sabato 28 agosto 2021

RONALDO - Rigal mhux lid-dinja sportiva biss

 

Ma hemmx għalfejn tkun xi fanatiku tal-futbol biex tkun smajt bl-isem ta’ Cristiano Ronaldo. Huwa plejer tal-futbol Portugiż li sal-bieraħ kien attakkant tat-tim tal-Juventus u għadu tat-tim nazzjonali Portugiż, li tiegħu huwa wkoll il-kaptan. Meqjus bħala wieħed mill-aqwa plejers tal-futbol ta’ kull żmien, huwa fost l-iktar skorers prolifiċi fl-istorja tal-futbol. Fil-fatt huwa skorja aktar minn tmien mitt gol fi ftit aktar minn ħdax-il mitt logħba. Huwa sa issa jiġi t-tieni fil-lista tal-akbar skorers, sewwasew wara Josef Bican li f’ħames mija u tmienja u għoxrin logħba kien skurja tmien mija u għoxrin gol.  Fil-karriera tiegħu, Cristiano Ronaldo libes il-gerijiet ta’ Sporting Lisbon, Manchester Utd, Real Madrid u Juventus. Mat-tim nazzjonali Portugiż huwa pparteċipa erba’ darbiet fit-Tazza tad-Dinja; dik tal-2006, tal-2010, tal-2014 u tal-2018 kif ukoll lagħab f’ħames kampjonati Ewropej; fl-2004, fl-2008, fl-2012, fl-2016 u fl-2020 (li saru fl-2021). Bla dubju dan huwa rekord assolut fid-dinja tal-futbol.

Familja

Cristiano Ronaldo dos Santos Aveiro twieled f'São Pedro, Funchal, fil-gżira Portugiża ta’ Madeira, u trabba f'Santó António, Funchal. Huwa r-raba’ u l-iżgħar tifel ta’ Maria Dolores dos Santos Viveiros da Aveiro, koka, u José Dinis Aveiro, ġardinar mal-kunsill lokali tal-post. In-nanna tiegħu, omm missieru, Isabel da Piedade, kienet mill-gżira ta' São Vicente, Cape Verde. Huwa għandu ħuh ikbar, Hugo, u żewġ ħutu bniet akbar minnu wkoll, Elma u Liliana Cátia. Huwa trabba f’ambjent fqir imma ġie mgħallem valuri Kristjani sodi.

Ommu, Dolores Aveiro fi ktieb li ġie ppubblikat bl-isem “Il-Kuraġġ ta’ Omm” tgħid li meta ħarġet tqila bih kienet  marret għand tabib f’Madeira u qaltlu: “Irrid nagħmel abort.” Imma t-tabib ma qabilx magħha.  Li jkollha r-raba’ tarbija fis-sitwazzjoni ekonomika li kienet tinsab fiha l-familja dak iż-żmien,  ma kinitx ħaġa li xtaqet Dolores. Minbarra l-qagħda ekonomika xejn sewwa tal-familja, il-missier, José, kellu problema tax-xorb li kienet tkompli tgħarraq il-qagħda tal-familja.

Dolores kienet beżgħana u nervuża imma r-risposta tat-tabib kienet “Le, jien ma nagħmlux l-abort.  Għandek biss 30 sena u ma hemm l-ebda raġuni fiżika li m’għandux ikollok tarbija.  Ħares lejha  bħala l-ferħ tal-familja.” Hija marret lura lejn id-dar iżda l-ħsieb tal-abort baqa’ jberren f’moħħha.

Ronaldo ma' ommu
Dolores ippruvat issib rimedji oħra biex twettaq l-abort li kellha f’moħħha u għalhekk talbet l-għajnuna ta’ waħda mill-ġirien,  imma ma rnexxilhiex.  Fl-aħħar il-fidi tal-familja rebħet u Dolores kompliet bit-tqala tagħha – deċiżjoni li setghet biddlet il-ħajja ta’ binha għal dejjem.

“Jekk ir-rieda ta’ Alla hi li dit-tarbija titwieled, jalla jsir hekk”. Kienet qalet Dolores. Wara ftit xhur twieled Ronaldo fil-5 ta’ Frar 1985 u Dolores stqarret li kien ġab ċertu ferħ fil-familja tagħha.

