed iħallu l-ħajja li għexu l-antenati tagħhom għal eluf ta’ snin u jfittxu xi dar f’xi belt jew raħal. Xi gvernijiet qed jgħinu lil dawn in-nies biex din il-ħajja kemm jista’ jkun titnaqqsilha it-tbatija u fl-istess waqt ma tintemmx.

 Id-Deżert Saħara huwa post meraviljuż. Lejl taħt il-kwiekeb, qrib xi ħuġġieġa, għad-daqq tat-tnabar u l-kant tradizzjonali hija avventura li tibqa’ tiftakar ħajtek kollha, għax minkejja d-differenzi kollha li dan il-post għandu mill-kumplament tad-dinja, hemm ħajja sabiha. Tajjeb jekk wieħed ikujn avventuruż jgħaddi almenu lejl wieħed biss f’dan id-deżert tal-meravilji.

 

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 12 ta' Settembru 2020