sabato 29 gennaio 2022

IL-LEWN AĦDAR

Ftit ilu kont qiegħed ma’ pelleġrinaġġ Lourdes. Matul it-triq sakemm wasalna f’dan il-post tant imfittex mill-Maltin, ħsiebi mar fuq il-bosta sfumaturi tal-lewn aħdar li s-siġar tal-madwar joffru. Moħħi meta jibda jaħseb xi ħaġa jibqa’ jberren u jhewden u hekk ġrali fuq dan il-kulur li tant insibuh madwarna.

Xi ħaġa fuq fuq

L-aħbar huwa l-lewn bejn l-ikħal u l-isfar. Matul l-era post klassika u moderna, fl-Ewropa l-aħdar kien il-kulur assoċjat mal-ġid, in-negozjanti, il-bankiera u l-mexxejja, filwaqt li l-aħmar kien riservat għan-nobbli u l-poplu komuni kien jilbes il-griż jew il-kannella. Fin-natura nsibu dan il-lewn f’bosta minerali u ħaġar fosthom il-quarts, l-iżmerald u l-malakita. Hemm ukoll tipi ta’ rħam aħdar. Bla dubju l-akbar firxa ta’ ħdura nsibuha fil-weraq tal-pjanti u s-siġar. Ħafna frott ikun aħdar sakemm isir, biss hemm xi frott li anke meta jimmatura jibqa’ aħdar bħall-għeneb abjad, il-kiwi, il-lime, il-mango u tip ta’ tuffieħ. Iż-żebbuġ għandu żewġ varjazzjonijiet, dak aħdar u dak iswed. Hemm xi annimali, l-akar tjur jew rettili, li huma ta’ lewn aħdar u dan jgħinhom biex ikunu protetti minn predaturi.

L-aħdar huwa meqjuż bħala kulur kiesaħ flimkien mal-ikħal u l-vjola. Huwa wkoll wieħed mill-kuluri tal-għajnejn li flimkien mal-għajnejn koħol huma meqjusin bħala minoranza f’pajjiżna, iżda hemm ġnus li din hija ħaġa normalissima.

Fil-Malti meta bniedem jissejjaħ aħdar ikun ingħata aġġettiv xejn sabiħ għax fi lsienna ngħidu li bniedem ikun ta’ qalb ħadra jew li hu aħdar meta nkunu rridu nfissru li dak li jkun huwa bniedem kattiv. Ikollna ngħidu li din ma hijiex ħaġa tagħna biss għax għall-Ingliżi “Green-eyed monster” huwa dak li jkun jgħir u t-Taljani ġieli jgħidu “verde d'invidia” għal persuna għajjura. 

Fir-reliġjon

L-aħdar nassoċjawh l-aktar mal-Iżlam. F’dan it-twemmin l-aħdar jissimbolizza l-ġenna u għalhekk it-tribù ta’ Mawmettu kellu standard ta’ lewn aħdar. Kważi l-pajjiżi Musulmani kollha għandhom il-lewn aħdar fil-bandiera tagħhom. Sar-revoluzzjoni msejħa “Ir-Rebbiegħa Għarbija” il-bandiera tal-Libja kienet kollha ħadra. Fil-fatt bejn l-1977 u l-2011 din il-bandiera kienet l-unika waħda madwar id-dinja kollha li kienet ta’ lewn wieħed li ma kien fiha l-ebda arma jew disinn fuqha. F’dan il-pajjiż ukoll konna nsibu l-Pjazza l-Ħadra. Illum kemm il-bandiera Libjana kif ukoll isem din il-pjazza ġew mibdulin.

Fil-fidi Kattolika l-aħdar jintuża għal-liturġija ta’ matul is-sena, jiġifieri dejjem għajr fl-Avvent u r-Randan meta jintuża l-vjola u żmien il-Milied u żmien il-Għid meta jintuża l-abjad. Fir-rit Ambrożjan li jintuża f’Milan, il-lewn aħdar fil-quddies jintuża fil-Ħdud u l-ferji ta’ wara l-Epifanija sar-Randan mentri fir-rit Biżantin jintuża f’Ħadd il-palm, fil-Pentecoste u fil-festi tal-akbar qaddisin.