Qalb tad-deheb

Cristiano Ronaldo spiss iddistingwa ruħu wkoll għall-azzjonijiet tiegħu barra l-kamp sportiv: fl-2004, wara filmati televiżivi tat-terremot u t-tsunami li seħħew fl-Oċean Indjan, filmati li wrew immaġini ta’ tifel, orfni liebes flokk tat-tim nazzjonali Portugiż, Ronaldo ddeċieda li jżur il-belt ta’ Aceh fl-Indoneżja sabiex jiġbor fondi għar-rikostruzzjoni tal-belt. Fl-2008, wara li rċieva kumpens mill-gazzetta The Sun, f’kawża mirbuħa għal malafama mill-gazzetta, il-plejer tal-futbol iddeċieda li jagħti l-flus li rċieva lill-istituti tal-karità ta’ Madeira; Imbagħad ta donazzjoni ta’ 100,000 Lira Sterlina lill-isptar li salva lil ommu mill-kanċer biex jinbena ċentru tal-kanċer fil-gżira. Huwa wkoll qrib il-kawża Palestinjana, fl-2012 biegħ bl-irkant iż-Żarbuna tad-Deheb miksuba s-sena ta’ qabel, u l-miljun u nofs ewro li nġabru minnha ngħataw għall-finanzjament ta’ skejjel għat-tfal ta’ Gaża; fl-2012 ukoll, huwa ħallas għal kura speċjalizzata għal tifel ta’ 9 snin li jbati minn kanċer terminali, filwaqt li f’Diċembru ngħaqad mal-programm tal-FIFA 11 for Health biex iqajjem kuxjenza fost it-tfal dwar kif jiġu evitati kundizzjonijiet bħall-vizzju tad-droga, l-HIV, il-malarja u l-obeżità. Fi Frar 2013, ftit qabel il-partita tal-UEFA Champions League bejn Real Madrid u Manchester Utd, huwa għadda ċekk għal €100,000 li qala’ mill-UEFA għall-programm ta’ riabilitazzjoni tal-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar fl-Afganistan. L-2014 ta donazzjoni ta’ €70,000 lil familja Spanjola, wara li rkanta l-ger u ż-żraben tiegħu. Din il-familja riedet tiffinanzja kompletament it-trattament ta’ tarbija ta’ 10 xhur li kienet tbati minn marda f’ moħħha. Fl-2015 huwa ġie nnominat bħala l-iktar sportiv tal-karità wara li ta aktar minn €6, 000, 880 bħala għajnuna wara t-terremot tan-Nepal tal-25 ta' April 2015.

Immaġinaw kieku ommu rnexxielha tagħmel abort! X’telfa kbira kienet tkun mhux biss għad-dinja sportiva imma għall-umanità kollha. Din hija in-naħa umana ta’ dan l-istilla tal-futbol. Ronaldo ma huwiex biss rigal lid-dinja sportiva imma lill-umanità kollha.

 

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 28 ta' Awwissu 2021



sabato 21 agosto 2021

Il-Polonja

 

Wieħed mill-pajjiżi li dawn l-aħħar snin aħna l-Maltin bdejna nżuru spiss huwa l-Polonja. Dan il-pajjiż li ssieħeb fl-Unjoni Ewropea magħna għandu ħafna x’joffri u għalina l-Maltin, żjara fih għandha tkun vakanza mill-aqwa.

Il-Polonja, jew kif uffiċjalment jissejjaħ: ir-Repubblika tal-Polonja, huwa pajjiż li jinsab fl-Ewropa Ċentrali. Huwa maqsum f’16-il provinċja amministrattiva, li jkopru żona ta’ 312,696 kilometru kwadru u għandu klima staġjonali fil-biċċa l-kbira moderata. B’popolazzjoni ta’ kważi 38.5 miljun ruħ, il-Polonja hija l-ħames l-iktar stat membru popolat tal-Unjoni Ewropea. Il-kapitali tal-Polonja hija Varsavja. Bliet kbar oħra jinkludu Krakovja, Łódź, Wrocław, Poznań, Gdańsk, u Szczecin. L-oriġini tal-isem "Polonja" ġejja mit-tribù Slav tal-Punent ta’ Polans jew Polanie, li kienu jabitaw fuq ix-xatt tax-xmara Warta tar-reġjun tal-Polonja l-Kbira tal-lum. L-oriġini tal-isem Polanie nnifisha ġejja mill-kelma Proto-Slava pole li tfisser għalqa. F’xi lingwi, bħall-Ungeriż, il-Litwan, il-Persjan, ir-Russu u t-Tork, l-isem tal-pajjiż huwa derivat mil-Lendjani li kienu joqogħdu fit-tarf tax-Xlokk tal-Polonja tal-lum. Isimhom ukoll ġej mill-kelma Pollakka antika lęda li tfisser art miftuħa jew pjanura.

