Kultant inkunu qed inqallbu f’xi kexxun u jiġi f’idejna xi ritratt jew xi oġġett li nkunu ilna ma naraw. Dak l-oġġett jew ritratt jista’ jnissel ġewwa fina sentiment jew emozzjoni li tissejjaħ nostalġija, sentiment jew emozzjoni li mhux faċli jiġu mfissra bil-kliem. Dan is-sentiment emozzjonali, biex insejjaħlu hekk, jista’ wkoll jitqanqal fina meta nkunu qed inqallbu fuq l-internet, l-aktar l-aktar fil-media soċjali, u nsibu xi filmat tal-passat. Jien hekk ġrali llum, sibt filmat ta’ Buġibba tas-snin sebgħin, snin meta dak il-post kien differenti għal kollox minn kif inhu llum. Biex ngħidu d-dritt, dawk is-snin mhux Buġibba biss kienet differenti imma Malta kollha. Kien filmat li qanqal fija nostalġija ħelwa għal dawk is-snin meta konna mmorru l-baħar hemmhekk.
Dulur jew ferħ?
Nostalġija hija kelma ġejja mill-Grieg, magħmula minn νόστος (nostos) li
tfisser ritorn, u άλγος (algos) uġigħ jew dulur. Għalhekk nistgħu ngħidu li
l-kelma Nostalġija taf il-bidu tagħha bħala l-uġigħ tar-ritorn. In-nostalġija hija
emozzjoni kkaratterizzata minn sens ta’ dwejjaq u dispjaċir għad-distanza
mill-maħbubin jew postijiet għeżież jew għal xi avveniment li tkun għext
fil-passat u li tkun tixtieq terġa’ tgħix. Jista’ jkun ukoll sentiment
paradossalment ta’ dwejjaq u fl-istess ħin ta’ ferħ, ta’ dwejjaq għax tkun tixtieq
terġa’ tgħix mument tal-passat jew tixtieq tkun f’post fejn tkun għext jew żort
u ta’ ferħ għax dak il-mument kien mument tabilħaqq sabiħ u ferrieħi jew post
fejn tkun għaddejt xi wħud mill-isbaħ mumenti ta’ ħajtek. Il-fatt li tiftakar
dak il-mument u dak il-post jista’ jġib f’moħħ dak li jkun il-mumenti kuntenti li
jkun għex iżda fl-istess ħin jikkawża sens ta’ dwejjaq għaliex l-arloġġ ma
tistax treġġgħu lura u l-passat għadda u qatt ma jerġa’ jiġi. Hi x’inhi,
in-nostalġija hija emozzjoni li fiha bosta komplikazzjonijiet.
Minkejja li l-kelma nnifisha ġejja mill-Grieg, fi żmien il-Griegi Klassiċi
ma kinitx teżisti din il-kelma. Allura nistħajjilkom tistaqsu: “Mela kif daħlet
fl-użu tagħna?” Din il-kelma daħlet fil-vokabularju Ewropew fis-seklu sbatax,
grazzi għall-istudent tal-mediċina Johannes Hofer li kien jistudja fl-Università
ta' Basel, l-Alsazja. Huwa waqt li nnota t-tbatija tas-suldati merċenarji
Żvizzeri fis-servizz tar-re Franċiż Luwiġi XIV, li kienu sfurzati li jibqgħu ’l bogħod għal
żmien twil mill-muntanji u l-widien ta’ art twelidhom u ovvjament mill-familja.
Dan l-istudent iddedika teżi dwar dan il-fenomenu u kienet ippubblikata f’Basel
fl-1688 bit-titlu “Dissertazzjoni Medika dwar in-Nostalġija”. Minn hemm bqajna
niltaqgħu ma’ din il-kelma.
Kulħadd fl-istess ilma
Ilkoll kemm aħna għandna s-sentimenti u l-emozzjonijiet tagħna. Nistgħu
ngħidu li dawn ftit li xejn ivarjaw minn persuna għal oħra. In-nostalġija pereżempju
tolqot lil kulħadd.
Meta dan l-aħħar miet il-Prinċep Filippu, qrajna bosta kummenti li kull
meta kien jitkellem dwar Malta kien iħoss ċerta nostalġija. Ovvajment meta kien
jgħix f’pajjiżna kien għadu żgħir, u Malta kienet differenti għal kollox minn
kif inhi llum. Xi nies li jiftakru l-koppja rjali toqgħod f’Villa Guardamangia
f’Tal-Pieta, ukoll jitkellmu b’ħafna nostalġija dwar din il-koppja li kienet tkun
bogħod minn ħafna mpenji rjali li jitolbu l-palazzi u hawnhekk setgħu jgħixu
ħajjithom bil-libertà. X’ma jħossux nostalġija! Semmejt il-koppja rjali, imma
aħna wkoll jiġu waqtiet li fihom inħossu x-xewqa li ngħixu mill-ġdid xi waqt
mill-imgħoddi. Għax wara kollox mhux kollha bnedmin aħna? Mhux kollha l-istess
għaġna magħġunin?
Xewqa li nerġgħu lura
Madwar ħamsa u għoxrin jew tletin sena ilu, ċertu bniedem Malti li kien
miżżewweġ u jgħix l-Ingilterra kien spiss jiġi Malta biex iżur lill-familja.
Kien l-hena tiegħu jiġbed xi filmat. Kienet ħaġa mhux daqstant komuni dawk
iż-żminijiet. Illum meta naraw il-filmati li ġibed, tal-Ġimgħa l-Kbira,
tal-festa tal-Patrun u tant filmati oħrajn, ngħidu li mnalla kien Danny li
ġibed dal-filmati għax kieku tlifna kollox.U dawn il-filmati jqanqlu fina ħafna
Nostalġija
Din hija n-nostalġija, xewqa tal-passat imħallat ma’ ftit imrar għax issa
għadda darba għal dejjem u ma jerġa’ jiġi qatt.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 24 ta' April 2021