Interessanti l-fatt tal-istorja tal-Irlanda. Il-Kattoliċi ta’ hemmhekk jassoċċjaw irwieħeom mal-lewn aħdar filwaqt li dawk Protestanti huma marbutin mal-lewn oranġjo. B’hekk il-bandiera ta’ dan il-pajjiż hija ħadra, bajda u oranġjo.

Fil-Paganiżmu l-aħdar jissimbolizza l-ġid u l-abbundanza kif ukoll il-kobor u l-bilanċ. Fil-Buddiżmu l-aħdar huwa sinjal tal-armonija u l-bilanċ. Għalihom jekk wieħed jimmedita dwar l-aħdar ikun jista’ jibdel l-għira f’għerf. Fl-Indużmu il-kulur aħdar jirrappreżenta l-ferħ, is-sliem u s-safa.

Tal-partit

L-aħdar jista’ wkoll jidentifika lil xi partit. Mhux qed nifhem b’partiti politiċi biss. Il-partiti politiċi li fuq nett tal-aġenda tagħhom għandhom il-ħarsien tal-ambjent, normalment iġorru bnadar ħodor. L-aħdar jista’ jkun ukoll il-lewn ta’ tim tal-futbol. Bla dubju f’Malta meta nsemmu l-aħdar u l-futbol bla ma rridu moħħna mill-ewwel jaħseb fit-tim tal-Furjana u jekk naħsbu fuq livell internazzjonali niftakru fit-tim nazzjonali Irlandiż.

Hawn ukoll xi każini tal-banda li jħaddnu l-kulur aħdar, il-Każin ta’ San Filep ta’ Ħaż-Żebbuġ, dak ta’ Pinto – San Bastjan ta’ Ħal Qormi, dak tal-Beland taż-Żejtun, tal-Bagri ta’ Birkirkara, ta’ San Mikiel ta’ Ħaż-Żabbar, il-Banda Birżebbuġa, San Ġużepp ta’ Ħal Għaxaq u l-Banda Kristu Sultan ta’ Raħal Ġdid. Ma nafx jekk hemmx aktar, jekk ħallejt lil xi ħadd barra niskuża ruħi u nitlobkom taħfruli.

Aktar

Normalment l-imwejjed tal-billjard ikunu miksijin b’pannu aħdar għalhekk ġieli naraw minnhom bi lwien oħra fostrhom aħmar jew blu. L-istess nistgħu ngħidu għall-imwejjed tal-casinos. X’aktarx li dawn ikollhom tvalja ħadra fuqhom. Fil-judo u l-karate meta wieħed jakwista ċintorin aħdar ikun ifisser li huwa ta’ livell li jaf sewwa dak l-isport.

L-aħdar huwa l-inqas kulur li nħarsu lejh meta nieqdu fit-traffic lights bil-kontra tal-aħmar. Meta jixgħel dan aħna nsuqu. U bilħaqq, bilħaqq, bilħaqq! Qed niftakar li l-ewwel kompjuter li ħdimt fuqu kellu monitor bi sfont iswed u tipi ħodor.

Illum dort dawra ma’ kulur li minkejja li f’pajjiżna ma huwiex mifrux daqs f’pajjiżi oħra. Huwa kulur li jserraħ l-għajnejn u huwa kulur li  nsibuh spiss.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon -  29 ta' Jannar 2022




sabato 22 gennaio 2022

Il-ġonna tal-Vatikan

 Il-ġonna li nsibu ġewwa l-Belt tal-Vatikan huma mifruxin fuq kważi żewġ terzi tal-belt kollha. Dawn il-ġonna huma l-post fejn il-Papa jistrieħ u jippassiġġa. Kien il-Papa Nikola III li minkejja l-pontifikat qasir tiegħu, fl-1279 mexxa r-residenza papali mil-Lateran għall-Vatikan. 

Dan il-Papa kien ordna li ġewwa s-swar tal-Belt tal-Vatikan isir ġnien bis-siġar tal-frott,  ġnien ieħor b’ għadd ta’ siġar oħra u parti oħra b’ ħaxix baxx. Hekk bdew il-ġonna li nsibu llum. Fis-seklu XVI u s-seklu XVII dawn il-ġonna saru aktar artisitċi. Ġewwa fihom inbnew għadd ta’ funtani u tpoġġew bosta statwi sabiex isebbħu l-ambjent.