Ftit storja

Meta wieħed jaqra l-istorja ta’ dan il-pajjiż jinduna kemm niesu minn dejjem batew iżda minkejja kollox baqgħu sodi u dejjem iġġieldu għal pajjiżhom. Il-Polonja bdiet tifforma f'entità magħquda u pajjiż rikonoxxut lejn nofs is-seklu 10 taħt id-dinastija ta’ Piast. L-ewwel ħakkiem tal-Polonja li huwa storikament dokumentat kien Mieszko I li aċċetta l-Kristjaneżmu bħala r-reliġjon uffiċjali tad-dinastija tiegħu. Dan ir-rikonoxximent tal-Knisja Latina fis-sena 966 nistgħu ngħidu li kien il-Magħmudija tal-Polonja. Fl-1569 il-Polonja ngħaqdet mal-Litwanja u fis-sekli XVI u XVII kien hemm bosta kriżijiet fit-tmexxija tas-saltna. Il-Pollakki qamu kemm-il darba kontra l-mexxejja tagħhom. Fl-1807 din l-art għaddiet taħt idejn Napujun li ddikjaraha bħala d-Dukat ta’ Varsavja. Wara l-Ewwel Gwerra Dinjija l-Alleati kollha qablu dwar ir-rikostituzzjoni tal-Polonja. It-Tieni Gwerra Dinjija bdiet bl-invażjoni tal-Polonja mill-Ġermaniża Nażista fl-1 ta’ Settembru 1939. Din kienet segwita mill-invażjoni Sovjetika fis-17 ta' Settembru. Fit-28 ta’ Settembru 1939, Varsavja waqgħet. Kif miftiehem bejn is-Sovjetiċi u n-Nażisti, il-Polonja kienet maqsuma f'żewġ żoni, waħda okkupata mill-Ġermanja Nażista, l-oħra mill-Unjoni Sovjetika. Is-snin tal-gwerra kienu snin tal-biża’ għall-polonja. Hemmhekk kien hemm għadd ta’ kampijiet ta’ konċentrament li kellhom l-għan li jeqirdu lil-Lhud u warajhom bosta u bosta oħrajn. Wara l-gwerra dan il-pajjiż daħal fl-era Komunista li baqgħet sejra sas-snin disgħin. Mal-ħelsien mill-Komuniżmu l-Polonja bdiet it-triq lejn tisħib fl-Unjoni Ewropea, li seħħ fl-1 ta’ Mejju tas-sena 2004.

L-aktar magħruf

Bla dubju l-aktar bniedem magħruf li tat l-art Pollakka kien dak li kien il-264 papa fl-istorja tal-Knisja Kattolika mis-16 ta’ Ottubru 1978 sa mewtu li ġrat fit-2 ta’ April tas-sena 2005. Karol Wojtyla twieled fit-18 ta’ Mejju 1920, f’Wadowice, fin-nofsinhar tal-Polonja. Huwa tilef lil ommu meta kien għadu tfal. Lejn nofs is-sena 1938, Karol flimkien ma’ missieru marru jgħixu ġewwa Krakovja fejn il-ġuvnott beda jsegwi kors tal-filosofija ġewwa l-Università. Ma għaddewx wisq xhur li ma faqqgħetx it-tieni gwerra dinjija. Il-Polonja inħakmet min-Nażisti Ġermaniżi u l-Università li fiha kien jattendi Karol ingħalqet. L-irġiel kellhom imiddu jdejhom għax-xogħol u kellhom iwarrbu l-istudju. Karol kellu jmur jaħdem f’barriera tal-ġebel  u aktar tard bħala spiżjar ġewwa fabbrika tal-kimiki. Xejn ma kien żmien sabiħ għad-dinja. Xejn inqas sabiħ kien dan iż-żmien għall-Polonja.  Biex il-ħajja tkompli ddewwaq l-imrar minn tagħha liż-żagħżugħ Wojtyla, nhar it-Tlieta, 18 ta’ Frar, 1941, imut missieru b’ attakk tal-qalb fl-età ta’ 61 sena. Karol kien għad għandu 20 sena. Aktar tard huwa kien qal “Ta’ għoxrin sena kont tlift lil dawk kollha li kont inħobb, lil dawk kollha li stajt inħobb, bħal oħti l-kbira li jgħidu li mietet sitt snin qabel ma twelidt jiena.” Għalina l-Maltin jibqa’ papa speċjali għax kien l-ewwel suċċessur ta’ San Pietru li ġie jżurna. U biex ngħidu kollox ġie aktar minn darba!

Turiżmu

Il-Polonja bdiet tesperjenzat żieda sinifikanti fin-numru ta’ turisti wara li ssieħbet fl-Unjoni Ewropea. Il-pandemija tal-Covid19 ħarbtet dan is-settur madwar id-dinja kollha. Bi kważi 21 miljun turist internazzjonali fl-2019, it-turiżmu jikkontribwixxi konsiderevolment għall-ekonomija ġenerali u jifforma proporzjon relattivament kbir tas-suq tas-servizzi tal-pajjiż. L-attrazzjonijiet turistiċi fil-Polonja jvarjaw, mill-muntanji fin-nofsinhar sal-bajjiet bir-ramel fit-tramuntana. L-iktar belt li jżuruha turisti hi Krakovja, li kienet fl-antik il-kapitali tal-Polonja u llum isservi bħala relikwa tal-età tad-deheb tal-Polonja u tar-Rinaxximent.

Il-kapitali Pollakka Varsavja u l-Belt il-Qadima storika tagħha ġew mibnija mill-ġdid wara li nqerdu bil-gwerra. Bliet oħra li jiġbdu għadd ta’ turisti jinkludu Gdańsk, Poznań, Lublin, Toruń kif ukoll i-kamp ta’ konċentrament Ġermaniż ta’ Auschwitz f'Oświęcim. Post li jżuruh bosta huwa l-Minjiera tal-Melħ f’Wieliczka. Din hija minjiera tas-seklu 13 donnha labrint li fiha wkoll kappella minquxin mill-minaturi minn melħ tal-blat taħt l-art.

Il-Polonja hija art li ta’ min iżurha. Hemm ħafna xi tgħid dwarha, jien semmejt ftit biss.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 21 ta' Awwissu 2021



sabato 14 agosto 2021

Bħal-lum tmenin sena

 

L-14 ta’ Awwissu għal ħafna minna jista’ jkun jum bħal ħafna oħra u ma jfisser xejn għalina. Biss f’dan il-jum, sewwasew tmenin sena ilu, miet, jew ġie maqtul bniedem li ta’ min jgħid xi ħaġa fuqu. Qed nirreferi għal San Massimiljanu Kolbe.

Żmien il-gwerra

Iż-żmien li qed nitkellmu dwaru huwa żmien it-tieni gwerra dinjija. Żmien xejn sabiħ fl-istorja tal-umanità, biss imbagħad hemm waqtiet minn dan iż-żmien li huma aktar ta’ mistħija minn oħrajn, bħal ngħidu aħna t-twaqqif tal-Kampijiet ta’ Konċentrament.

Auschwitz - Kamp ta' Konċentrament
Illum, tant snin wara din il-paġna tal-istorja li tħammar wiċċ il-bniedem ċivilizzat, l-isem Auschwitz u ismijiet oħra marbutin mal-magna tal-mewt,  għadu jkexkixna, ibeżżagħna, ibikkimmna u jbikkina. F’dak il-post fejn miljuni ta’ bnedmin, il-parti l-kbira tagħhom Lhud, sabu it-tmiem tagħhom, ġew sterminati, meqruda, maqtula..... minħabba filosofija żbaljata, minħabba twemmin falz li kien inxtered fost il-mexxejja tal-poplu Ġermaniż – filosofija li tifred il-bniedem skont ir-razza! Filosofija li tgħallem il-qerq għax fostna l-bnedmin ma hemmx razez, aħna lkoll maħluqin xorta. Jeżistu iva varjazzjonijiet fil-lewn tal-ġilda tagħna, jeżistu differenzi fil-fiżjonomija ta’ bnedmin minn oħrajn, imma aħna lkoll membri tar-razza umana.