Kurżitajiet

Fil-parti ta’ fuq ta’ dawn il-ġonna insibu replika tal-għar ta’ Lourdes fi Franza. Dan l-għar kien sar fil-ġonna Vatikani fl-1903 u kien rigal lill-Papa Ljun XIII mingħand l-isqof ta’ Tarbes fi Franza, Francesco Saverio Schoepfer. Tabres hija d-djoċesi li minnha jagħmel parti anke ir-raħal ta’ Lourdes.  Fl-1960 inġieb minn Lourdes l-altar li għal aktar minn 50 sena kien jinsab fil-għar fejn il-Madonna dehret lil Bernardette Soubirous fl-1858. Ta’ kull sena fil-31 ta’ Mejju issir purċissjoni fil-ġonna tal-Vatikan li tispiċċa f’ dan il-għar. L-għeluq tax-xahar Marjan sa żmien il-Papa Piju XII kien isir fil-belvedere tal-Vatikan imma s-suċċessur tieghi, San Ġwanni XXIII, mimli devozzjoni lejn il-Madonna ta’ Lourdes beda jtemm dan ix-xahar taħt ix-xbieha tal-Madonna f’ din il-grotta. Il-Papiet ta’ wara Ġwanni XXIII komplew din id-drawwa sabiħa u hekk għadu jsir sal-lum. Fl-2013 il-purċissjoni saret fi pjazza San Pietru minflok fil-ġonna imma sena wara reġgħet saret fil-ġonna.

Fl-1990 biċċa mill-ħajt li kien jifred l-Ewropa tal-Lvant minn dik tal-Punent, l-hekk imsejjaħ Ħajt ta’ Berlin ingħatat lill-Papa San Ġwanni Pawlu II bħala tifkira tal-waqgħa tal-Komuniżmu u bħala radd il-ħajr ta’ kemm ħadem għall-paċi fl-Ewropa tal-Lvant. Din il-parti żgħira minn dan il-ħajt tinsab fil-ġonna tal-Vatikan.

Fatt kurjuż huwa dak li seħħ fl-1921 – bogħod mill-Vatikan imma li b’ xi mod intrabat ma’ dawn il-ġonna. Ġewwa Loreto hemm il-bażilika tad-Dar Imqaddsa, id-dar li jingħad li kienet tal-Madonna. Ġewwa din id-dar li tinstab fil-bażilika kien hemm statwa tal-Madonna, statwa tal-injam maħduma fis-seklu XIV. Billi din kienet statwa devozzjonali ħafna kienu bosta dawk li jixgħelulha x-xemgħa u bid-duħħan tax-xemgħa swiedet ħafna tant li bdiet tissejjaħ Il-Madonna s-sewda. Lejn tmiem is-seklu XVII it-truppi ta’ Napuljun Bonaparti ħadu magħom din l-istatwa għażiża imma bis-saħħħa tat-Trattat ta’ Tolentino li sar bejn l-Istat Pontifiċju u l-ewwel Repubblika Franċiża fid-19 ta’ Frar, 1797 din l-istatwa intraddet lura. Fl-1921 nar qawwi ħakem lill-bażilika ta’ Loreto u l-famuża statwa spiċċat irmied. Il-Papa Pju XI ta siġra minn dawn il-ġonna sabiex tkun imnaqqxa statwa oħra bħal dik li kien hemm qabel.