Il-qerda ta’ tant miljuni ta’ bnedmin Lhud kienet frott filosofija ħażina u żbaljata, biss daqstant ieħor hija żbaljata l-filosofija tal-gwerra, filosofija li matul is-seklu li għadda tatna għal darbtejn gwerer dinjin. Il-gwerra hija “Straġi Inutli.” Hekk sejħilha l-Papa Benedettu XV fl-ittra appostolika tiegħu lill-Popli antagonisti tal-ewwel gwerra dinjija, ittra li ħariġha nhar l-10 ta’ Awwissu, 1917. Straġi inutli li fiha kulħadd joħroġ tellief u fejn ħadd ma jirbaħ xejn. Hekk jiġri fi gwerra.

80 sena ilu

Illum jaħbat it-tmenin sena mill-mewt ta’ bniedem fil-kamp ta’ konċentrament ta’ Auschwitz. Nistħajjilkom tgħiduli li ma jiena qed ngħid xejn speċjali għax f’dak il-kamp kienu jmutu jew jinqatlu mijiet, jew eluf ta’ bnedmin kuljum. Imma llum huwa t-tmenin anniversarju mill-mewt ta’ Massimiljanu Marija Kolbe, il-patri Franġiskan Konventwali li ta ħajtu biex jinħeles bniedem ieħor.

Maximiljanu Marja Kolbe, imwieled Rajmund Kolbe fi Zduńska Wola, l-Polonja nhar it-8 ta’ Jannar, kien qassis Pollakk u Franġiskan li offra li jieħu post missier ta’ familja, destinat għall-bunker tal-ġuħ fil-kamp ta' konċentrament ta’ Auschwitz. Huwa ġie beatifikat fl-1971 mill-Papa Pawlu VI, li sejjaħlu "martri tal-imħabba" u mbagħad ipproklamat qaddis fl-1982 mill-Papa Ġwanni Pawlu II.

Patri Massimiljanu Kolbe OFM Conv.
Wara li faqqgħet it-Tieni Gwerra Dinjija, Massimiljanu Kolbe kien wieħed mill-ftit patrijiet li baqgħu fil-kunvent ta’ Niepokalanów, fejn twaqqaf sptar temporanju. Wara li l-belt inqabdet mill-Ġermaniżi, huwa ġie arrestat minnhom fid-19 ta' Settembru 1939 iżda meħlus fit-8 ta' Diċembru. Huwa rrifjuta li jiffirma d-Deutsche Volksliste, dokument li kien jagħtih drittijiet bħal dawk taċ-ċittadini Ġermaniżi. Mal-ħelsien tiegħu huwa kompla jaħdem fil-kunvent tiegħu, fejn hu u patrijiet oħra pprovdew kenn lir-refuġjati fosthom 2,000 Lhudi li ħeba fil-kunvent ta’ Niepokalanów mill-persekuzzjoni Ġermaniża.

Fit-28 ta’ Mejju, 1941, Kolbe wasal fil-kamp ta’ konċentrament ta’ Auschwitz, fejn kien irreġistrat bin-numru 16670 u impjegat f’xogħlijiet tabilħaqq umiljanti bħalma huma t-trasport ta’ katavri. Huwa ġie msawwat diversi drabi, iżda ma qatax qalbu u baqa’ juri solidarjetà ma’ sħabu l-priġunieri. Minkejja li kien ipprojbit, Kolbe ċċelebra l-quddiesa b’mod sigriet tal-anqas darbtejn u kompla bl-impenn tiegħu bħala presbiteru.

Pittura ta' San Massimiljanu Kolbe li tinsab fil-
Kolleġġjata ta' San Ġorġ Ħal Qormi 
 Xogħol Manuel Farrugia
Ftit minn  ħajtu

Forsi l-aktar parti tal-ħajja tal-Qaddis Kolbe li aħna midħla tagħha hija din l-aħħar biċċa, imma biex huwa seta’ jgħix b’dak il-mod, kellu pedamenti sodi. Kolbe ma beniex id-dar tiegħu fuq ir-ramel u meta ġie l-maltemp waqqagħlu kollox, Kolbe bena daru fuq il-blat.

Kolbe kiber f’familja reliġjuża, li fiha sab sostenn u appoġġ għall-vokazzjoni tiegħu. Fiċ-ċentru tal-ispiritwalità tiegħu poġġa l-figura ta’ Marija Immakulata, li huwa kien jaraha bħala r-rabta bejn il-bniedem u Alla, u li lilha jista’ jafda ruħu bl-imħabba u l-fiduċja. Kien hu li waqqaf “Il-Milizja tal-Immakulata” għax kien jaf li bħalma l-Immakulata saħqet ras is-serp, kellha s-setgħa titlob lil Binha jeqred il-ħażen mill-ħajja tagħna. Kolbe mar ixandar lil Kristu fl-artijiet tal-missjoni. Huwa mar kemm il-Ġappun kif ukoll l-Indja sabiex iwassal l-Evanġelju ta’ Kristu lil dawk il-popli!



Wara mewtu

Kolbe ġie beatifikat fis-17 ta’ Ottubru tas-sena 1971 mill-Papa Pawlu VI u kkanonizzat fl-10 ta’ Ottubru 1982 mill-Papa Ġwanni Pawlu II, Pollakk bħalu. Fil-jum tal-kanonizzazzjoni tiegħu, il-Papa Wojtyła fl-omelija tiegħu ddefinieh bħala "martri qaddis, patrun speċjali għaż-żminijiet diffiċli tagħna, patrun tas-seklu diffiċli tagħna" u "martri tal-karità". Preżenti wkoll għaċ-ċerimonja kien hemm Franciszek Gajowniczek, ir-raġel li kien salva mill-mewt fil-kamp tal-konċentrament.

Il-Knisja Kattolika tiċċelebra l-memorja tiegħu dakinhar tal-mewt tiegħu, l-14 ta ’Awwissu.

Dan huwa dak li niċċelebraw illum, il-mewt ta’ bniedem kbir, sewwasew tmenin sena ilu!

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon - 14 ta' Awwissu 2021




sabato 7 agosto 2021

Komunikazzjoni

 

Il-bniedem huwa annimal ikkomplikat, annimal li jaħseb, annimal li jħobb, annimal li għandu l-fakultà tar-raġuni u huwa annimal li jikkomunika. Kull annimal għandu xi mod li bih jikkomunika biex inkunu qed ngħidu d-dritt, imma l-ebda annimal għajr il-bniedem ma huwa kapaċi jikkomunika bħalma jagħmel il-bniedem. Komunikazzjoni ma hija xejn għajr li dak li jkun jitfa’ f’post komuni dak li jkollu f’moħħu.

Ilbieraħ

Sa mill-ħolqien tiegħu l-bniedem beda jfittex u joħloq sistemi ta’ komunikazzjoni. Beda juża d-duħħan biex iwassal messaġġ lil xi ħadd il bogħod. Aktarx li dan kien ikun messaġġ li jkun riesaq xi periklu. Fiċ-Ċina, minn fuq il-Ħajt il-Kbir li nsibu f’dak il-pajjiż, kienu jintbagħtu messaġġ bid-duħħan minn torri għal ieħor li hemm ma’ dan l-hekk imsejjaħ ħajt. Il-messaġġi mibgħutin kienu jfissru li jkun hemm l-għadu qrib u li jkun ser jinvadihom. Ma hemmx għalfejn immorru daqstant bogħod, f’pajjiżna stess it-torrijiet tal-għassa li nsibu mxerrdin matul il-kosta kienu jużaw mod simili meta kienu jilmħu l-għadu ġej lejn artna minn fuq il-baħar. Minflok duħħan kienu jqabbdu ħuġġieġa imma l-messaġġ kien jasal xorta.

Min żar il-belt ta’ Krakovja fil-Polonja, jaf li fil-pjazza ċentrali, sewwasew minn fuq il-kampnar tal-knisja ta’ Santa Marija, kull siegħa tindaqq biċċa fanfarra bi trumbetta. Din tfakkar il-fatt meta għassies ra l-għadu riesaq u beda jdoqq biex javża lin-nies. L-għassies intlaqat f’għonqu minn vleġġa sparata min-naħa tal-għadu u għalhekk il-fanfarra waqfet ħesrem. Dan huwa mod ieħor ta’ kif kienet issir il-komunikazzjoni. Ladarba qed insemmu strumenti mużikali fil-komunikazzjoni tajjeb insemmu li f’xi postijiet fl-Afrika għadhom jintużaw it-tnabar biex iwasslu il-messaġġi.