Stazzjon u heliport

F’dawn il-ġonna insibu l-istazzjon tal-ferrovija tal-Vatikan. Dan ma huwiex stazzjon miftuħ għall-pubbliku imma b’daqshekk ma jfissirx li ma jintużax. Dan l-istazzjon beda jinbena fl-1929 u x-xogħol fuqu tlesta fl-1932. L-ewwel Papa li uża dan l-istazzjon kien il-Papa San Ġwanni XXIII sewwasew tletin sena wara li kien lest meta fl-4 ta’ Ottubru, 1962 huwa mar pellegrinaġġ bil-ferrovija sa Loreto u Assisi. Papiet oħra li użaw dan l-istazzjon kienu San Ġwanni Pawlu II u Benedettu XVI. Ftit kienu dawk il-persuni li għamlu użu minn dan l-istazzjon imma ġieli intuża biex xi morda jitwasslu direttament fil-Vatikan. L-aktar li jintuża huwa biex tasal il-merkanzija f’ din il-Belt-Stat. Il-perit ta’ dan l-istazzjon kellu f’ moħħu li bosta persuni prominenti kellhom jgħaddu minnu u għalhekk żejnu bi statwi u disinnji tal-irħam kif ukoll żewġ bassoriljievi, waħda turi s-sajda mirakoluża ta’ Pietru u l-oħra turi lill-Profeta Elija fuq il-karru tan-nar. Dan l-istazzjon ma għandux aċċess għal ferroviji li jaħdmu bid-dawl, għalhekk il-ferroviji li jaslu hawnhekk iridu jkunu jaħdmu bid-diesel. L-aktar stazzjon qrib huwa dak ta’ Roma San Pietro, madwar 862 metru bogħod. Għalhekk ferrovija li toħroġ mill-Vatikan tibda bid-diesel u ladarba tasal fl-istazzjon San Pietro tkun tista’ tkompli bid-dawl.

Fil-parti l-aktar għolja ta’ dawn il-ġonna insibu l-heliport li jservi lill-Papa meta jkun sejjer juża l-helicopter. Jintuża wkoll meta xi kapijiet ta’ stati jkunu sejrin iżuru l-Papa u jużaw il-helicopter sabiex jaslu sal-Vatikan. Dan il-heilport inbena fi żmien il-Papa Pawlu VI fl-1976. Fl-1978 il-Papa San Ġwanni Pawlu II poġġa f’ dan il-heliport xbieħa tal-bronz tal-Madonna s-Sewda li nsibu f’Częstochowa fil-Polonja.

Kienet xewqa tal-Papa Wojtyla li fil-Vatikan ikun hemm abazija għas-sorijiet tal-klawsura. Xewqet il-Papa inqatgħet fl-1992 meta parti mill-post merfugħ għall-ġardiniera inbidel f’monasteru tas-sorijiet tal-klawsura. Dan il-post jissejjaħ il-Monasteru Mater Ecclesiae. Maż-żmien din l-abazija spiċċat vojta imma meta fl-2013 il-Papa Ratzinger ta d-dimissjoni tiegħu, huwa għażel dan il-post biex jgħix fih.

Dawn il-ġonna għal bosta snin kienu magħluqin għall-pubbliku imma dawn l-aħħar snin sar possibli li l-pubbliku jżurhom ukoll.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 22 ta' Jannar 2022




venerdì 14 gennaio 2022

IKEL TAKE AWAY

 Ma nafx jekk hijiex l-impressjoni tiegħi jew hijiex ir-realtà, imma jidhirli li matul ix-xhur li ilna għaddejjin bil-pandemija, l-ikel hekk imsejjaħ take away  żdied. Din l-impressjoni ħloqtha meta rrealizzajt kemm fit-toroq tagħna dawn l-aħħar xhur żdiedu l-muturi li jqassmu dan l-ikel. Waqt li kont fil-karozza, imwaħħal fi traffiku li donnu ma ried jispiċċa qatt, bdejt nara għadd ta’ muturi għaddejjin minn ħdejja, kollha bil-kaxxa tal-ikel fuqhom, sejrin jagħlfu lil min hu bil-ġuħ. Dlonk f’moħħi bdejt nhewden kif bdiet l-industrija tal-ikel mixtri msajjar u lest. Immaġinajt li din hija ħaġa moderna imma meta mort infittex intbaħt li kont żbaljat u żbaljat bi kbir ukoll!