Mużika

Il-mużika wkoll twassal messaġġ. Hemm mużika li tferraħ u hemm ukoll mużika li twassal messaġġ ta’ niket. Niftakru ftit fil-marċi li tant huma popolari f’pajjiżna. Hemm dawk li d-dilettanti jsejħu: marċi volanti, marċi ferrieħa li nisimgħuhom fil-festi tagħna, ovvajment mhux waqt il-pandemija, u li fihom id-dilettanti jkantaw, jaqbżu u jiżfnu. Hemm imbagħad il-marċi funerbi li jindaqqu f’okkażjonijiet li fihom ma jsirx qbiż u żfin bħal ngħidu aħna fil-Ġimgħa l-Kbira u f’xi funeral. La qed insemmi dawn id-drawwiet popolari ta’ pajjiżna inkunu nonqsu jekk ma nsemmux il-Valzi li xi rħula tagħna jsemmgħulna nhar Ħadd il-Għid. Kull tip ta’ mużika fiha messaġġ, kull mużika tista’ tkun parti minn komunikazzjoni.

Skiet

Kultant anke s-skiet jista’ jikkomunika xi ħaġa. Persuna quddiem pulizija li jkun qed jinterrogaha tista’ tagħżel is-skiet bħala risposta. Persuna li tkun ġiet offiża tista’ tagħżel is-skiet bħala arma – sewwasew kif jgħid il-Malti: is-skiet risposta. Iva s-skiet jista’ jkun ukoll komunikazzjoni. Nieħdu eżempju banali imma reali. Raġel jasal lura mix-xogħol, jiftaħ il-bieb ta’ barra u  kif jagħmel ta’ kuljum isejjaħ lil martu: “Wasalt jien ħanini.” Is-soltu kien ikun hemm it-tweġiba: “Hawn qegħda qalbi!”, imma llum xejn, skiet taqtgħu b’sikkina. Ir-raġel jidħol ħdejn martu u jsejħilha b’isimha u hi tibqa’ muta....... ma tridx wisq biex tinduna li hemm xi ħaġa ħażina. Is-skiet tagħha wassal messaġġ li dakinhar mhux kollox sew bħas-soltu.

Tekonolġija

Illum ma għadniex nużaw id-duħħan jew il-ħġejjeġ biex inwasslu dak li rridu nwasslu. Anke l-istrumenti naqsu fejn tidħol komunikazzjoni imma mhux għax ma għadniex nikkomunikaw iżda għax sirna nikkomunikaw b’modi oħra. Il-komunikazzjoni mingħajr fil taf il-bidu tagħha lir-radju. X’passi ta’ ġgant saru f’dan il-qasam, mhux biss fejn jidħol ir-radju imma f’kull qasam tat-tekonoloġija. Il-komunikazzjoni gawdiet bil-kbir minn dawn l-avvanzi. Bil-wasla tat-televiżjoni kien hemm min beża’ li r-radju kien ser imut mewta naturali. Tiftakruha d-diska tal-grupp The Buggles bl-isem “Video killed the Radio star”?  Minkejja li din id-diska ħarġet fl-1979, titratta s-sena 1952 meta t-televiżjoni kien għadu qed jevolvi. Illum nafu li din kienet biża’ fiergħa għax ir-radju għadu popolari sal-lum. Għax waqt li tkun qed issuq, waqt li tkun qed tagħmel xi ħaġa fid-dar, tista’ tibqa’ tisma’ r-radju imma mhux possibbli tara t-televiżjoni.

Imbagħad l-akbar qabża fejn tidħol komunikazzjoni u teknoloġija saret mal-wasla tal-internet. L-idea ta’ netwerk tal-kompjuters li tippermetti sidien ta’ kompjuters differenti jikkomunikaw ma’ xulxin żviluppat f’diversi stadji. Il-qofol ta’ dawn l-iżviluppi kollha wasslet għan-netwerk ta’ netwerks, dak li llum nafuh bħala l-Internet. Illum kważi kulħadd juża l-internet u għal bosta minna sar għodda indispensabbli li rriduha magħna l-ħin kollu u għalhekk inġorruha fil-but. X’inhu smart phone jekk mhux komputer? Tassew suppost huwa telefon, imma aktarx li l-anqas li nużawh huwa biex inċemplu. Aħna li qbiżna n-nofs seklu kellna nidħlu f’din id-dinja ta’ komunikazzjoni teknoloġika, imma dawk li għandhom nofs l-età tagħna twieldu f’dan l-ambjent, twieldu f’dinja teknoloġika.

Dan kollu huwa dovut għall-fatt li l-bniedem huwa l-aktar annimal li jikkomunika, anzi ma jistax ma jikkomunikax u għalhekk dejjem ra kif itejjeb il-mezzi ta’ komunikazzjoni – mis-sinjal bid-duħħan għat-telefon ċellulari!

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 7 ta' Awwissu 2021