L-istorja tat-take away

Il-kunċett ta’ ikel imsajjar f’post biex jiġi kkunsmat f’post ieħor imur lura ħafna fl-istorja. Kemm fil-Greċja kif ukoll f’Ruma tal-qedem kienu jeżistu bankijiet mal-ġenb tat-toroq li kienu jbiegħu diversi platti ta’ ikel  differenti li dak li jkun kien jixtri u jieħu miegħu d-dar. Biex naraw kemm din id-drawwa kienet komuni nistgħu nsemmu li fil-belt Rumana ta’ Pompei instabu aktar minn mitejn minn dawn il-bankijiet. Dawn jissejħu termopolja – u kienu jkunu quddiem xi ħanut tal-ikel sabiex minnhom jinbiegħ ikel imsajjar u jittieħed biex jittiekel xi mkien ieħor – sewwasew it-take away. Meta wieħed jara n-numru hekk kbir ta’ dawn il-bankijiet jasal għall-konklużżjoni li f’dak iż-żmien aktar kien komuni li jinxtara ikel imsajjar lest u jittieħed id-dar milli jissajjar ikel id-dar. U jekk naraw in-numru ta’ muturi li jduru fit-toroq tagħna llum naħseb li eġajna wasalna għal dan il-punt.

Fil-Medjuevu fl-Ewropa konna nsibu bosta bejjiegħa jbiegħu ikel imsajjar lest fit-toroq ta’ bliet kbar bħal Londra u Pariġi, biss xejn taħsbu li dawn kienu jinstabu biss fl-ibliet. F’xi rħula kien hemm anke nies foqra li jixtru ikel imsajjar lest minħabba li ma kellhomx l-għodda biex isajru huma. Din id-drawwa nsibu li kienet mifruxa wkoll fiċ-Ċina. Fl-Eġittu kienu ħafna dawk li jġorru tvalja magħhom u jixtru l-ikel mit-triq u jinxteħtu jiekluh f’xi post għall-kwiet. Fit-Turkija f’dawk iż-żminijiet bdew ifaqqsu bosta bejjiegħa f’salib it-toroq, bejjiegħa li mhux biss kienu jbiegħu frott imma anke ikel misjur.

Kif l-Ewropej rifsu l-kontinent Amerikan daħħlu magħhom id-drawwiet tagħhom u għalhekk fl-Amerika Latina sar popolari l-bejgħ tal-ikel imsajjar u lest.

Il-fish and chips u l-hamburger

Ir-rivoluzzjoni industrijali għenet biex l-ikel take away isir aktar popolari. Fl-Ingilterra nsibu l-famuż fish and chips. Ma nafux sewwa fejn kien l-ewwel ħanut tal-fish and chips, imma nafu li għall-ħabta tas-sena 1860 kien hemm ħwienet li jservu dan il-platt kemm f’Londra kif ukoll fi bliet bħal Manchester u Lancashire. Il-popolarità ta’ din l-ikla tatha l-fama li hija l-ikla tradizzjonali Ngliża. Bejn l-ewwel u t-tieni gwerra dinjija, fl-Ingliterra, konna nsibu xejn anqas minn ħamsa u tletin elf ħanut iservu l-ħut moqli bil-panura u l-patata moqlija. Illum dan in-numru naqas ħafna, imma xorta l-fish and chips għadha ikla kważi obbligatorja għal min iżur l-Ingliterra.

L-istorja tal-hamburger bdiet bejn wieħed u ieħor fl-istess żmien imma fuq in-naħa l-oħra tal-Oċean Atlantiku. Il-ħaddiema kienu aktarx foqra u għalhekk pulpetta tal-laħam fi ħbejża ratba kienet ideali għall-ikel tagħhom. L-isem ta’ din l-ikla ġej mill-belt Ġermaniża ta’ Hamburg. Bosta Ġermaniżi minn din il-belt kienu emigraw lejn l-Amerika u aktarx li kienu huma li bdew jieklu din l-ikla fost il-ħaddiema li semmejna. Fil-gazzetta Chicago Daily Tribune, nhar il-5 ta’ Lulju 1896 deher artiklu li f’pompa tal-petrol kien fetaħ ħanut tal-ikel li sakemm tistenna kien jagħmillek kisra ħobż b’biċċa laħam fih għall-prezz ta’ ħames ċenteżmi biss. Din l-ikla kien jisimha Hamburger steak sandwich. Illum il-burger saret popolari mad-dinja kollha u pajjiżna mhux xi eċċezzjoni.

Pizza

Fost l-aktar ikel popolari għat-take away insibu l-pizza. Madwar disgħin sena ilu fl-Amerika kien hemm kumpanija li kienet tirreklama li minn x’ħin tordna l-pizza jew tasallek id-dar fi tletin minuta jew toħodha b’xejn. Ħaġa bħal din kienet tirrikjedi ħeffa anke f’min iqassamha u għalhekk kienu bdew jinħolqu ħafna inċidenti tat-traffiku tant li din il-ħaġa kellha titwaqqaf. Intant nerġgħu lura għall-pizza. Billi l-Italja hija magħrufa għal din l-ikla, ngħidu biss li persentaġġ kbir mill-ħwienet tal-ikel li jservu l-pizza ġewwa l-Italja jagħmlu wkoll is-servizz ta’ take away. Dan ma jfissirx li bil-fors iwasslulek il-pizza d-dar, id-delivery hija ħaġa oħra. Għat-Taljani l-pizza hija dik l-ikla li toffrieha lil min toffrieha ma tiżbalja qatt għax kulħadd iħobbha. U ħa ngħiduha kif inhi, pizza bħalma ssir f’forn ta’ ħanut tal-ikel ma ssir fl-ebda forn ieħor.

Illum dorna dawra mal-ikel take away, li kont naħseb li huwa xi ħaġa relattivament moderna imma meta fittixt indunat li hija xi ħaġa antikissima.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In- Nazzjon - 15 ta' Jannar 2022



sabato 8 gennaio 2022

NIES KBAR

 

Fid-dinja jkun hawn nies li jgħixu u jtemmu ħajjithom fil-kwiet bla ma ħadd jinduna bihom, bla ma jħallu l-ebda marka importanti fid-dinja. Imma mbagħad issib bnedmin oħra li kemm f’ħajjithom kif ukoll wara mewthom jibqgħu meqjusin bħala nies kbar. Ma jfissirx li dawk li ma jagħmlux ħoss fid-dinja ma jkunux għamu xi tip ta’ ġid. Ħafna minnhom ikunu rabbew familja, ħadmu u kienu nies tal-affari tagħhom, imma ma wettqu xejn tant kbir li d-dinja tibqa’ tiftakar fihom. Propju llum, 8 ta’ Jannar jaħbat jum il-mewt ta’ żewġ irġiel kbar li ħallew isem. Dawn huma l-esploratur Marku Polo u l-astronomu u fiżiku Galileo Galilei.

Polo

Imwieled f’Venezja fil-15 ta’ Settembru, 1254, Marku Polo huwa meqjus bħala wieħed mill-akbar vjaġġaturi u esploraturi ta’ kull żmien. Polo jissemma fl-Arkivji tar-Repubblika ta’ Venezja bħala “Marco Paulo de confinio Sancti Iohannis Grisostomi”, jiġifieri Marku Polo mid-distrett ta’ San Giovanni Grisostmu, fejn kien u għad hemm knisja ddedikata lil dan il qaddis. Xejn mhu magħruf dwar it-tfulija tiegħu, ħlief li kważi żgur għaddieha f’Venezja. Wara li mietet ommu, missieru aktar tard kien se jerġa’ jiżżewweġ lil Floradisa Trevisan, għalhekk Marku trabba miz-zijiet. Huwa rċieva edukazzjoni u tgħallem kif jista’ jbaħħar imma ma nafux jekk kienx jaf jitkellem bil-Latin jew le, ħaġa li minbarra li ġġorr preġju tiftaħ ukoll orizzonti akbar lil min kien ikun jaf jitkellem dak l-ilsien. 

Fl-1300 żżewweġ lil Donata Badoer, bint Vitale Badoer, negozjant kbir, li minnha kellu tlett ibniet: Fantina li wara żżewġet lil Marku Bragadin, Belella miżżewġa lil Bertuccio Querini u Moreta li ma nafu xejn dwarha.

Insibu kitba dettaljata dwar il-vjaġġi li wettaq Polo, kitba li ġġib l-isem “Il Millione”. Aktarx li Millione kien il-laqam tal-familja ta’ Polo, imma din  hija biss ipotesi u ħadd ma jaf fiċ-ċert għalfejn din il-kitba ħadet dan l-isem.

Il-kobor ta’ dan il-bniedem huwa li baħħar lejn artijiet li kienu mbegħda u ġab miegħu lejn l-Ewropa ħwejjeġ li ħadd qatt qabel ma kien jaf bihom. Fl-1323 Polo kien marid u ma setax iqum mis-sodda. Fit-8 ta’ Jannar 1324, f’xifer il-mewt, iddetta l-aħħar xewqat tiegħu lis-saċerdot Giovanni Giustiniani ta’ San Procolo. Marku qassam il-ġid tiegħu bejn il-familja tiegħu, diversi istituti reliġjużi, inkluż il-knisja ta’ San Procolo u l-knisja ta’ San Lorenzo fejn kien se jindifen, kif ukoll għaqdiet u fratellanzi li kien kien membru fihom matul ħajtu.

Galilei

Galileo Galilei twieled fil-belt ta’ Pisa fil-15 ta' Frar tas-sena 1564. Huwa kien fiżiku, astronomu, filosfu, matematiku u akkademiku Taljan u huwa meqjus bħala missier ix-xjenza moderna. Żgur li huwa figura ewlenija tar-rivoluzzjoni xjentifika.

Wara tentattiv fallut biex Galileo jiddaħħal fost l-erbgħin student Toskan li ġew milqugħa b’xejn fl-Università ta’ Pisa, iż-żagħżugħ ġie ospitat “bla ħlas” minn Muzio Tebaldi, uffiċjal tad-dwana tal-belt ta’ Pisa. Fost il-ħafna skoperti tiegħu huwa qal lid-dinja li d-dinja ma hijiex ċatta imma hija tonda u din iddur max-xemx u mhux ix-xemx iddur mad-dinja, verità li kellu jħallas għaliha prezz għoli mmens!

Fid-19 ta’ April tas-sena 1611, il-Kardinal Roberto Bellarmino ikkummissjona lill-matematiċi tal-Vatikan biex iħejjulu rapport dwar l-iskoperti ġodda ta’ dan ix-xjenzat. Fil-21 ta’ Diċembru 1614, minn fuq il-pulptu ta’ Santa Marija Novella f’Firenze, il-patri Dumnikan Tommaso Caccini tkellem fit-tul kontra ċerti matematiċi moderni u b’mod partikolari kontra Galileo. Huwa qal li dak li kienu qed jgħidu dawn ix-xjenzati jikkontradixxi l-Iskrittura Mqaddsa. Żball enormi mill-Knisja għax interpretat il-Bibbja bħala ktieb xjentifiku. Il-Knisja talbitu jgħid li dik it-teorija tiegħu kienet għal kollox żbaljata imma Galileo ma seta’ qatt jaċċetta din il-proposta. Għalhekk huwa kellu jgħaddi minn taħt idejn l-inkwiżizzjoni.

Il-ġuri beda fit-12 ta’ April 1633, bl-ewwel interrogazzjoni ta’ Galileo, li għaliha l-inkwiżitur, id-Dumnikan Vincenzo Maculano, ta “preċett” li bih il-Kardinal Bellarmino kien jordnalu jabbanduna t-teorija tiegħu.  Huwa kien arrestat ġewwa daru għall-kumplament ta’ ħajtu.

Illum nafu li dak li skopra Galileo Galilei ma kienx imur kontra t-tagħlim tal-Knisja imma kienet skoperta importanti għax-xjenza moderna. Imma mur fiehem lil dawk in-nies dak iż-żmien! Huwa miet fit-8 ta’ Jannar tas-sena 1642. Il-kotba tiegħu baqgħu ma jistgħux jinqraw mill-Kattoliċi sas-sena 1758.

Biex tkun kbir

Illum rajna fuq fuq il-ħajja u x-xogħol ta’ żewġ persuni kbar li mietu bħal-lum. Biex bniedem ikun kbir irid ibati, irid iżomm il-prinċipju tiegħu u mhux idur ma’ kull riħ. Iżomm il-prinċipji tiegħu anke jekk ikun jaf li kulħadd huwa kontra tiegħu, anke meta jara d-dinja kollha toħodha kontrieh.

Ikollna nammetti li llum ftit li xejn għad għandna nies kbar bħal dawn!

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 8 ta' Jannar 2022